27.9.18

Kofi Annan.




1.    Mertu tal-ex-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Dr Joe Borg, bejn il-25 u s-27 ta’ Ġunju 2000, sibt ruħi Varsavja.  Attendejt u ħadt sehem f’dak li ssejjaħ il-“World Forum on Democracy”.  L-amministrazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika, immexxija mis-Segretarju tal-Istat Madeleine Albright, riedet tagħmel il-punt li d-demokrazija hija l-aqwa sistema politika u li għandna nagħmlu l-isforzi tagħna biex tissoda.  Biex min mhuwiex demokratiku nħajruh isir.  Kif ukoll biex, min huwa, jkompli jissoda d-demokrazija li għandu.  L-esperjenza għalija kienet mill-iktar interessanti, meta kont għadni kif bdejt triqti bħala deputat tal-poplu.  Għaliha ġew ħafna mill-mexxejja tad-dinja demokratika.  Fosthom kelli x-xorti li niltaqa’ ma’, u nisma’ lil Kofi Annan, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.

Ħadem ħafna

2.    Niftakarni ftit ‘il-bgħid minnu huwa u jitkellem.  Il-vuċi tiegħu kienet waħda stabbli.  Ma kienx hemm retorika.  Kien hemm, però, ħafna enfasi fuq il-kontenut ta’ dak li kien qiegħed jgħid.  Fuq il-messaġġ politiku tiegħu.  Diskors li sar waqt li kien qiegħed imexxi diversi aġenda impenjattivi li kien daħal b’saħħa kbira għalihom.  Dik kontra l-faqar, kontra l-gwerer, favur id-demokraziji u favur il-paċi.  Ħadem ħafna u kien meqjus.  Ħadd ma tniffes tul dan id-diskors.  Kull min kien hemm baqa’ msammar jisma’ u jgħarbel kliemu.  Għalhekk, meta nhar is-Sibt 18 ta’ Awissu 2018 tħabbret il-mewt tiegħu, ħassejt li parti mill-memorja ħajja tiegħi kienet ġiet nieqsa.

Għamel ġieħ

3.    Ħadt għalhekk pjaċir li rajt li tul il-jum u l-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Kofi Annan.  Bniedem li għamel ġieħ lil pajjiżu, il-Ghana.  Kien is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda mill-1997 sal-2006.  Influwenti, mimli b’inizjattivi ġodda, li serva l-umanità.  Serviha bħala messaġġier u ħaddiem favur il-paċi kontra l-gwerra.  Mogħti, ġustament, il-Premju Nobel għall-Paċi fl-2001.  Attent f’dak li kien qiegħed iwettaq.  Preparat b’paċenzja u b’perseveranza.  Kostanti u b’boxxla ta’ valuri umani li qatt ma abbanduna.

Favur id-demokrazija

4.    Kien bniedem li kkumbatta favur l-iżvilupp sħiħ tal-persuna umana.  Favuri stati fid-dinja li kienu lura.  Rappreżentant denju tal-għerf u l-għaqal tal-kontinent Afrikan.  Ġellied għad-demokrazija bħala valur.  Il-mexxej li kien jemm li ħadd ma jitwieled ċittadin tajjeb, u anqas li nazzjon jitwieled demokratiku, imma li t-tnejn jgħaddu minn proċess kontinwu ta’ żvilupp biex isiru dejjem aħjar milli kienu.

Favur l-edukazzjoni

5.    Ġellied favur l-edukazzjoni.  Kien jemmen, ġustament, li l-edukazzjoni hija dritt fundamentali ta’ kull bniedem fid-dinja.  Mhux riservata għall-ftit, jew għal dawk biss li jistgħu jħallsu, imma għall-bnedmin kollha.  Dritt li kien jemmen li jagħti lill-bniedem il-poter li jibdel, għax fuq l-edukazzjoni jiddependu l-libertà, id-demokrazija u l-iżvilupp sostenibbli.

Favur il-bniedem

6.    Ma hemmx dubju li ser iħalli warajh minjiera ta’ għerf u kitba.  Kliem li għandhom jispirawna sabiex nagħmlu d-dinja aħjar milli hija, u li nassiguraw li jonqsu d-disugwaljanza, il-faqar u l-inġustizzja soċjali u tikber id-demokrazija.  Kif kien qal f’wieħed mill-aħħar diskorsi tiegħu, fl-14 ta’ Settembru 2017, hemm kriżi fid-demokrazija għax, kif jgħid huwa: “The victory over Nazism, Fascism and Communism were also ideological struggles that were won on the battlefield of ideas as well.  Yet, many of the tools of that battle have been abandoned or under-funded to-day.”

Wirt ta’ għerf

7.    Proprju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jingħaqad mad-dinja u jsellem il-memorja ta’ Kofi Annan.  Proprju għalhekk li nħoss li għandu jingħata l-ġieħ li ħaqqu.  U fl-istess ħin nuża dan l-artikolu biex nappella sabiex dawk li qed jaqrawh jitħajru jsegwu d-diversi kotba fejn huwa ta l-kontribut tiegħu.



Malli tippreżenta ruħha l-okkażjoni




1.  Niddejjaq, u mhux pjaċir niċċita lil Fredrich Nietzche.  Il-kitba tiegħu għamlet ħafna ħsara.  Iżda kultant għadda kummenti li fihom hemm ukoll ħafna sens.  Wara l-gwerra tal-1870, meta l-Ġermanja (proprjament kienet il-Prussja) ta’ Otto von Bismarck rebħet lil Franza, Nietzche kiteb : Rebħiet kbar ħafna huma perikolużi ħafna.  Huma perikolużi sija għal min jirbaħ, għalih stess, kif ukoll għal min jitlef, u għall-bqija tad-dinja.  Għal min jirbaħ, hemm sogru qawwi li jimtela’ bl-arroganza.  Jibda jaħseb li ħadd u xejn ma jista’ għalih.  Il-bniedem li jrabbi ġewwa fih li ma għandu l-ebda biża’ mill-ħsieb li jrid jagħti rendikont ta’ egħmilu, x’aktarx jiżbalja.  Għal min jitlef hemm ir-riskju, xejn inqas perikoluż, li jibda jara t-triq quddiemu diffiċli, iktar milli fil-fatt tkun.  Ikabbarhom iktar milli huma u jxekkel lilu nnifsu sabiex jimxi.

General Revanches

2.  Meta bdiet il-Gwerra l-Kbira (1914-18), dik li nsejħulha ‘l-Ewwel’, ħafna kkummentaw li dik il-gwerra nibtet miż-żerriegħa tar-riżentiment tal-1870.  Fl-1871, l-Imperu tal-Ġermanja ipproklamawh fis-Sala tal-Mirja ta’ Versailles.  Il-Ġermaniżi ħassewhom qed jiżfnu fuq il-qabar tal-glorji ta’ Franza.  Minn hemm sal-1914 ħassew li ħadd ma seta’ jżommhom fl-Ewropa.  Li kienu invinċibbli.  Il-Franċiżi ħassewhom umiljati, u fis-snin bejn l-1870 u l-1914 għaddew minn diversi kriżijiet u firdiet, bħal dik tal-Affaire Dreyfus, dik tal-metejora ta’ Georges Ernest Boulanger, u diversi skandli.  Xtaqu jilħqu lura lit-Tedeski malli tippreżenta ruħha l-okkażjoni.  Hekk għamlu, però żammew l-alleanzi prezzjużi.  U fl-1918 kienu mar-rebbieħa.

