13.9.18

Il-fama tajba ta’ pajjiżna




1.    Missieri, fost ħafna nafu jgħid li ftit wara li kien ġie elett l-ewwel darba fl-1966, Dottor Borg Olivier għajjat lil dawk id-Deputati Nazzjonalisti li, bħalu, kienu ‘ġodda’, u qalilhom: “Tafu għal xhiex dħaltu!  Aħna hawn ‘suicide squad’.  Tistennewx ħafna għasel, għaliex il-politika hija ħajja ta’ sagrifiċċju.”.  Imbagħad dar lejn missieri u qallu: “Inti taf biżżejjed.”  Il-politika, minn ġewwa, fiha ħafna dispjaċiri.  Mhux kulħadd ibati xorta.  Għax mhux kulħadd jiddedika ruħu bl-istess mod, u mhux kulħadd jgħaddi mill-istess cirkostanzi.  Iżda kull bniedem fil-politika huwa suġġett għal ħafna stennija minnu, kemm mill-poplu li tellgħu, kif ukoll mill-poplu li ma tellgħux.  Ħafna wkoll, sfortunatament, jgħiru għalih, aktarx għaliex ma jafux x’jiġifieri.

Kollha xorta!

2.    Le, mhux kollha xorta, u għalhekk issir l-għażla fl-elezzjoni.  Hemm ħafna ħwejjeg li jgħoddu għall-politiċi kollha, u hemm ħafna ħwejjeġ oħra li jiddistingwu, wieħed jew waħda mill-oħrajn.  L-ewwelnett: it-talenti.  Min għandu l-kapaċità li jipperswadi b’diskorsu, min għandu moħħ analitiku, min għandu intuwizzjoni, għarfien malajr tas-sitwazzjoni, min jaf jagħmel ġudizzju tal-bnedmin u jinduna malajr lil min għandu jafda u lil min le.  Min jaf iżomm kalm fit-tempesti.  Min jaf jixgħel l-entużjażmu ta’ ħaddieħor.  Min għandu l-grazzja biex jiġbed in-nies lejh.  Talenti diversi u bi gradi diversi.

Talenti!

3.    Barra mit-talenti, hemm ukoll il-karattru morali: min iżomm kelmtu, u min le.  Min jgħid is-sewwa, u min iqarraq.  Min jaħseb f’ħaddieħor, u min moħħu biss fih innifsu.  Hemm ukoll il-fehmiet: l-ideoloġija m’għadhiex moda, iżda min josserva jinduna li, f’kull partit, hemm min huwa intolleranti u moħħu magħluq, min iħobb jimponi fuq ħaddieħor, min kapaċi jisma’ u jiddiskuti.  Ma tiskantax li ssib dawn it-tendenzi fin-nies tal-partiti kollha, għaliex kulħadd parti mill-umanità.  Iżda f’ċerti partiti, donnu li l-arroganza tingħoġob iktar.  F’ċerti pajjiżi, anki l-injoranza tingħoġob.  U mhux qed nitkellem b’pajjiżna quddiemi: hawn popli kbar li jinnamraw mal-injorant arroganti (ħu l-Ġermanja, u kif Hitler kien jimpressjona).  Ċertament mhux kollha xorta l-politiċi!  La huma kollha qaddisin u lanqas kollha korrotti.  Lanqas kollha magħmulin jew kollha semi-illitterati.

L-għira għalihom

4.    Ħafna, u ta’ kull klassi soċjali, jagħmlu l-iżball li jgħiru għalihom.  Ħafna jimmaġinaw min jaf minn liema privileġġi ngawdu aħna n-nies tal-politika.  Immaġinazzjoni qarrieqa: aħna pajjiż, kif jgħidu l-Franċiżi, ‘egalitarju’.  Nippretendu, u nippretendu sewwa, li kulħadd l-istess.  Kulħadd suġġett għal-liġi, u għajnejn in-nies fuqna.  U hekk sewwa.  Iżda dawk minna li ma jibżgħux għalihom innifishom, iġibu dell fuq il-politiċi sħabhom kollha.  Speċjalment dawk tal-istess partit tagħhom, iżda wkoll anki fuq l-oħrajn.  U dan jagħmel ħsara kbira lid-demokrazija.  Tonqos il-fiduċja fil-politiċi.  Tonqos il-fiduċja fis-sistema demokratika.  Il-populiżmu b’hekk jikber, għaliex jibdew jipperswadu lill-poplu li għandu jtella’ lil xi mexxej b’saħħtu u b’kelma “bla kantunieri”, li suppost għandu l-abbiltà li jirranġa kollox.  Tonqos il-fiduċja fis-sewwa u tikber l-idea li bid-dnewwa biss jinstabu s-soluzzjonijiet.

