17.12.17

Id-direzzjoni hija ċara.




1.     Għal min kien għadu fid-dubju, bil-Maratona li żamm il-Partit Nazzjonalista l-Ħadd li għadda, il-pożizzjoni ġiet iċċarata.  Jekk kien hemm min qiegħed jaħseb li t-tmexxija l-ġdida ma kinitx aċċettata, is-sitwazzjoni uriet mod ieħor.  Jekk kien hemm min qiegħed jaħseb li l-partit huwa dgħajjef jew nieqes mill-ħeġġa, jaf illum li dan kollu m’huwiex minnu.  L-istat ta’ fatt huwa li l-poplu kkontribwixxa, b’ġenerożità, donazzjonijiet li konna ilna ma naraw deħlin.  Mhux biss, imma l-ammont miġbur kien fl-istess livell ta’ dak tal-partit fil-Gvern.  Sinjali evidenti li juru li d-direzzjoni tagħna hija ċara.



Ir-riżultat tal-Maratona



2.     Mertu tal-bidla li saret, il-Partit Nazzjonalista qabad definittivament triq ġdida.  Dan jidher quddiem il-ħafna li l-politika qegħda ssir b’mod differenti.  Hemm spirtu ġdid, ħeġġa ikbar u viżjoni aktar fit-tul.  Il-fatt dan qegħdin juruh.  Ir-riżultat tal-Maratona, ma hemmx dubju, li f’dan huwa vot ta’ fiduċja mill-ħafna li għaddew il-kontribuzzjoni tagħhom għal dak kollu li seħħ f’dawn l-aħħar ftit xhur.  Fir-realtà hija konferma tad-deċiżjoni demokratika li ttieħdet mit-tesserati tal-partit.  It-tmexxija tallum hija mertu tagħhom.  Huma għamlu l-għażliet u huma huma li qegħdin isostnu dak li għażlu.  Hemm kjarament sodisfazzjon doppju minn isfel u minn fuq tal-partit.



B’abbiltà organizzaw



3.     L-Uffiċjali tal-partit, immexxija mill-Kap Dr Adrian Delia żgur, mhux forsi, it-Tnejn wara l-Ħadd jesprimu u jirreġistraw dan il-punt pożittiv.  Il-Viċi Kapijiet Robert Arrigo u David Agius, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u l-uffiċjali l-oħra rnexxielhom, b’abbiltà, jorganizzaw risposta li turi li l-partit għandu direzzjoni loġika.  Fi żmien qasir ħafna, qiegħed jidher quddiem kulħadd li minkejja l-iżvantaġġi kollha, il-Partit Nazzjonalista qiegħed iwieġeb lura kif għandu.  Il-qalb qegħda tħabbat lura għan-normal,  u d-demm beda jiċċirkola lura fl-arterji tal-poplu tagħna.  Ngħid dan għax nittama li ħadd ma jinsa li l-aħħar telfa elettorali kellha, u għad għandha, effetti iebsa ħafna għalina li rridu naħdmu mill-Oppożizzjoni.



B’umiltà u responsabbiltà



4.     Ċertament bdejna.  Biss, nafu li għandna triq twila.  Il-bidliet li hemm bżonn li jsiru biex il-partit jerġa’ jkun alternattiva kredibbli u soda, però, inbdew.  Dan għax nagħrfu li huma neċessarji.  Fl-aħħar appuntament elettorali kien hemm rifjut qawwi ta’ dak li kien qiegħed isir qabel.  Din hija r-realtà. L-istat ta’ fatt li, ngħidu x’ngħidu, irridu naċċettaw biex nimxu ‘l quddiem.  Għalhekk, b’umiltà u b’responsabbiltà, irridu nifhmu li għandna nimxu f’direzzjonijiet kompletament differenti.  Proprju għax dan inbeda.  Proprju għax il-pajjiż qiegħed jara dan isir, li hemm diġà dawn is-sinjali pożittivi.  Biss, ċertament, anki jekk id-direzzjoni hija ċara, xorta hemm ħafna aktar li għandna nwettqu biex niksbu lura l-kunsens elettorali.