L-istess f’pajjiżna

3.  Ir-rebħa elettorali, relattivament kbira, tal-Partit Laburista ta’ Malta fl-aħħar elezzjonijiet ġenerali, ġiebet magħha l-istess kwalità ta’ arroganza.  Dan jidher mill-iktar ċar.  Il-Gvern Laburista ma jħossx li għandu jagħti spjegazzjoni lil ħadd, ta’ xejn.  Dan jgħodd għal ħafna mill-Ministri personalment, kif ukoll għall-Gvern kollettivament.  Bil-bejgħ tal-passaporti, u s-surplus fil-kaxxa (iżda mhux fil-bilanċ tal-pagamenti fil-kummerċ ma’ barra), u bil-maġġoranza tal-voti tal-aħħar elezzjoni, il-Gvern iħossu fuq ir-riħ ta’ Filfla.  Meta tinkixef jew tfaqqa’ xi waħda, il-Gvern, flok jispjega u jirmedja, l-ewwel jiċħad u mbagħad jipprova jgħatti xturu b’xi żball li jgħid li kien sar fl-imgħoddi.

Festi tal-Indipendenza

4.  Aħna, li tlifna, ukoll narana li għaddejjin mill-perikolu li nippruvaw insibu raġuni għat-telfa, mhux fir-realtajiet, iżda fl-illużjonijiet.  Nittamaw li l-istaġun tan-nuqqas ta’ qbil jaqleb, bħalma s-sajf jaqleb, għall-istaġun tal-isperanza.  M’għandniex għax le.  Hemm sustanza tajba.  Hemm esperjenza varja li qegħda tinġieb f’daqqa.  Il-jum tal-Indipendenza hekk, fil-fatt, serva.  Serva bħala pass ieħor lejn dan l-għarfien tar-realtà politika tallum, u mhux dik ta’ qabel.  Serva biex iġib mill-ġdid lit-tesserati u l-votanti tagħna lura magħna f’diskussjoni, dibattitu u għarfien ta’ fejn aħna u fejn għandna mmorru.  Il-Partit huwa ħaj u mimli b’persuni ta’ rieda tajba.  Proprju għalhekk li hemm mill-ġdid il-pedament lejn dak li ġej politikament quddiemna.  Hemm għarfien sew tal-wirt tajjeb li l-Partit ħalla lil dan il-pajjiż, u preparazzjoni għal dak li ser ikun mistenni minna.

Hawn wisq ftaħir

5.  Diżgrazzjatament, l-istaġun tal-ftaħir u l-arroganza min-naħa l-oħra, dik tal-Partit Laburista fil-Gvern, ma tantx donnu jidher li huwa wieqaf.  Dan ifisser li l-ħsara li ssir tkun trid żmien itwal biex tissewwa.  Sakemm kien hawn Gvern Nazzjonalista, pajjiżna kien magħdud.  Nirrealizzaw iktar kemm kien wieħed serju : fil-politika barranija, kif ukoll f’dik interna.  Niftakru li l-Prim Ministru tar-Renju Unit, dak iż-żmien David Cameron, fl-2011 irringrazzja lill-Gvern tagħna għall-għajnuna li tajnihom fil-kriżi tal-Libja, biex setgħu joħorġu minn hemm liċ-ċittadini Ingliżi.  Il-Gvern tagħna kien jiġi kkonsultat u fdat fuq ħafna.  Konna kapaċi nagħtu pariri u direzzjoni lill-oħrajn.  Il-Mafja kienet toqgħod ‘il bogħod, għax il-Korp tal-Pulizija kien immexxi b’serjetà.

Il-Poplu huwa sidna

6.  Huwa minnu li bħalissa, fid-dinja, hawn mewġa kbira ta’ arroganza li, sfortunatament, tittieħed.  Biżżejjed tara kif iġibu ruħhom ċerti mexxejja li għandhom is-setgħa llum, meta narawhom jew naqraw x’qalu.  Aħna, bħala demokratiċi, mgħallmin li l-Poplu huwa sovran.  Biss nafu li xi wħud jitkellmu u jġibu ruħhom bħallikieku saru bħall-Imperaturi Rumani u ser jibqgħu hemm għal għomorhom.  Il-Poplu hu sidhom.  Huma, imma, jitkellmu bħallikieku huma sidien ta’ kollox.  Imma huwa l-elettorat li jiddeċiedi.  Dawk li huma b’saħħithom illum isibu ruħhom barra mill-poter.  Dik hija l-istorja tal-ħajja ta’ dawk li jsiru jaħsbu li huma u l-poter huma ħaġa waħda.

Oppożizzjoni li hija determinanti

7.  Pajjiżna, tul dawn is-snin, tilef ħafna.  Tilef il-kredibilità tiegħu.  Tilef fl-integrità u fl-onestà.  Tilef fis-serjetà.  Tilef fid-direzzjoni tiegħu.  Tilef fl-importanza tal-ġustizzja soċjali.  Dan, illum, ħafna qed jifhmuh.  Proprju għalhekk li ħidmitna tikber.  Proprju għalhekk li nagħrfu dejjem iktar li ħidmet l-Oppożizzjoni, immexxija mill-Kap tagħha Dr Adrian Delia, hija determinanti.  Mhux biss biex topponi l-iżbalji tal-Gvern, imma biex tipprepara għaż-żmien tal-bidla, jiġi meta jiġi.  Kif jgħidu: malli tippreżenta ruħha l-okkażjoni.


Aħna mal-Papa.



1.    F’dinja fejn il-verità qed tiġi attakkata minn kull naħa, huwa ċar u ovvju li l-iktar fonti prinċipali tagħha ser tgħaddi hija wkoll minn dan.  Il-Knisja Kattolika, meta ddur madwarek issib li għadha, u ser tibqa’ leali lejn u tgħid il-verità.  Mhux ħafna jridu jisimgħu dan, imma dik hija r-realtà.  Iktar u iktar meta ndur u nara li fidijiet oħra mhumiex għaddejjin mill-martirju medjatiku preżenti.  Hemm “theddida” diretta għal min ma jħobbx, jiċħad jew irid jaħrab il-verità.  Illum nafu dejjem iktar li żdiedu s-segwaċi ta’ dawk li jafu li iktar ma tirrepeti gidba, iktar ikun hemm min jaħseb li hija saret il-verità.  Proprju għalhekk li dan id-dawl ta’ dejjem irid jiġi attakkat.

Christopher Dawson

2.    Reċentement ġiet quddiemi din id-dikjarazzjoni tal-istoriku Kattoliku magħruf, Christopher Dawson: “Protestantism, Liberalism and Communism are three successive stages by which our civilisation has passed from Catholicism to complete secularism. The first eliminated the Church, the second eliminated Christianity and the third eliminates the soul.”  “Protestanteżimu, Liberaliżmu u Komuniżmu huma tlett passi wara xulxin li minnhom iċ-ċiviltà tagħna għaddiet mill-Kattoliċeżimu għas-sekulariżmu komplet.  Ta’ l-ewwel elimina l-Knisja, tat-tieni elimina l-Kristjaneżmu u t-tielet jelimina r-ruħ.”  Mhux kwistjoni neċessarjament ta’ relativiżmu, imma ta’ sekulariżmu pur.

