5.12.17

Xamma totalitarja


 
1.      Tul dawn l-aħħar ġimgħat, ġew f’idejja żewħ kotba qosra però interessanti ħafna.  Wieħed “On Tyranny” ta’ Timothy Snyder, u l-ieħor “The Totalitarian Experience” ta’ Tventan Todorov.  Tal-ewwel huwa iktar reċenti.  Miktub minn Amerikan, fl-isfond ta’ dak li qiegħed jiġri fl-Istati Uniti tal-Amerika u b’riflessjonijiet qawwija fuq dak li għadda minnu l-poplu Lhudi tul l-aħħar Gwerra Dinjija.  It-tieni ħareġ sitt snin ilu.  Miktub minn Bulgaru li għex ħajtu fi Franza.  Bniedem li mess direttament mat-tirannija tal-komuniżmu Sovjetiku.  It-tnejn għandhom messaġġi kbar u ma’ kull sentenza hemm x’wieħed jieqaf u jirrifletti.

Prinċipji fundamentali

2.      Mhux ser nidħol, f’dan l-artikolu, f’analiżi taż-żewġ kitbiet.  Dawn jistennew, forsi jsibu d-dawl fil-futur f’In-Nazzjon.  Todorov jagħmel, però, numru ta’ punti.  L-ewwel: min ikun għaddej minn ħajja fejn ma hemmx demokrazija, anzi dittatura, ħafna drabi jipprova jaħrab dik ir-realtà billi ma jaċċettax l-eżistenza tagħha, u jgħix billi jiċħad miegħu nnifsu dak li jara li huwa żbaljat.  It-tieni: min imexxi bi spirtu anti-demokratiku, ħafna drabi jaħrab mill-prinċipji fundamentali li jsawru d-dinjità tal-bniedem.  It-tielet: l-ispirtu totalitarju jitlaq u jsaħħaħ lilu nnifsu billi jiċħad l-istorja passata tal-bniedem.  Ir-raba’: titwieled forma stramba ta’ rikatt bejn min imexxi u min jitmexxa, fejn jekk taċċetta timxi, imma fejn ma taqbilx tinqata’ barra mill-ħajja soċjali u ekonomika, titlef l-impieg tiegħek u ssib ruħek dikjarat “traditur” tal-poplu.

Lies sound truthful

3.      George Orwell kiteb fuq dan fir-Razzett tal-Bhejjem, li ħaqqu jiġi stampat u moqri mill-ġdid illum.  Però kiteb ukoll il-ktejjeb “Why I Write”.  Wieħed li tiġi introdott għalih b’dawn il-kliem: “Political language is designed to make lies sound truthful and murder respectable, and to give an appearance of solidity to pure wind”.  Orwell, u miegħu warajh diversi oħra bħal Hannah Arendt f’“The Origins of Totalitarianism”, jew Vaclav Havel f’“The Power of the Powerless” jispjegaw u jiftħu għajnejn min irid il-ġid lil pajjiżu.  Min jifhem li l-poplu jimxi ‘l quddiem jekk ikun hemm, l-ewwel, demokrazija soda u b’saħħitha fil-liġi; u t-tieni, li jkollna bnedmin imexxuha li għandhom f’moħħhom u f’qalbhom l-ispirtu demokratiku.

Indħil politiku

4.      Pajjiżna għaddej minn mumenti qawwija ta’ prova.  Huma, fir-realtà, dawk l-eżamijiet li jagħżlu jekk aħniex kapaċi jew le li negħlbu l-intoppi li l-ħajja ġġib għalina biex tibqa’ tirrenja d-demokrazija, jew le.  Meta naraw dak li għaddej, u nifhmu li fil-fatt il-Gvern preżenti qiegħed jaħrab mir-realtà, dan ikun iktar ovvju għalina.  Meta l-forzi tal-ordni, li huma pilastru importanti fil-pajjiż, ma jitħallewx iwettqu dmirhom.  Meta jkun hemm indħil politiku qawwi direttament jew indirettament fl-operat tagħhom.  Meta tinbena alleanza li biha dak li huwa ħażin u illegali ma jiġix investigat u anqas skrutinat.  Meta, konsegwenza ta’ dan kollu, nibdew naraw bnedmin jiġu mhedda u jinqatlu b’mekkaniżmi premeditati u motivati.  Allura nibdew nifhmu li qed neħlu mill-eżami demokratiku u nxommu r-riħa ta’ dik totalitarja.

