1. Diversi huma l-parroċċi, l-knejjes,
il-każini tal-baned li jiċċelebraw l-anniversarju tagħhom. Ħaġa tajba li tagħmel il-ġid – spiritwali u
kulturali. Ftit huma dawk li però għamlu
dak li l-Parroċċa tal-Fgura għamlet din is-sena. Diversi drabi jinħoloq kumitat organizzattiv
li jfassal programm ta’ ċelebrazzjonijiet.
Mużika, attivitajiet soċjali, lejliet kulturali, quddies kantat u animat
issibhom mingħajr eċċezzjoni. Dan huwa
tajjeb. Iġib il-ġabra u diversi drabi
jwelled spirtu ġdid ta’ ħidma, b’persuni li jiddeċiedu li jibdew jagħtu iktar
mill-ħin liberu tagħhom lil ħidmet il-Knisja Kattolika.
2. Nikteb f’din il-linja għax din is-sena
jaħbat il-ħamsin anniversarju minn meta l-Fgura saret Parroċċa, u fl-istess ħin
il-ħamsa u għoxrin sena minn meta kien hemm il-konsagrazzjoni tal-knisja
l-ġdida. Għax wieħed għandu jgħid li dan
ir-raħal kiber biċċa biċċa. Illum
il-ġurnata jgħodd diversi bnedmin li twieldu, u għadhom jgħixu hemm. Niftakar li xi snin ilu kont sibt numru ta’
domandi parlamentari ta’ nannuwi, jitlob li jkun hemm ilma u dawl pubbliku għal
dawk il-ftit raħħala u residenti li kien hemm.
Kien hemm fejn jissemma’ uffiċjalment għall-ewwel darba l-post bħala
“Fgura”.
3. Iktar tard, mill-1945 ‘il quddiem ġiet
komunità ta’ patrijiet Karmelitani li mat-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija bdiet
taħdem din l-għalqa. Twaqqfet hawn
għalhekk din il-komunità, li sallum fortunatament baqgħet attiva u anzi ma’
kull sena tiġbor u tiġbed iktar nies warajha.
Il-festa tal-Madonna tal-Karmnu qed issir dejjem iktar ċentrali. Nista’ ngħid dan mix-xhieda diretta tiegħi
ta’ kemm il-pożizzjoni nbidlet għal quddiem.
Hemm rabta verament qawwija li turi identità ġdida.
4. Biss din il-Parroċċa, fl-anniversarju
tagħha naħseb li rnexxielha toħroġ b’pubblikazzjoni li fi ftit postijiet oħra
rajtha, u dan wieħed irid jgħid li proprju minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari
tagħha li setgħet issir. Pubblikazzjoni
mhux sempliċement kommemorattiva jew mimlija b’ritratti tal-kulur u reklami
bħalma aħna mdorrija naraw fil-festi lokali.
Waħda li fiha nġabru l-esperjenzi u x-xhieda ta’ seba’ Kappillani li
kienu responsabbli tal-Fgura f’dawn il-ħamsin sena. Minn Patri Timotju Azzopardi sallum Patri
Renald Lofreda daħlet esperjenza li kieku kienet tintilef ma’ dawk li wettquha.
5. Din il-biċċa xogħol naraha li fiha aktar
valur, proprju mill-fatt li din il-pubblikazzjoni bl-isem sempliċi u fl-istess
ħin dirett ta’ “Il-Fgura 50 Sena Parroċċa 1965-2015” ġiet fdata f’idejn Charles
Magro, BA, MOM. Bniedem umli, attent, li
huwa magħruf sewwa fid-dinja tal-Letteratura Maltija u b’mod partikolari
mal-qarrejja ta’ din il-gazzetta li Ħadd wara Ħadd jaraw u jaqraw
kitbietu. Il-pinna u l-intelliġenza
tiegħu servew sabiex dak li nkiteb ma jgħabbix żejjed il-karta, u fl-istess ħin
iħajjar għall-qari.
6. Fi Frar 2015, meta tqassam għall-ewwel
darba dan il-librett, sibtni mingħajr ebda forma ta’ diffikultà naqrah, u dan
malajr bħal żiffa ħelwa. Ngħid dan għax
dak li nkiteb fih huwa lezzjoni mill-aqwa għal min irid li wara anniversarju
jibqa’ mhux sempliċi rikordju, iżda marka fir-ruż u l-moħħ tal-bniedem. Is-sur Magro, b’paċenzja u attenzjoni
mill-iktar evidenti, ħa ħsieb jibbilanċja l-kontenut bi storja, b’mumenti
importanti imma l-iktar bl-intervisti li għamel u kkura lil dawn il-Kappillani. Kull wieħed stqarr il-passi li rnexxielu
jwettaq, dak li xtaq u fl-istess ħin immarka l-imħabba Karmelitana għal din
il-komunità. Fuq dan huwa jgħid: “Il-Kappillani
kollha qaluli li ż-żmien li għaddew fit-tmexxija tal-Parroċċa tal-Fgura jħarsu
lejn b’nostalġija: bħala esperjenza mill-isbaħ.”