Thomas a’ Kempis

3.    Dan il-Papa Franġisku u l-Papa ta’ qabel, Benedittu XVI, kif qegħdin naraw, ħallsu u għadhom qegħdin iħallsu għad-dnubiet ta’ ħaddieħor.  Ma għandhom ebda responsabbiltà personali fid-dnubiet koroh u mortali li seħħew minn oħrajn.  Dawk ħaqqhom kundanna mhux biss fid-dinja eterna, imma anke f’din.  Nafu lkoll li fil-Vanġelu hemm l-ikbar kundanna għal dawk li jwettquhom.  Mhux faċli, imma dak huwa l-proċess li jrid iseħħ u fil-fatt illum qiegħed iseħħ.  Imma qabel, ftit kienu jafu b’dak li kien għaddej u ma kienx għad-dawl bħallum.  Ħadd ma jista’ jippontifika fuq ta’ qabel.  Imma min huwa segwaċi ta’ Sidna Ġesù Kristu, u jitlob u jimitah fil-passi li kien indika tajjeb dak il-ktejjeb ta’ Thomas a’ Kempis, jaf b’dak li ser jgħaddi.  Niftakru għax hemm bżonn li wieħed ifakkar li Hu ġarr is-Salib bid-dnubiet tagħna lkoll.

Prime Donne

4.     Veru wkoll, fuq in-naħa l-oħra tal-munita, li din hija dinja tal-prime donne.  Fl-opri, jew il-commedia dell’arte, il-Prima Donna hija “the leading female singer in the company, the person to whom the prime roles whould be given”.  L-opri, ħafna drabi serji, l-oħrajn inqas, fejn jintlibsu wkoll il-maskri li jbiddlu l-uċuh.  Fid-dinja politika niltaqa’ ma’ diversi minn dawn.  Fortunatament, il-formazzjoni politika tiegħi ta’ demokristjan tgħallimni.  Però, anke fil-Knisja Kattolika li jien inħobb, nara wisq soprani foloz.  Huma magħna wkoll dawn il-bnedmin, li rashom hija kbira wisq, li jridu jiddettaw u jgħidu l-ħin kollu dak li jaħsbu biex ikunu differenti mill-Knisja.  Biss, dawn iridu forsi, xi darba jifhmu, jew xi ħadd ifehemhom, li kliemhom u azzjonithom mhumiex żieda fil-kuluri jew xi taħlita fid-diversità.  Huma, minflok, dawk li jispiċċaw iħawdu l-imħuħ u, fl-istess ħin juru li mhumiex jifhmu li preżentement huwa żmien li jieqfu u jibdew jiġbdu b’aktar saħħa l-linja prinċipali tal-Knisja.  Aħjar jikkonċentraw fuq priedki qosra tajba, diretti u effettivi.

San Ġwann tas-Salib

5.     Għandu raġun il-Papa jiddikjara li l-verità hija umli u hija silenzjuża.  M’għandhiex bżonn il-prime donne.  Waħedha timxi u titla’ f’wiċċ l-ilma.  U nafu tajjeb dan.  Il-qaddis Tereżjan San Ġwann tas-Salib jgħallimna li quddiem l-akkużi nfami, is-silenzju huwa valur.  Kien ġie arrestat mill-Inkwiżizzjoni, imma kull darba għażel li ma jiddefendix ruħu.  Li jeżerċita d-dritt tas-silenzju qaddis tiegħu.  Kull darba ġie liberat, meħlus, u kliemu sallum għadhom jixegħlu.  Lezzjoni li ma tfallix u li b’imħabba, fortunatament, segwejt.  Huwa diffiċli li ma tiddefendix ruħek kif l-istint jagħtik.  Imma l-għorrief, li nqisu qaddisin, kienu jafu x’inhuma jgħidu meta taw pariri oħra.

San Benedittu

6.     Daqskemm ma hemmx sfida wkoll għal dawk li huma segwaċi ta’ Sidna, li jaqraw dak li San Benedittu, fir-regola tiegħu, ma kienx jippermetti.  Fl-artikolu 69 jgħid: “Ut in monasterio non præsumat alter alterum defendere”.  Ebda persuna fil-monasteru ma tista’ tiddefendi lil ieħor.  Kull wieħed għal rasu.  Ma hemmx avukati fl-uffiċċji interni.  Għax hija l-verità li trid tiddefendi lil dawk li huma innoċenti.  Dan, kif id-diversi mumenti fit-Testment l-Antik joffrulna biex nimxu warajhom.  Il-verità hija b’saħħitha, imma għandha wkoll l-anġli u l-arkanġli tagħha li jiggwidaw lil dawk li huma akkużati inġustament.

Papa Franġisku

7.     Proprju għalhekk li naqbel dejjem iktar ma’ kliem dan il-bniedem għaref.  Kien jaf x’qed jgħid meta, direttament u b’sempliċità kbira, f’Santa Marta fit-3 ta’ Settembru qal hekk: “Jesus’s humility opens the door to his first words meant to construct a bridge, but instead sows doubt immediately changing the atmosphere from peace to war, from amazement to fury.  To those wo wanted to throw him out of the city, Jesus responds with silence.  They were not thinking, they were shouting.  Jesus stayed silent.  But he passed through the midst of them and went away.”  Trid tgħaddi minn biċċiet bħal dawn biex tifhem.  Proprju għalhekk li nħossni dejjem aktar viċin li nsostni ‘l-Papa.




Wara l-Kurat ta’ Ars.




1.    Naħseb li l-Isqof Awżiljari l-ġdid, Monsinjur Joseph Galea Curmi, kien jaf x’qed jagħmel.  L-4 ta’ Awissu, il-jum tal-konsagrazzoni tiegħu fl-Imdina, kien ukoll dak li fih il-Knisja tiċċelebra lill-Kurat ta’ Ars, San Ġwann Vianney.  Mudell għas-saċerdoti, ċertament għalih ukoll.  Għex ħajtu għas-sewwa.  Jaħdem biex ixerred il-verità.  Ixerred il-Vanġelu b’dedikazzjoni kbira f’post li ftit, anqas l-isqof li bagħtu, ma kienu jafu bih.  Għex ħajja għall-parruċċani tiegħu, jiġbidhom lura lejn il-Knisja.  Siegħat twal kull ġurnata b’sagrifiċċj, bla waqfien jew tgergir.  Jingħad li l-fama tiegħu xterdet ħafna fi Franza, dik li kienet rat il-ħruxija tar-Revoluzzjoni u l-persekuzzjoni tas-saċerdoti Kattoliċi.  Eluf kienu jmorru jżuruh kull sena.  Il-Knisja, illum, ġustament tqimu bħala l-Patrun tal-Kappillani.

2.    Diffiċli, verament, tkun Nisrani u tgħix hekk.  Mhux biss illum, imma minn dak li naraw u naqraw, f’kull żmien.  L-Isqof Awżiljari, fl-umiltà tiegħu, fl-attenzjoni, ġenerożità lejn il-proxxmu, ma hemmx dubju li jagħraf dan.  Jagħraf sew u fil-fond il-missjoni kbira tiegħu, li ġie mbaskat u preparat sewwa għaliha.  Il-qari tal-jum, fil-fatt, imiss dan kollu.  L-ewwel qari bil-Profeta Ġeremija li jiddikjara li kien mibgħut mill-Mulej biex iwettaq missjoni f’avversità, li jitlob lil min qiegħed jisimgħu jirriforma egħmilu u triqatu, però jagħraf li jista’, f’dan, jitlef ħajtu.  L-istess is-silta qabel il-Vanġelu minn San Mattew, tiddikjara li imberkin dawk li huma persegwitati minħabba s-sewwa.  Wara, fil-Vanġelu, il-martirju ta’ San Ġwann Battista.  Għal min jieħu ħajtu b’responsabbiltà, b’serjetà, jaf li meta jkun għas-servizz tas-sewwa jrid jgħaddi minn dawn l-eżamijiet.

