1.    Mhux ser nidħol fit-tul dwar xi tfisser
il-kelma ‘demokrazija’.  Demokrazija,
fis-sens oriġinali etimoloġiku u filosofiku, tfisser ‘gvern tal-Poplu’.  Hemm sistemi varji sabiex dan iseħħ.  Toroq ftit differenti minn xulxin biex
iwasslu għal dan.  Imma lkoll, jekk vera
demokraziji jagħtu każ u widen tal-opinjoni u l-vuċi tal-poplu.  L-ideat, il-proposti, l-inizjattivi li
joħorġu minn moħħ u anki minn qalb il-membri, iċ-ċittadini, il-bnedmin li
jiffurmaw soċjetà jridu jsibu toroq biex jesprimu ruħhom.  Jgħidu li jaħsbu mingħajr xkiel fi ħdan
il-liġijiet li huma jibnu.  Kull
demokrazija tikber u timrah iktar ma jkollha dan liberu.
Il-Monument tal-Assedju l-Kbir
2.    Proprju għalhekk li, mitt sena ilu, ta’
qabilna ħassew li għandu jkun hemm monument biex jitfakkar l-Assedju
l-Kbir.  Ħassew dan proprju ftit wara li,
għall-ewwel darba, kien hemm it-twelid tal-Parlament Malti.  Wara mijiet ta’ snin taħt ħakmiet u saltniet
oħra, kif kien hemm din l-espressjoni libera saru l-proċeduri neċessarji sabiex
għandna post fejn fih nonoraw lil dawk li tilfu ħajjithom għalina.  Dan kien fl-1927, qabel sew it-Tieni Gwerra
Dinjija, u mertu wkoll ta’ ħidmet il-Partit Nazzjonalista.  Minn dak iż-żmien sallum, għalkemm inbidlitlu
l-pożizzjoni, it-tlett figuri tiegħu hemm baqgħu.  Baqgħu t-tlieta ma’ xulxin, mhux mifruda,
f’daqqa.  Ir-reżistenza tagħna, flimkien
maċ-ċiviltà u r-reliġjon Nisranija baqgħu ħaġa waħda.
Dejjem preżenti
3.    Sa issa, f’ħajti, ftit drabi rajtu
mgħotti.  Dejjem preżenti fil-ħajja ta’
dawk li jidħlu l-Belt u jgħixu f’dawn il-gżejjer.  Kull min jgħaddi quddiemu jaf li hemm
monument nazzjonali li għandu jkun kburi bih. 
Wieħed li ma jifridx.  Wieħed li,
anzi, jkun hemm min ikun hemm fil-Gvern, jieħu ħsieb jara li fit-8 ta’ Settembru
ta’ kull sena, ninġabru sabiex nisimgħu diskors li jikkommemora dawk l-eventi
tal-1565.  Punt fejn, hu min hu jħossu
kburi bl-istorja tagħna.  Missirijietna
ma waqqgħuniex għaċ-ċajt.  Ma kinux lesti
li jċedu l-armi, anke jekk f’numru ferm u ferm iżgħar u ma’ mexxejja
kompletament ġodda.  Żammew sod, ħarsu ‘l
quddiem, kienu jafu x’inhuma jagħmlu, ittamaw, u rnexxielhom jirbħu fejn
ħaddieħor ma kienx jimmaġina.
Tul il-lejl
4.    Hekk ġara din is-sena.  Saru ċ-ċelebrazzjonijiet, u kull min kien
hemm mar lura sodisfatt u magħqud.  Biss,
appena tlestew, dlonk b’għaġġla qawwija, qomna naraw li tul il-ħidma tal-lejl
tgħatta tlett kwarti minnu, kważi kollu, bi drapp ħadrani u b’biċċiet
tal-injam.  Daħal fid-dlam tal-lejl.  L-iskoża nazzjonali li tressqet kienet li
hemm bżonn ta’ restawr.  Li għandu bżonn
sokkors u protezzjoni immedjata għax daqt ser issirlu ħsara irrimedjabbli.  Raġuni li ma tantx twemmnet minn diversi li
rajt u ltqajt magħhom fit-triq. 
Speċjalment dawk li jafu sew l-affarijiet.  Li jafu li tmien snin ilu kien diġà sar
restawr sħiħ u eċċellenti.  Wieħed taħt
id-direzzjoni ta’ James Licari bil-ħidma ta’ numru ta’ organizzazzjonijiet,
fosthom Din l-Art Ħelwa u finanzjata mill-Fimbank plc.  U dak iż-żmien, għal min jiftakar, kien hemm
verament il-bżonn, għax l-elementi kienu qed jagħmlu tagħhom sew.