Misqi lilhom
5.      Ngħid li nibdew għax il-proċess tal-għarfien huwa wieħed twil u, f’dawn il-gżejjer, kumplikat ħafna.  Hawn intriċċar bejn dak li hemm fil-ħajja, u dak li l-bnedmin li jgħixu fuq din l-art iridu, jew huma f’pożizzjoni li jaċċettaw minnha.  Min qiegħed ġewwa jaf x’inhuwa għaddej,u jaf li dak li qiegħed isir, l-ewwel ma ħaqqux iseħħ, u t-tieni li mhuwiex ħaġa waħda mad-demokrazija.  Jaf li għandu għażla: jew jaċċetta u  jimxi, inkella li jiċħad u jispiċċa barra.  Biss, għal min mhuwiex fil-qalba tal-affarijiet, is-sitwazzjoni hija differenti.  Hemm distinzjoni hawn bejn dak li jsiru jafu direttament, u dak li jipprova jiġi misqi lilhom minn min għandu l-poter f’idejh.

Plutokrazija medjatika

6.      Proprju fuq dan, is-sitwazzjoni hija ferm iktar gravi.  Serja, għax il-Gvern preżenti għandu kontroll qawwi fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni tiegħu, tal-poplu u ta’ terzi.  Dħalna f’fażi li tfakkar ħafna tal-ġenerazzjonijiet passata fil-mod li bih il-propaganda politika kienet issir fl-aħħar seklu f’pajjiżna u fid-dinja komunista.  Il-messaġġ qiegħed jiġi kontrollat sistematikament, jum wara jum, b’passi lejn forom ta’ preċiżjoni.  Forom, għax kull min jisma’ jinduna li kull ma jiġri f’pajjiżna jrid jiġi rappurtat f’ċertu dawl, u mhux kif sewwasew huwa.  Il-messaġġ huwa li l-Gvern għandu dejjem raġun, huwa dejjem tajjeb u pożittiv, mentri l-Oppożizzjoni għandha dejjem tort u hija ħażina, negattiva.

Nissudaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni

7.      Ilkoll nafu li dan huwa għaddej sew.  Nistgħu nħalluh għaddej jew, minflok, narmaw għalih.  Dan jista’ jsir jekk, b’sagrifiċċji kbar, nissudaw il-mezzi tal-komunikazzjoni li għandna għad-dispożizzjoni tagħna.  Fortunatament għad għandna n-Net TV, ir-Radju 101, In-Nazzjon u Il-Mument.  Dawn huma verament tagħna, u għandna għalhekk id-dmir li niddependu iktar fuqhom.  Dan ifisser li minn issa ‘l quddiem irridu nassiguraw li l-messaġġ tagħna jkun hemm barra b’mod ċar u dirett.  Irid ikun wieħed spjegattiv fi kliem li jifhem kulħadd u mhux il-ftit.  Irid jinxtered aktar.  Għandna bżonn li l-gazzetti tagħna jinxtraw aktar.  Li jitħallew fl-uffiċċji, fil-postijiet pubbliċi.  Bħalma rridu nġibu iktar bnedmin jaraw u jisimgħu dak li, jum wara jum, ngħidu.

Oppożizzjoni ssudata

8.      Dawk li jaqbdu t-triq totalitarja jsibuha ferm iktar faċli meta, fis-soċjetà, jonqsu l-ilħna li jmeru l-propaganda u l-verżjoni tal-fatti tal-Istat.  Dawk li, bħalna, għandhom il-pożizzjoni li Havel jispjega bħala “The Power of the Powerless” għandhom id-dmir li mhux biss isemmgħu leħinhom, imma li jassiguraw li tasal fl-irkejjen tal-pajjiż kollu.  Biex dan isir, il-forzi jridu jkunu konċentrati u mhux imxerrda.  Proprju għalhekk li nhar il-Ħadd, 10 ta’ Diċembru ser ikollna Maratona.  Ser nitolbu l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom biex inkunu ferm aqwa milli aħna fis-sustanza, fil-metodu u fil-kwalità tal-messaġġ tagħna.  Dan għax ilkoll nafu li, quddiem ix-xamma totalitarja, risposta waħda hemm: dik demokratika, li tista’ toħroġ biss minn Oppożizzjoni ssudata mill-kunsens popolari.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...