3.    Kontra din il-ħidma hemm il-qilla tal-ħażen.  Il-qerq tal-qarrieqi, li juża kull mezz biex is-sewwa, b’mod jew ieħor, jiddgħajjef.  Il-ġlieda hija kostanti u kull Nisrani huwa msejjaħ biex jikkumbatti.  Imma s-suldati, f’din id-dinja, biex ikunu jafu fejn u kif iridu jwettqu dan il-kumbattiment għandhom bżonn id-direzzjoni, il-kelma ċara, l-iswed iswed u l-abjad abjad, li fuqhom kapaċi jagħtu.  Lesti “jissagrifikaw” ruħhom imma jridu spjegazzjoni, jiġu motivati, u jsibu meta jfittxu.  Ifittxu kontinwament il-fidi, il-verità.  Kif jgħid Santu Wistin: “Cerchiamo come coloro che devono trovare, e troviamo come coloro che devono cercare ancora” (Infittxu bħal dawk li jridu jsibu, u nsibu bħal dawk li għadhom iridu jfittxu).

4.    Imma f’dan l-għan ċar u nobbli hemm bżonn l-attenzjoni.  Ċertament, min iwettaq il-ħażen iġib lilu nnifsu għas-servizz tal-malizzja.  Biss, dawk ta’ fuqna jagħmlu distinzjoni.  Il-bniedem innifsu rridu nifirduh mill-att.  Kif kien jgħid tajjeb l-Abbe Pierre: “J’ai de la haine pour les actes mauvais des hommes, mais je ne peux pas avoir de la haine pour les personnes” (Għandi mibgħeda lejn l-atti ħżiena tal-bniedem, imma ma jista’ qatt ikolli mibgħeda lejn il-bnedmin).  It-tieni, fis-sejħa lejn il-verità u l-imħabba m’għandniex naslu f’punti ta’ relattiviżmu.  L-atti li huma kontra s-sewwa, spiss, fi ħsieb travers ta’ ħniena nsibuhom jiġu skużati, forsi wkoll ġustifikati.  Fit-triq tas-sewwa, fis-soċjetà, hemm bżonn essenzjali li wieħed ikun ċar u jgħid li l-att huwa ħażin, imma l-bniedem jista’ u għandu jiġi assistit.  Kif jgħid Ġeremija: għandu jiġi msejjaħ direttament biex jibdel triqatu.

5.    Għax hemm effetti kuntrarji meta wieħed jieqaf milli jgħid dak li huwa sewwa, jew għalkemm jara dan, jieqaf pass lura milli jikkontrasta, jispjega u jidentifika l-ħażen.  Meta b’xi mod u bl-intenzjonijiet varji, fir-realtà jmur lura mill-missjoni fdata lil dak il-profeta.  L-effetti li jġibu magħhom huma varji.  Nara, l-ewwel, il-ħsieb li min qiegħed fit-triq żbaljata jilludi ruħu li, minflok, huwa miexi f’dik it-tajba; u t-tieni, ta’ dawk li qed izappu, jaħsbu li mexjin sodi u dritti.  Bnedmin li jintilfu f’forom ta’ awto-ċertifikazzjoni u jitilfu l-awto-kritika, ix-xafra tal-kuxjenza.  Għax li wieħed jgħid is-sewwa, jispjega iva iva, le le, u jindika fejn huwa żbaljat, mhux att ta’ ħruxija jew egħbusija. Bħalma anqas ma huwa xi att ta’ ħniena li wieħed ma jispjegax lil min jaħseb li qiegħed fit-triq it-tajba li mhuwiex.  Għax il-bniedem, min-natura tiegħu jrid is-sewwa, u jrid li jkollu lil min jispjegalu u jifhem kif u għala.  Irid direzzjoni, qiegħed f’liema pożizzjoni qiegħed.

6.    Sidna Ġesù Kristu nafu, ġie għal dan: biex ixerred il-kelma t-tajba.  Qablu kien hemm il-profeti, warajh il-qaddisin u l-mexxejja t-tajba.  Dan huwa ċar; mhux neċessarjament nifhmuh.  Insibu diffikultajiet, ħitan li warajhom nippruvaw nistkennu.  Jew aħjar, titwieled fina dik il-biża’, kif ifissirha Don Primo Mazzolari: “Si ha paura di prendere sul serio la parola del Vangelo e della Chiesa, si ha paura di diventare santi, di correre la grande avventura della carità senza limiti” (wieħed ikollu l-biża’ li jieħu bis-serjetà l-kelma tal-Vanġelu jew tal-Knisja, ikollu l-biża’ li jsir qaddis, li jiġri l-esperjenza straordinarja tal-karità mingħajr limiti).  Nifhem: mhux kull bniedem ikun ferħan se jtir bil-ħsieb li jista’ jispiċċa rasu maqtugħa bħal dik ta’ San Ġwann Battista.

7.    Il-Knisja u l-Istat huma mifruda, bħal ma huma l-politiċi u r-reliġjużi.  Imma dan ma jfissirx li ma jinfluwenzawx, inevitabilment, lil xulxin.  Anki fl-iktar reġimi ateji, kif ix-xiehda tal-Qaddis San Ġwanni Pawlu II tagħti, dan iseħħ.  Aħseb u ara f’wieħed bħal tagħna.  Il-lezzjonijiet il-ħżiena tagħna l-politiċi jwelldu u qed imexxu dan ir-relattiviżmu.  Dak tax-xejn ma huwa xejn.  Fejn inkabbru l-ħsieb fl-għalqa tal-voti, li l-iswed ma ġara xejn jekk tgħidlu abjad.  Għandna t-travi f’għajnejna li ma nħossux u mhux dejjem niżirgħu ż-żerriegħa t-tajba.  Anzi, kif jidher, indaħħlu s-sikrana.  F’dan qegħdin, f’dan il-pajjiż li għandu bżonn iktar vuċijiet għall-verità u s-sewwa.

8.    Proprju għax hawn il-ħażen ma’ saqajna li hawn bżonn iktar ta’ vuċijiet ċari, veri u diretti għas-sewwa.  Proprju għalhekk li waqt li minn qalbna nawguraw lill-Isqof Awżiljari ta’ pajjiżna l-ħidma t-tajba, nifhmu ferm iktar li l-missjoni ta’ min irid isegwi l-Kurat hija iebsa sew.

John McCain. Truth and Principles.



1.    Ċert li intom, bħali, segwejtu l-funeral tas-Senatur Amerikan John McCain.  Ċert ukoll li smajtu d-diskorsi ta’ żewġ ex-Presidenti tal-Istati Uniti tal-Amerika Barack Obama u George Bush, it-tnejn minnu magħżula apposta.  Anzi, minn dak li ngħad, huwa stess kien kellimhom qabel, jgħidilhom li kienet ix-xewqa tiegħu li jkunu huma li jfakkru l-memorja tiegħu.  Kien ċar ħafna li ma riedx li jkollu lill-President attwali, Donald Trump.  Bniedem li mhux biss ma qabilx miegħu fuq diversi punti, avolja ġej mill-istess Partit Repubblikan, imma li l-istess President insulentah.

2.    Lil dan is-Senatur Amerikan, li kien iben denju ta’ dak il-pajjiż u rappreżentant fidil tal-poplu li għażlu, ilni dawn l-aħħar snin insegwih.  Dan minn mindu daħal fil-battalja sabiex jinħatar President ta’ dak il-pajjiż.  Kien il-kandidat Repubblikan kontra dak tal-Partit Demokratiku.  Meta Barack Obama kien issielet sew ma’ Hillary Clinton.  Kliemu, egħmilu fis-Senat ifakkruk, mingħajr ma trid, fil-missirijiet fundaturi tal-aqwa demokrazija fid-dinja.  Meta taqra x’kien qal tiftakar, mingħajr ma trid, f’persuni bħal Benjamin Franklin jew James Madison u diversi oħra.  Diskorsi, kunċetti tal-Istat li mhux biss influwenzaw lil dak il-poplu, imma anki lilna.  Kull min irid jistudja d-Dritt Kostituzzjonali, ngħid li għandu jibda minn dik l-art u minn dik il-kitba li ma tixbax taqra minnha.