Id-dmir tagħna l-politiċi

5.    Dmirna jibqa’ dak li nagħtu servizz lill-poplu li tellagħna, u li ma nagħtuhx skandlu bl-aġir tagħna.  Aħna qegħdin fil-vetrina.  Ir-rażan huwa importantissimu.  Kullimkien, iżda l-iktar f’pajjiżna li, fiċ-ċokon tiegħu, jgħid: “L-ajru għandu għajnu, u l-ħajt għandu widintu”.  F’Malta u Għawdex m’hawn xejn verament privat u mistur.  Ilkoll kemm aħna, meta niltaqgħu man-nies, nisimgħu fuq sħabna.  Ngħid għalija, ma nemminx kollox, u la l-ġid u l-qdusija u l-kapaċità kollha, u lanqas id-dnubiet, l-isfortuna u d-disgrazzji kollha li l-bniedem jidħol fihom.  Jiena, li nista’ niżen aħjar lil sħabi, noqgħod lura milli nissentenzja.  Min ma jafniex mill-qrib, jesaġera fis-suspetti u fl-ammirazzjoni.

Ngħollu l-livell

6.    Allavolja bħalissa qegħdin nieħdu eżempji ħżiena minn ċerti politiċi ta’ pajjiżi ferm ikbar minna, aħna l-politiċi Maltin ta’ kull partit, f’Malta u Għawdex, għandna l-obbligu li ngħollu l-livell tal-prattika tal-politika f’pajjiżna.  Il-ħsara li ssir lil pajjiż żgħir bħal tagħna, meta tingħata l-impressjoni li pajjiżna jitmexxa bil-korruzzjoni, hi verament enormi.  Sa ftit żmien ilu konna ħadna l-fama, mal-Ewropa kollha, li aħna eċċezzjonalment iktar stabbli, amministrati bl-ordni u iktar niggarantixxu s-serjetà minn pajjiżi oħra madwarna.  Minħabba ċerti ġrajja, din il-fama bdiet tittappan.  Obbligati wkoll, iżda speċjalment aħna l-politiċi, u l-iktar dawk li qegħdin fil-Gvern, li ngħollu l-livell.

Imġieba korretta

7.    Bl-imġieba, bil-kompetenza, billi ma nidħlux f’konflitt tal-interessi personali mal-interess pubbliku.  Billi meta nkunu murija u mismugħa, nitkellmu fuq il-mezzi tax-xandir, u verament inkunu vetrina, ma nwaqqgħux il-prestiġju tal-Parlament bi kliem u aġir barra minn loku.  Jiena mdorri, kultant, nagħti daqqa t’għajn lejn id-diskorsi li kienu saru fil-Kamra tad-Deputati fi żminijiet oħra, biex nara x’intqal meta għaddew xi liġi partikolari, jew taw bidu għal xi kampanja ta’ opinjoni.  Ġieli nosserva li kien hemm żminijiet meta l-preparazzjoni kienet aktar attenta milli nosserva llum.  Veru li d-dinja iktar mgħaġġla, iżda dan ma jiskużaniex: il-leġislazzjoni għandha importanza kbira.

Nfakkru dak li għaddejna minnu

8.    Aħna, mill-Oppożizzjoni, jeħtieġ infakkru l-imgħoddi, inħeġġu u nlestu għal żminijiet meta nerġgħu nuru li Malta u Għawdex huma eċċezzjonalment effiċjenti fl-amministrazzjoni, b’servizz pubbliku nadif u onest, u b’demokrazija li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali ta’ kulħadd.  L-onestà la hi, u lanqas qatt kienet monopolju tal-Partit Nazzjonalista, iżda konna u għadna, u j’Alla nibqgħu, ntuha l-ikbar importanza, forsi iktar minn oħrajn.  Iktar u iktar f’dawn il-jiem, meta nfakkru dak li missirijietna għaddew minnu f’żewġ assedji mill-iktar kiefra.  F’dan, proprju, anqas ma għandna nippretendu li aħna bravi iktar minn ħaddieħor: iżda dejjem tajna prijorità kbira lit-tagħlim u l-preparazzjoni.



No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...