L-identità politika tagħna



5.     Ċertament li l-linja politika ġiet apprezzata fl-affermar mill-ġdid li għandna identità politika ċara.  Aħna partit modern, moderat, fiċ-ċentru għax huwa partit Demokratiku Kristjan.  M’aħniex lesti f’dan ninsew minn fejn ġejna.  Anqas x’inhuma l-esperjenzi tagħna, jew fejn huma l-għeruq li jsostnuna.  Proprju għax għandna passat, li kapaċi nifhmu dak li sar tajjeb u  kif sar hekk, u dak li ma kienx.  Aħna mimlija bl-abbiltà li niddiskutu internament u nifhmu kif nistgħu ntejbu, inkabbru u nissudaw.  U minn dan, mill-fatti elettorali huwa ċar li l-ideoloġiji politiċi differenti minn dawn ma jaħdmux fil-partit, u anqas għall-partit.



Forza politika



6.     Evidenti li l-partit, minn dawk l-elementi, huwa forza politika li ma jistax jiġi njorat iktar mill-Gvern tal-ġurnata.  Huwa wkoll għandu jibda jiffaċċja r-realtà li, l-ewwel, għandu jikkonsulta iktar magħna, fis-sustanza u mhux fl-apparenza, dwar numru ta’ ħatriet; u t-tieni, li għandu jaħdem biex jikseb l-appoġġ politiku tagħna fuq ħafna deċiżjonijiet.  Anki jekk hemm maġġoranza parlamentari li tiggarantixxi stabilità politika, din ma tfissirx li l-partit fil-Gvern ikun qiegħed jaġixxi politikament korrett billi jimxi biss biex tgħaddi tiegħu.  It-triq tan-nofs, l-ewwel, iġġib ferm iktar stabilità soċjali u ekonomika; u t-tieni, tippermetti li jiġu konfrontati problemi nazzjonali li dan il-Gvern stess spiċċa biex daħħalna fihom.



Id-diskors tal-President



7.     Tul il-ġimgħa, il-President tar-Repubblika, fid-diskors tagħha elenkat, għal darb’oħra, numru minn dawn il-problemi li, kif qalet sewwa, jridu jiġu affrontati.  Il-Gvern jista’, bħal ma għamel qabel, idawwar widnejh dwar dan u jaħrabhom; jew jipprova jagħti x’wieħed jifhem li qiegħed jagħmel xi ħaġa dwarhom.  Biss nafu li r-realtà hija, l-ewwel, li ma sarx biżżejjed; u t-tieni, li hemm urġenza għax il-kirjiet għolew ferm iktar milli wieħed kien jistenna, il-faqar għadu magħna, id-droga żdiedet, kif ikkumplikat ruħha l-prostituzzjoni, u warajha t-traffikar tal-bnedmin.  Anki dwar is-saltna tad-dritt u l-omiċidju tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia kienet ċara ħafna, u għal min jagħraf il-polz politiku, riedet tirreġistra kif jinsabu verament il-fatti u mhux kif il-Gvern qed iwassal lilu nnifsu biex jemmen il-propaganda politika tiegħu stess.



Sfidi politiċi



8.     Dawn huma punti li huma sfidi politiċi għall-bnedmin ta’ rieda tajba, li jridu jaġixxu bil-poter biex jagħmlu l-ġid lill-proxxmu u mhux biex ikunu biss fil-poter.  Kemm dan l-isfidi ser jintlaqgħu, il-futur immedjat irid jagħtina parir.  Tkun xi tkun l-għażla tal-Gvern, jibqa’ ċar però: l-ewwel, li l-Partit Nazzjonalista huwa lura sod fix-xenarju politiku; u t-tieni, li proprju minħabba dan li anke jekk dawn il-problemi qed jiġu njorati, dan il-partit fl-Oppożizzjoni qiegħed jieħu ħsieb li jipprepara ruħu sew biex, kif ikun f’pożizzjoni, jikkonfrontahom.  F’dan il-mument politiku, għalhekk, irid jiġi reġistrat li, għax id-direzzjoni hija ċara, inqabdet it-triq it-tajba.  Dik li twassal partit fl-Oppożizzjoni biex isir ferm ikar rilevanti, jinftiehem u apprezzat mill-poplu li għalih ikompli jaħdem u jistinka.








No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...