3.    Senatur tal-poplu Amerikan, imma dixxendent ukoll tas-Senaturi Rumani.  Ċert li qara’ u trawwem ukoll fil-bżonn li wieħed ikun attent, onest u rett f’egħmilu.  Ftit, fl-istess kampanja, saru jafu tajeb il-ħajja tiegħu.  Kien bniedem li mar jikkumbatti, u avolja ġie maqbud, ħareġ mill-gwerra tal-Vjetnam bl-unuri.  Kien dak il-priġunier li rrifjuta li jitlaq f’dak li kien magħruf bħala l-“Hanoi Hilton”, qabel joħorġu sħabu l-oħra wkoll.  Post li fih, għal xejn anqas minn ħames snin u nofs, sab ruħu ttorturat u miżmum f’ċella solitarja.  Tant baqgħet din il-marka, li idu ma baqgħetx tippermettilu jagħmel xagħru.

4.    Fis-soltu bżonn jew ossessjoni tiegħi, kelli x-xorti naqra l-esperjenza personali teigħu fil-ktieb “Hard Call”, li nirrakkomandah lilkom.  Minnu joħroġ ċar li kien kapaċi jappella għall-valuri direttament b’aċċent importanti fuq dawk li jiġu traskurati.  Kif jgħid tajjeb: “I have long believed these – awareness, foresight, timing, confidence, humility, and inspiration – are the qualities typically represented in the best decisions and in the characters of those who make them.”.  Kliem li ma jdejqux, anzi li jiftħu iktar għajn dawk li jridu jservu sewwa fil-politika u moħħhom fl-oħrajn u mhux fihom infushom.

5.    Kif kelli l-opportunità nisma’ u naqra rajt mill-ġdid kif, tul il-kampanja presidenzjali tiegħu, kien joħroġ bħala persuna miftuħa għall-ideat mingħand divesi nies.  Lest li jiddiskuti mingħajr problemi, preparat għad-domandi u jrid jilħaq kemm jista’ jkun mingħajr kumplikazzjonijiet u b’sempliċità kbira.  Anzi, iddikjara li jrid li jkollu ċertu ammont ta' "tensjoni" interna sabiex ikun kemm jista’ jkun ċert li mhuwiex bużżieqa maqtugħ mid-dinja, iżda parti sħiħa mis-soċjetà.  Għaliex ifittex jaqra, isiefer kemm jiflaħ u jsir jaf.  Jipprova ma jħalli xejn jaqbiżlu.  Dejjem ippreparat li jbiddel l-istrateġija u l-linja tal-attakk meta ċ-ċirkostanzi jinbidlu.  Għax fil-ħajja nafu dejjem li altru x’taħseb li ser issib, u altru x’ser issib.  Bniedem li ma aċċettax li jmur lejn l-estremiżmi, wisq inqas li jgħid kontra l-avversarji politiċi.  Għandu diversi mumenti li fihom ma qabilx ma’ dawk li kienu ser jivvutawlu meta bdew jippruvaw iwaqqgħu għaċ-ċajt lil Barack Obama.  Ipprefera jitlef il-vot, imma baqa’ jżomm sod mas-sewwa.

6.    F’wieħed mid-dibattiti għall-kandidatura Repubblikana ġie rrappurtat li qal: “Soldiers are taught to expect the unexpected and accept it, and revise, improvise and fight their way through any adversity.  Verament, il-formazzjoni tiegħu hemm kienet qegħda.  Membru tal-korp dixxiplinat, imma mhux f’moħħ magħluq.  Dan stajna narawh direttament meta ġie f’pajjiżna.  Kien vuċi soda favur id-demokrazija u l-libertà ta’ dak il-poplu wkoll.  Fit-tieni viżta tiegħu, fit-28 ta’ Settembru 2011, ġie proprju jirringrazzjana tal-ħidma eżemplari li pajjiżna wettaq fil-Gwerra Ċivili Libjana.  Ċertament, illum nistgħu ngħidu, li mhux biss pajjiżu, imma anki aħna tlifna ħabib denju.

18.9.18

Luttu u vistu huma partikolari




1.    Mhux ser nidħol fit-tul dwar xi tfisser il-kelma ‘demokrazija’.  Demokrazija, fis-sens oriġinali etimoloġiku u filosofiku, tfisser ‘gvern tal-Poplu’.  Hemm sistemi varji sabiex dan iseħħ.  Toroq ftit differenti minn xulxin biex iwasslu għal dan.  Imma lkoll, jekk vera demokraziji jagħtu każ u widen tal-opinjoni u l-vuċi tal-poplu.  L-ideat, il-proposti, l-inizjattivi li joħorġu minn moħħ u anki minn qalb il-membri, iċ-ċittadini, il-bnedmin li jiffurmaw soċjetà jridu jsibu toroq biex jesprimu ruħhom.  Jgħidu li jaħsbu mingħajr xkiel fi ħdan il-liġijiet li huma jibnu.  Kull demokrazija tikber u timrah iktar ma jkollha dan liberu.

Il-Monument tal-Assedju l-Kbir

2.    Proprju għalhekk li, mitt sena ilu, ta’ qabilna ħassew li għandu jkun hemm monument biex jitfakkar l-Assedju l-Kbir.  Ħassew dan proprju ftit wara li, għall-ewwel darba, kien hemm it-twelid tal-Parlament Malti.  Wara mijiet ta’ snin taħt ħakmiet u saltniet oħra, kif kien hemm din l-espressjoni libera saru l-proċeduri neċessarji sabiex għandna post fejn fih nonoraw lil dawk li tilfu ħajjithom għalina.  Dan kien fl-1927, qabel sew it-Tieni Gwerra Dinjija, u mertu wkoll ta’ ħidmet il-Partit Nazzjonalista.  Minn dak iż-żmien sallum, għalkemm inbidlitlu l-pożizzjoni, it-tlett figuri tiegħu hemm baqgħu.  Baqgħu t-tlieta ma’ xulxin, mhux mifruda, f’daqqa.  Ir-reżistenza tagħna, flimkien maċ-ċiviltà u r-reliġjon Nisranija baqgħu ħaġa waħda.

Dejjem preżenti

3.    Sa issa, f’ħajti, ftit drabi rajtu mgħotti.  Dejjem preżenti fil-ħajja ta’ dawk li jidħlu l-Belt u jgħixu f’dawn il-gżejjer.  Kull min jgħaddi quddiemu jaf li hemm monument nazzjonali li għandu jkun kburi bih.  Wieħed li ma jifridx.  Wieħed li, anzi, jkun hemm min ikun hemm fil-Gvern, jieħu ħsieb jara li fit-8 ta’ Settembru ta’ kull sena, ninġabru sabiex nisimgħu diskors li jikkommemora dawk l-eventi tal-1565.  Punt fejn, hu min hu jħossu kburi bl-istorja tagħna.  Missirijietna ma waqqgħuniex għaċ-ċajt.  Ma kinux lesti li jċedu l-armi, anke jekk f’numru ferm u ferm iżgħar u ma’ mexxejja kompletament ġodda.  Żammew sod, ħarsu ‘l quddiem, kienu jafu x’inhuma jagħmlu, ittamaw, u rnexxielhom jirbħu fejn ħaddieħor ma kienx jimmaġina.