Nafu għalfejn
5.    Ir-raġuni vera mhux uffiċjali għal dan,
il-poplu kollu jafha.  Jaf li dan
il-monument, fil-parti ta’ isfel tiegħu sar punt fokali fejn diversi setgħu
jesprimu l-luttu u l-vistu tagħhom. 
Il-luttu lejn persuna Maltija, li kważi sena ilu mil-lum sofriet l-agħar
forma ta’ mewt.  Li sabet, a skapitu ta’
ħajjitha, li fid-demokrazija li tant konna qed niftaħru biha, mhux minnu li
kulħadd jgħid li jrid.  Li mhux minnu li
kull ċittadin għandu l-protezzjoni tal-istituzzjonijiet u tal-forza
tal-ordni.  Vistu li kien qed jiġi
espress mhux bħall-passat, bi ħwejjeġ suwed jew faxex tal-istess kulur mal-id
għal xhur jew snin sħaħ, imma b’xemgħat u fjuri.  Jista’, nistaqsi, f’soċjetà libera xi ħadd jindaħal
fil-mod ta’ kif wieħed jibki u juri s-sogħba tiegħu?
Il-mewt misteru
6.    Fi żminijiet oħra kien hemm modi li ta’
qabilna kienu jħossu li huma tant b’saħħithom fis-soċjetà li kellhom
josservawhom daqs li kieku kienu liġijiet miktuba u minquxa.  Kien hemm rabtiet qawwija.  Kien hemm min jitkaża, jikkundanna, jaqta’
barra, jiddisprezza jekk ħaddieħor ma jżommx ma’ dan, jekk ikun funeral liebes
kulur aħmar u mhux iswed.  Niftakar,
bħalma ċertament tiftakru intom, persuni li jibqgħu bil-vistu għal snin.  Il-mewt misteru.  Ftit jifhmu. 
Ħadd ma jirreaġixxi l-istess. 
Għax anke jekk jgħaddi ż-żmien, dawk li tħosbb u titlef, tibqa’
tkellimhom.  Tibqa’ tħosshom
miegħek.  Tibqa’ toħlom bihom.  Tibqa’ titlob għalihom u titlobhom jitolbu
għalik.  Tibqa’ taqbiżlek demgħa, jgħaddi
kemm jgħaddi żmien.  Hemm rabta ta’
imħabba indeskrivibbli, u f’ħafna, inspjegabbli.
Naqtgħu barra minna
7.    Biss, f’dan kollu rridu naċċettaw li luttu u
vistu, kull persuna hija libera li tmur għalihom, kif trid u sakemm trid.  Dik hija ċertament parti sħiħa mil-libertà
tagħna.  Dan il-proċess qegħdin narawh
iseħħ u għandna nifhmuh.  Ma hemmx bżonn
min iħossu mhedded minnu, jew jikkundannah. 
Wisq inqas li b’xi mod jibża’ minn dan l-aġir mill-iktar uman.  Wieħed li jekk jinqata’, jkun qed jaqta’
barra parti mill-umanità tagħna, miċ-ċiviltà tagħna u mir-reliġjon Nisranija
tagħna.
Nistaqsi
8.    Xi żball u reazzjoni sproporzjonata.  Nistaqsi: Gvern daqshekk sod u qawwi
fil-poter għandu jħossu minaċċjat minn dawk ix-xemgħat u dawk il-fjuri li
ċittadini ta’ dan il-pajjiż, fil-libertà, jħallu?  F’dik l-imbierka libertà li hu stess għandu
d-dmir li jiggarantixxi?
Festina Lente
9.    L-aħħar restawr estensiv li sar fl-2010 ma
damx xhur interminabbli.  Inbeda u
spiċċa.  Jekk fil-pedestall hemm bżonn
tant restawr, nittamaw li ma jdumx ma jsir. 
Li jiġi esegwit kif għandu, imma kif jgħidu: “festina lente”.  Huwa żball li monument nazzjonali bħal dan
jitħalla mgħotti fit-tul.  Pajjiżna, jekk
immexxi bid-dehen, għandu jkun kapaċi, fil-libertà demokratika tiegħu jifhem
il-luttu u l-vistu ta’ oħrajn, mingħajr ma jiċċaħħad minn dak li huwa tiegħu.
 
 
No comments:
Post a Comment