31.5.16

L-Estremizmu Sqaq Zbaljat.


1.Tghodda b’wahda l-Austrija u tiehodha b’lezzjoni l-bqija tal-Unjoni Ewropeja. L-elezzjoni presidenzjali gewwa dak il-pajjiz fiha hafna messaggi, l-iktar b’gabriet tajba ta’ zbalji. Il-partiti li mexxew u kattru lil dan il-poplu sabu ruhom maqtugha barra mill-kunsensi elettorali. Fuq nahha spicca Alexander Van der Bellen kandidat tal-partit ekologista fuq l-ohra Norbert Hofer fuq il-lemin estrem. Il-vot kien ras imb’ras u ntrebah minn Van der Bellen b’margini zghir ta’ 31,000 vot  fil-fuq minn erbgha miljun ruh. Konna vicin li nergghu nsibu ruhna b’mexxej bin l-estremizmu lemini f’parti mill-qalba ewropeja.

L-Linja Moderata.
2. Il-politika li mexxiet lill-unjoni ewropeja kienet bbazata u gwidata minn partiti li ma hadux linji estremisti imma zammew ruhhom mal-linja moderata. Hija din li thalli l-bibien miftuha ghad-djalogu, ghall-kompromess li fl-ahhar ggib lil kull nahha wara posizzjoni komuni. Diversi li jgarbu ftit esperjenza fil-politika jgharfu li ma jistghux jimxu wahedhom imma ghandhom bzonn l-kunsens u l-appogg ta’ ohrajn. L-idejat taghhom, d-direzzjonijiet li jridu jiehdu fis-socjeta jkunu iktar b’sahhithom meta wiehed jimxi fuq il-linja tan-nofs. La jwebbes rasu iz-zejjed u anqas jabbanduna dak li ried originarjament jikseb.

Process li jgibna flimkien.
3.Is-sistema demokratika hija mibnija proprju fuq dan. Process li jgibna bid-diskussjoni lejn linji ta’ konvergenza u mhux ta’ antagonizmu. Wiehed li jghin sabiex jsir uzu mir-raguni fi hdan l-forzi politici li huma presenti, rappresentati u attivi. Ghalhekk jikseb iktar pajjiz u poplu meta min nahha u ohra tal-kamra tad-deputati jkun hemm rikonoxximent ta’ dak li sar qabel u li huwa sewwa. Min jigi jitkellem li d-dinja bdiet minnu, jew li qabel  ma gara xejn jkun qieghed jizbalja mieghu innifsu u mal-ohrajn. Biex dan il-poplu qieghed fejn qieghed fit-tajjeb wasal ghax diversi minn uliedu hadmu ghalih.
L-Metodu huwa essenzjali.
4.F’dan hemm dawk li qed jahsbu li l-metodu jistgha jkun li jrid jkun. Ghalihom l-aqwa huwa li jinkiseb dak li jridu jigi kif jigi. Bis-sewwa jew bid-dnewwa. Dan bl-esperjenza ta sekli juri li huwa  zbaljat f’socjeta demokratika. Dittaturi tal-lemin u tax-xellug fl-estremizmu taghhom wasslu lilhom infushom sabiex jagixxu kontra s-sewwa u l-bniedem proprju minhabba dan. Ahna, dejjem jekk ahna irridu il-gid lill-pajjizna, ma nistghux nidhlu f’dan l-isqaq . Zbalji , azzjonijiet hziena li jmorru kontra d-dinjita u l-valuri nsara ma jwasslu ghall-imkien. Jzidu biss fl-izbalji. Litteralment jkattruhom specjalment meta parti biex twiegeb ghall-estermizmu tmur hija ukoll f’dik id-direzzjoni. Wahda li tidher apparentement opposta , necessarja pero’ li finalment tmiss l-istess rizultati.