Tul il-lejl

4.    Hekk ġara din is-sena.  Saru ċ-ċelebrazzjonijiet, u kull min kien hemm mar lura sodisfatt u magħqud.  Biss, appena tlestew, dlonk b’għaġġla qawwija, qomna naraw li tul il-ħidma tal-lejl tgħatta tlett kwarti minnu, kważi kollu, bi drapp ħadrani u b’biċċiet tal-injam.  Daħal fid-dlam tal-lejl.  L-iskoża nazzjonali li tressqet kienet li hemm bżonn ta’ restawr.  Li għandu bżonn sokkors u protezzjoni immedjata għax daqt ser issirlu ħsara irrimedjabbli.  Raġuni li ma tantx twemmnet minn diversi li rajt u ltqajt magħhom fit-triq.  Speċjalment dawk li jafu sew l-affarijiet.  Li jafu li tmien snin ilu kien diġà sar restawr sħiħ u eċċellenti.  Wieħed taħt id-direzzjoni ta’ James Licari bil-ħidma ta’ numru ta’ organizzazzjonijiet, fosthom Din l-Art Ħelwa u finanzjata mill-Fimbank plc.  U dak iż-żmien, għal min jiftakar, kien hemm verament il-bżonn, għax l-elementi kienu qed jagħmlu tagħhom sew.

Nafu għalfejn

5.    Ir-raġuni vera mhux uffiċjali għal dan, il-poplu kollu jafha.  Jaf li dan il-monument, fil-parti ta’ isfel tiegħu sar punt fokali fejn diversi setgħu jesprimu l-luttu u l-vistu tagħhom.  Il-luttu lejn persuna Maltija, li kważi sena ilu mil-lum sofriet l-agħar forma ta’ mewt.  Li sabet, a skapitu ta’ ħajjitha, li fid-demokrazija li tant konna qed niftaħru biha, mhux minnu li kulħadd jgħid li jrid.  Li mhux minnu li kull ċittadin għandu l-protezzjoni tal-istituzzjonijiet u tal-forza tal-ordni.  Vistu li kien qed jiġi espress mhux bħall-passat, bi ħwejjeġ suwed jew faxex tal-istess kulur mal-id għal xhur jew snin sħaħ, imma b’xemgħat u fjuri.  Jista’, nistaqsi, f’soċjetà libera xi ħadd jindaħal fil-mod ta’ kif wieħed jibki u juri s-sogħba tiegħu?

Il-mewt misteru

6.    Fi żminijiet oħra kien hemm modi li ta’ qabilna kienu jħossu li huma tant b’saħħithom fis-soċjetà li kellhom josservawhom daqs li kieku kienu liġijiet miktuba u minquxa.  Kien hemm rabtiet qawwija.  Kien hemm min jitkaża, jikkundanna, jaqta’ barra, jiddisprezza jekk ħaddieħor ma jżommx ma’ dan, jekk ikun funeral liebes kulur aħmar u mhux iswed.  Niftakar, bħalma ċertament tiftakru intom, persuni li jibqgħu bil-vistu għal snin.  Il-mewt misteru.  Ftit jifhmu.  Ħadd ma jirreaġixxi l-istess.  Għax anke jekk jgħaddi ż-żmien, dawk li tħosbb u titlef, tibqa’ tkellimhom.  Tibqa’ tħosshom miegħek.  Tibqa’ toħlom bihom.  Tibqa’ titlob għalihom u titlobhom jitolbu għalik.  Tibqa’ taqbiżlek demgħa, jgħaddi kemm jgħaddi żmien.  Hemm rabta ta’ imħabba indeskrivibbli, u f’ħafna, inspjegabbli.

Naqtgħu barra minna

7.    Biss, f’dan kollu rridu naċċettaw li luttu u vistu, kull persuna hija libera li tmur għalihom, kif trid u sakemm trid.  Dik hija ċertament parti sħiħa mil-libertà tagħna.  Dan il-proċess qegħdin narawh iseħħ u għandna nifhmuh.  Ma hemmx bżonn min iħossu mhedded minnu, jew jikkundannah.  Wisq inqas li b’xi mod jibża’ minn dan l-aġir mill-iktar uman.  Wieħed li jekk jinqata’, jkun qed jaqta’ barra parti mill-umanità tagħna, miċ-ċiviltà tagħna u mir-reliġjon Nisranija tagħna.

Nistaqsi

8.    Xi żball u reazzjoni sproporzjonata.  Nistaqsi: Gvern daqshekk sod u qawwi fil-poter għandu jħossu minaċċjat minn dawk ix-xemgħat u dawk il-fjuri li ċittadini ta’ dan il-pajjiż, fil-libertà, jħallu?  F’dik l-imbierka libertà li hu stess għandu d-dmir li jiggarantixxi?

Festina Lente

9.    L-aħħar restawr estensiv li sar fl-2010 ma damx xhur interminabbli.  Inbeda u spiċċa.  Jekk fil-pedestall hemm bżonn tant restawr, nittamaw li ma jdumx ma jsir.  Li jiġi esegwit kif għandu, imma kif jgħidu: “festina lente”.  Huwa żball li monument nazzjonali bħal dan jitħalla mgħotti fit-tul.  Pajjiżna, jekk immexxi bid-dehen, għandu jkun kapaċi, fil-libertà demokratika tiegħu jifhem il-luttu u l-vistu ta’ oħrajn, mingħajr ma jiċċaħħad minn dak li huwa tiegħu.


13.9.18

Il-fama tajba ta’ pajjiżna




1.    Missieri, fost ħafna nafu jgħid li ftit wara li kien ġie elett l-ewwel darba fl-1966, Dottor Borg Olivier għajjat lil dawk id-Deputati Nazzjonalisti li, bħalu, kienu ‘ġodda’, u qalilhom: “Tafu għal xhiex dħaltu!  Aħna hawn ‘suicide squad’.  Tistennewx ħafna għasel, għaliex il-politika hija ħajja ta’ sagrifiċċju.”.  Imbagħad dar lejn missieri u qallu: “Inti taf biżżejjed.”  Il-politika, minn ġewwa, fiha ħafna dispjaċiri.  Mhux kulħadd ibati xorta.  Għax mhux kulħadd jiddedika ruħu bl-istess mod, u mhux kulħadd jgħaddi mill-istess cirkostanzi.  Iżda kull bniedem fil-politika huwa suġġett għal ħafna stennija minnu, kemm mill-poplu li tellgħu, kif ukoll mill-poplu li ma tellgħux.  Ħafna wkoll, sfortunatament, jgħiru għalih, aktarx għaliex ma jafux x’jiġifieri.

Kollha xorta!

2.    Le, mhux kollha xorta, u għalhekk issir l-għażla fl-elezzjoni.  Hemm ħafna ħwejjeg li jgħoddu għall-politiċi kollha, u hemm ħafna ħwejjeġ oħra li jiddistingwu, wieħed jew waħda mill-oħrajn.  L-ewwelnett: it-talenti.  Min għandu l-kapaċità li jipperswadi b’diskorsu, min għandu moħħ analitiku, min għandu intuwizzjoni, għarfien malajr tas-sitwazzjoni, min jaf jagħmel ġudizzju tal-bnedmin u jinduna malajr lil min għandu jafda u lil min le.  Min jaf iżomm kalm fit-tempesti.  Min jaf jixgħel l-entużjażmu ta’ ħaddieħor.  Min għandu l-grazzja biex jiġbed in-nies lejh.  Talenti diversi u bi gradi diversi.