7. L-iktar interessanti f’din
il-pubblikazzjoni hija dak li joħroġ, biex ngħidu hekk, indirettament. Mix-xhieda mill-isbaħ ta’ dawn il-Kappillani,
jidher il-ħin kollu l-iżvilupp soċjali, demografiku u kulturali tal-post. Il-proġetti li welldu, il-pjani varji tagħhom
setgħu jieħdu r-ruħ u s-saħħa proprju għax il-Fgura kienet qegħda l-ħin kollu
tikber. Dawk li ġew jgħixu fiha
mill-ibliet u l-irħula viċini bdew b’uliedhom, bil-preżenza ħajja tal-abbatini,
tas-soċji tal-Mużew u diversi oħrajn isibu lilhom infushom ħaġa waħda ma’ dan il-post
u l-Kappillan tiegħu.
8. Joħroġ f’din il-kitba mhux biss l-amor
proprju ta’ diversi, imma l-fatt li l-kittieb ried li dak li ġabar jibqa’ hemm
mhux biss bħala sempliċi rikordju, imma bħala parti mill-istorja soċjali u
reliġjuża tal-Fgura. Ġabar dak li
ħaddieħor ma jistax u anqas għadu jiġbor.
Mar lura fis-snin u segwa l-eżempji passati tajbin, bid-differenza li
x-xhieda li ngħatat hija ħajja, ġejja mill-protagonisti u mhux mill-kitba ta’
terzi fuq dak li deherilhom li għandhom jiktbu.
Il-qabża fil-kwalità u fil-kontenut hija ċara. Fil-fatt, fil-bidu huwa jgħid hekk: “Jien
ħdimt qrib ma’ dawn il-Kappillani kollha, li għall-Grazzja t’Alla għadhom
kollha mimlijin bl-għomor. Ħassejt li
minn dak li kienu se jgħiduli meta mort inżurhom wieħed wieħed stajt noħroġ
ir-rakkont tal-bini u l-iżvilupp tal-komunità parrokkjali tal-Fgura, mill-bidu
sal-istat li aħna fih illum.” M’huwiex
rakkont “mimli trab” iżda wieħed li jbaqbaq, ħaj.
9. Kull min jinħatar Kappillan jaf li jidħol
għal responsabbiltajiet kbar, ikun fejn ikun fid-dinja. Però b’mod speċjali f’dawn il-gżejjer. Hemm diversi, bħal San Ġwann Vianney, li huwa
l-patrun li serva biex jistabbilixxi l-livell li wieħed għandu jaħdem
għalih. Il-qaddis li lkoll nafu kemm
kien il-kustodju tal-erwieħ tal-merħla tiegħu.
Il-bniedem li fl-umiltà, is-sempliċità tiegħu sar jaf lill-parruċċani tiegħu
personalment. Li ma marx għal xi
trattati jew kumplikazzjonijiet, iżda rabat ħidmietu mal-quddies, il-preżenza
għal sigħat twal fil-konfessjonarju jistenna s-sriebet ta’ dawk li riedu
jqerru. Waqt li wieħed jaqra din
ix-xhieda ta’ dawn il-Kappillani, mingħajr ma wieħed irid jifhem kemm dan il-qaddis
servihom ilkoll bħala dak li riedu jimitaw.
10. Fil-fatt
is-sur Magro rnexxielu mhux biss jirċievi mingħandhom, iżda wara jittrasmetti
jittrasmetti lura lilna messaġġ ta’ fidi, determinazzjoni u perseveranza. Il-kitba f’din il-pubblikazzjoni hija xhieda
qawwija li l-Knisja Kattokika kienet, u għadha, preżenti magħna għax hija
impenjata għas-soċjetà. Meta wieħed jaqra l-esperjenzi li semmejna, li
fortunatament setgħu jinġabru minn dawk kollha li kienu Kappillani, jifhem li
xejn ma huwa faċli. Li hemm ġlieda
għas-sewwa li ma nifhmux, però dan il-librett, mingħajr ma rridu jwassalna biex
napprezzawh ferm iktar fid-diffikultajiet tiegħu. Nifhmu l-impenn u s-sagrifiċċju li min jiġi
maħtur f’din il-pożizzjoni jrid iwettaq.
Filwaqt li hemm bżonn li nirrikonoxxu iktar din il-ħidma, irrid nawgura
li aktar Kappillani u parroċċi jieħdu dan l-eżempju tajjeb.