Talenti!

3.    Barra mit-talenti, hemm ukoll il-karattru morali: min iżomm kelmtu, u min le.  Min jgħid is-sewwa, u min iqarraq.  Min jaħseb f’ħaddieħor, u min moħħu biss fih innifsu.  Hemm ukoll il-fehmiet: l-ideoloġija m’għadhiex moda, iżda min josserva jinduna li, f’kull partit, hemm min huwa intolleranti u moħħu magħluq, min iħobb jimponi fuq ħaddieħor, min kapaċi jisma’ u jiddiskuti.  Ma tiskantax li ssib dawn it-tendenzi fin-nies tal-partiti kollha, għaliex kulħadd parti mill-umanità.  Iżda f’ċerti partiti, donnu li l-arroganza tingħoġob iktar.  F’ċerti pajjiżi, anki l-injoranza tingħoġob.  U mhux qed nitkellem b’pajjiżna quddiemi: hawn popli kbar li jinnamraw mal-injorant arroganti (ħu l-Ġermanja, u kif Hitler kien jimpressjona).  Ċertament mhux kollha xorta l-politiċi!  La huma kollha qaddisin u lanqas kollha korrotti.  Lanqas kollha magħmulin jew kollha semi-illitterati.

L-għira għalihom

4.    Ħafna, u ta’ kull klassi soċjali, jagħmlu l-iżball li jgħiru għalihom.  Ħafna jimmaġinaw min jaf minn liema privileġġi ngawdu aħna n-nies tal-politika.  Immaġinazzjoni qarrieqa: aħna pajjiż, kif jgħidu l-Franċiżi, ‘egalitarju’.  Nippretendu, u nippretendu sewwa, li kulħadd l-istess.  Kulħadd suġġett għal-liġi, u għajnejn in-nies fuqna.  U hekk sewwa.  Iżda dawk minna li ma jibżgħux għalihom innifishom, iġibu dell fuq il-politiċi sħabhom kollha.  Speċjalment dawk tal-istess partit tagħhom, iżda wkoll anki fuq l-oħrajn.  U dan jagħmel ħsara kbira lid-demokrazija.  Tonqos il-fiduċja fil-politiċi.  Tonqos il-fiduċja fis-sistema demokratika.  Il-populiżmu b’hekk jikber, għaliex jibdew jipperswadu lill-poplu li għandu jtella’ lil xi mexxej b’saħħtu u b’kelma “bla kantunieri”, li suppost għandu l-abbiltà li jirranġa kollox.  Tonqos il-fiduċja fis-sewwa u tikber l-idea li bid-dnewwa biss jinstabu s-soluzzjonijiet.

Id-dmir tagħna l-politiċi

5.    Dmirna jibqa’ dak li nagħtu servizz lill-poplu li tellagħna, u li ma nagħtuhx skandlu bl-aġir tagħna.  Aħna qegħdin fil-vetrina.  Ir-rażan huwa importantissimu.  Kullimkien, iżda l-iktar f’pajjiżna li, fiċ-ċokon tiegħu, jgħid: “L-ajru għandu għajnu, u l-ħajt għandu widintu”.  F’Malta u Għawdex m’hawn xejn verament privat u mistur.  Ilkoll kemm aħna, meta niltaqgħu man-nies, nisimgħu fuq sħabna.  Ngħid għalija, ma nemminx kollox, u la l-ġid u l-qdusija u l-kapaċità kollha, u lanqas id-dnubiet, l-isfortuna u d-disgrazzji kollha li l-bniedem jidħol fihom.  Jiena, li nista’ niżen aħjar lil sħabi, noqgħod lura milli nissentenzja.  Min ma jafniex mill-qrib, jesaġera fis-suspetti u fl-ammirazzjoni.

Ngħollu l-livell

6.    Allavolja bħalissa qegħdin nieħdu eżempji ħżiena minn ċerti politiċi ta’ pajjiżi ferm ikbar minna, aħna l-politiċi Maltin ta’ kull partit, f’Malta u Għawdex, għandna l-obbligu li ngħollu l-livell tal-prattika tal-politika f’pajjiżna.  Il-ħsara li ssir lil pajjiż żgħir bħal tagħna, meta tingħata l-impressjoni li pajjiżna jitmexxa bil-korruzzjoni, hi verament enormi.  Sa ftit żmien ilu konna ħadna l-fama, mal-Ewropa kollha, li aħna eċċezzjonalment iktar stabbli, amministrati bl-ordni u iktar niggarantixxu s-serjetà minn pajjiżi oħra madwarna.  Minħabba ċerti ġrajja, din il-fama bdiet tittappan.  Obbligati wkoll, iżda speċjalment aħna l-politiċi, u l-iktar dawk li qegħdin fil-Gvern, li ngħollu l-livell.

Imġieba korretta

7.    Bl-imġieba, bil-kompetenza, billi ma nidħlux f’konflitt tal-interessi personali mal-interess pubbliku.  Billi meta nkunu murija u mismugħa, nitkellmu fuq il-mezzi tax-xandir, u verament inkunu vetrina, ma nwaqqgħux il-prestiġju tal-Parlament bi kliem u aġir barra minn loku.  Jiena mdorri, kultant, nagħti daqqa t’għajn lejn id-diskorsi li kienu saru fil-Kamra tad-Deputati fi żminijiet oħra, biex nara x’intqal meta għaddew xi liġi partikolari, jew taw bidu għal xi kampanja ta’ opinjoni.  Ġieli nosserva li kien hemm żminijiet meta l-preparazzjoni kienet aktar attenta milli nosserva llum.  Veru li d-dinja iktar mgħaġġla, iżda dan ma jiskużaniex: il-leġislazzjoni għandha importanza kbira.

Nfakkru dak li għaddejna minnu

8.    Aħna, mill-Oppożizzjoni, jeħtieġ infakkru l-imgħoddi, inħeġġu u nlestu għal żminijiet meta nerġgħu nuru li Malta u Għawdex huma eċċezzjonalment effiċjenti fl-amministrazzjoni, b’servizz pubbliku nadif u onest, u b’demokrazija li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali ta’ kulħadd.  L-onestà la hi, u lanqas qatt kienet monopolju tal-Partit Nazzjonalista, iżda konna u għadna, u j’Alla nibqgħu, ntuha l-ikbar importanza, forsi iktar minn oħrajn.  Iktar u iktar f’dawn il-jiem, meta nfakkru dak li missirijietna għaddew minnu f’żewġ assedji mill-iktar kiefra.  F’dan, proprju, anqas ma għandna nippretendu li aħna bravi iktar minn ħaddieħor: iżda dejjem tajna prijorità kbira lit-tagħlim u l-preparazzjoni.



Nannuwi. Ftit Ħsibijiet.




1.    Tul din il-ġimgħa, l-Erbgħa 29 ta’ Awissu 2018, fakkarna s-sebgħin sena mill-mewt ta’ missier missieri.  In-nannu, l-Profs. Carmelo Mifsud Bonniċi ma għexx fit-tul, imma ħalla marka qawwija warajh.  Trabbejt fid-dar li kien xtara, biddel, irranġa u rabba liż-żewġ uliedu fiha.  Trabbejt nisma’ lill-missieri jirrakkonta u jispjega dak li kien għadda minnu.  Aħjar, dak li l-familja kienet għaddiet f’daqqa minnu.  Id-diffikultajiet soċjali u ekonomiċi li jakkumpanjaw bnedmin, li għalkemm ikunu wettqu ħafna ġid f’ħajjithom, jispiċċaw isibu ruħhom fihom minħabba s-saħħa fiżika tagħhom.  Kien attiv politikament għal numru ta’ snin.  Fil-Parlament Malti bħala deputat u ministru.  Avukat imqabbad sew fil-Qrati tagħna.  Professur fl-Università, jgħallem fil-Fakultà tal-Liġi.  Poeta.  Bniedem li marad sew fl-aħħar snin ta’ ħajtu.

Kif narah

2.    Meta ma tkunx għext ma’ persuna, triq tibni l-għarfien tiegħek tiegħu minn dak li taqra dwaru u li jgħidulek.  Ma tistax tagħmel stampa ċara u preċiża mill-ewwel.  Anzi, fil-każ ta’ nannuwi nħoss li ma’ kull sena, ma’ kull perjodu ta’ ħajti, niskopri faċċati ġodda tiegħu.  Tgħallimt, ċertament, ħafna minnu.  Huwa għadda minn ħafna atrit u sofra angeriji min-naħa ta’ dawk li ma kinux iħaddnu l-ideali tiegħu.  Esperjenzi li żammejt f’moħħi u ggwidawni sewwa tul ħajti, l-iktar meta sibt ruħi wkoll attakkat f’ċirkostanzi oħra.  Dak li għadda minnu kienet boxxla kontinwa għalija lbieraħ u llum, speċjalment fil-Kamra tad-Deputati f’Mejju tal-2012.  Biss, dak li kont inqis ilbieraħ f’dak li huwa għadda minnu, napprezzah ferm u ferm iktar.  Hemm proċess intern fija li bih inħossu iktar viċin u ħaj. 

Malta and Me

3.    Illum hemm ftit iktar magħruf dwaru.  Għal snin twal, ftit kienet il-kitba.  Biss, niftakarni naqra dak li Eric Shepherd kien kiteb dwaru fil-ktieb ‘Malta and Me’, stampat fl-1928.  Ktieb li kien u għadu fil-librerija ta’ missieri, li però, mas-snin irnexxili nsib u nixtri għalija.  Fl-istess ktieb hemm ritratt uniku tan-nannu għadu żgħir.  Hemm, dik il-pinna preċiża u diretta kienet iddeskrivietu bħala “one of he most cultured Maltese I met”.  U li, “All I care about is that he had a real love and understanding of good literature, that he was a poet on Italian models himself, that he was without prejudice, fundamentally humorous, and did not allow his politics to make an ass of him.”

Malta and Me (2)

4.    Dan l-għalliem tal-Letteratura Ingliża, li kien kritiku ħafna ta’ mexxejja politiċi oħra f’pajjiżna, ikompli jiddeskrivih bħala persuna li kapaċi tkun maqtugħa mill-politika, avolja fiha, li kellu moħħ organizzat, qalbu tajba, ċajtier u sinċier.  “Indeed, he always struck me as treating his politics as a bit of a ‘rag’, and finding them as funny as I did.  He had an immense fund of high spirits; and while he had been the whole brain and life of the famous students’ Riot, he was almost the only one whose head not not been in the least affected by its success.  But nothing could spoil a man of his temperament; he is too fat (I beg his pardon), too kindly, too humourous and sincere.”

Iħobb il-qari

5.    F’daru rnexxielu jibni librerija kbira.  Nofsha għaddiet għand missieri, u ta’ żagħżugħ kelli għad-dispożizzjoni tiegħi ġabra kbira ta’ kotba fuq suġġetti varji.  Qrajt u flejt diversi minnhom.  Kellu moħħu miftuħ fuq kollox.  Kapaċi jaqra u jassorbi fi żmien qasir.  Jifhem il-punti fil-fond u fl-effetti sħaħ tagħhom.  Dan ħareġ iktar għad-dawl meta l-mibki, imma mhux minsi Ġużè Chetcuti, fl-1966 ippubblika taħt il-Pubblikazzjonijiet Indipendenza, id-dramm miktub minn nannuwi “Ġuditta ta’ Betulja” bit-Taljan għall-Malti.  Hemm, f’dan il-ktejjeb ħareġ iktar għad-dawl id-diversi opinjonijiet li l-awtur kien ġabar minn kitbiet oħra, fosthom ta’ dak li qalu dwar nannuwi Dr Giovanni Curmi, Ninu Cremona, Herbert Ganado, Pawlu Mizzi, Ġużè Aquilina.  Biċċa xogħol li fetħet twieqi ġodda għall-poplu li ma kienx jafu.

Patrijott u Ewropew

6.    Fid-diskorsi tiegħu u fil-pożizzjonijiet politiċi tiegħu, ma hemmx dubju li kien patrijott, iħobb lil pajjiżu u, fl-istess ħin, ċar fil-pożizzjoni politika tagħna ta’ poplu Ewropew.  Fost dawn, kien ġie f’idejja ktejjeb li fih kien stampat diskors li kien għamel bħala Ministru tal-Pulizija u Teżor fl-20 ta’ Diċembru 1932, f’dak li kien is-Senat.  Hemm kien qal dan: “Well then, I was saying that this small Malta, under this sky, this sea, with this heritage of Palaces, of architecture, of paintings, with all this wealth of art, with its glory, and its faith, only sixty miles from Italy, with all its story that entitles it to be the rampart fo the Continent, and the bulwark of Christianity, this Malta cannot wear another baptismal attire and faith except that of its Latinity.  In order to be Europeans it is necessary for us to be Latins, and if we were not such, we would have invented our Latinity.”

L-importanza tal-messaġġ

7.    Kellu kelma faċli u elokwenti.  Kellu kitba daqs hekk ieħor għas-servizz tas-sewwa.  Meta tara l-kwantità kbira ta’ diskorsi li għamel u li huma rappurtati, tifhem ferm aktar.  Tifhem ukoll li kien progressiv fl-għarfien li l-messaġġ politiku jieħu ż-żmien biex jasal, però jrid l-għodda kollha għad-dispożizzjoni tiegħu.  Għalhekk kien direttur ta’ numru ta’ ġurnali, sija bil-Malti, kif ukoll bit-Taljan u bl-Ingliż.  Imma ma kienx limitat għal dan.  Dan joħroġ iktar ċar fil-ktieb tal-2012 “Il-Gross.  Il-Kontribut Letterarju”.  Proġett li kien bdieh ħija Anton, u li fih hemm miġbura ħafna (mhux kollha) mill-poeżiji tiegħu, flimkien ma’ kitbiet letterarji dwar awturi bħal Coleridge, Scott u George Bernard Shaw.  Kollha jimmeritaw li jinqraw.

Ħaqqu iktar

8.    Ċertament ħaqqu ferm u ferm iktar.  Fortunatament, missieri u zijuwi qegħdin, biċċa biċċa, jiktbu l-ħajja tiegħu.  Timmerita li ssir.  Timmerita għax fil-ħajja politika tiegħu kellu numru ta’ pożizzjonijiet, nuqqas ta’ qbil ma’ oħrajn.  Imma llum, meta wieħed iħares lura u jqis isib li fuq diversi, għalkemm kellu raġun, ma ġiex mogħti dan.  Huwa tajjeb li l-istorja tingħad sħiħa.  L-istampa sħiħa għal dawk li jaqraw u jiktbu dwar pajjiżna.  Proprju għalhekk li, wara dawn is-snin twal, kienet deċiżjoni tajba tal-Partit li jiġi mtellgħa dokumentarju dwaru.  Ċertament għax hemm iktar x’jingħad, u nittama li b’dan l-artikolu ħajjartkom taqraw iktar dwaru.






MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...