T-Triq tan-nofs .
5. Diskors zejjed, agir bhal dan ghalhekk jnaqqas d-djalogu, l-posizzjonijiet ta’ ftehim u kompromess. Il-pajjiz taghna ilu wiehed li jippretendi minna l-politici li ma nmorrux f’sitwazzjonijiet ta konfrontazzjoni. Aktar u iktar meta s-sistema elettorali taghna taghti l-ghazla diretta tal-membri parlamentari f’idejn l-votant mhux d-dettata. Il-poplu jrid li jara dawk li huwa jikkonsidra bhala l-ahjar mhuh jahdmu flimkien sabiex jsir il-gid . F’dawn is-snin rajt u nibqa nara dejjem iktar apprezzament lejn min huwa konsidrat politiku li jahseb u jrid jimxi fit-triq tan-nofs. F’dik li twassal ghall-attenzjoni, d-dettall , l-moderazzjoni u ghal dak li huwa gust.

Mhux l-aqwa gimgha.
6.Il-fatt li din il-gimgha bdiet b’konfrontazzjoni diretta fil-parlament partikolarment fil-kumitat li jfassal l-programm tal-hidma parlamentari nhass l-effett taghha. Il-mazz tal-agenda qieghed f’idejn il-Gvern ma hemmx dubbju. Biss meta dan jitressaq b’intransigenza u b’forom ta’ imposizzjoni l-arja tibda titqal. Dak huwa l-ewwel l-post proprju fejn jigi l-ezercitat l-moderazzjoni u l-kompromess minn min jgawdi maggoranza daqshekk qawwija. It-tieni meta dik in-nahha tmur ghall-estermizmu allura tkun qedha tibghat barra messaggi ta instabbilita ghax tkun qedha turi li hemm sitwazzjoni tant gravi li ma tridx tirraguna. L-assenza tal-Kap tal-kamra l-Ministru Louis Grech nhasset sew.

Inharsu il-quddiem?.
7.D-dibattiti fuq z-zewg mozzjonijiet saru. Parti mir-raguni vinciet. Instemghu u nghalqu. Fejn l-vucijiet varji hemm gewwa l-pajjiz setgha jarhom u jgharbel dak li nghadd. Kif jghidu hafna qalu taghhom fil-presenza tal-ohrajn imma drabi ukoll wahedhom. Setghu servew ghall-iktar. Setghu wasslu ghall-posizzjonijiet komuni fuq punti li ghadhom f’ras diversi persuni li jahsbu u li jifhmu l-boghod mill-estremizmi dak li huwa sewwa. Ghax kull dibattitu parlamentari huwa opportunita lejn l-qbil. Huwa possibilita li tistgha tinbidel f’probabilita fejn l-estremi jintilfu warajna u naslu b’iktar moderazzjoni. 

Kull nahha ghandha x’taghti.       

8. Biss l-parlament ma huwiex Qorti. Ir-regoli tal-procedura jridu jigu segwiti biss s-sejhiet ghar-raguni ma ghandhomx limitu. La hemm l-ewwel Qorti ,la appelli u anqas ritrattazzjonijiet l-argumenti jinghalqu mhux proceduralment imma b’kunsens generali u nazzjonali. L-estremizmu politiku biss jaf jwassal biex jghalaq lill-ohrajn barra. Ghax t-twaqqif ta’ argument politiku li jibqa minghajr soluzzjoni jsehh generalment f’socjetajiet fejn hemm dittaturi mhux fid-demokraziji. Ghax meta d-doza u l-livell tat-temperatura politika titla l-fuq specjalment meta nahha tinjora t-talbiet legittimi tal-ohra hemm nkunu sejrin. Dan f’kuntrast meta fil-verita nafu li kull nahha ghandha l-kontribut validu taghha x’taghti u l-opposizzjoni ghalhekk tesigi li tigi rispettata mhux injorata. Din hija d-demokrazzija li ser nkomplu nahdmu fiha sabiex ma nidhlux fl-isqaqien tal-estremizmu.               

28.5.16

Ktieb mill-aqwa




1.      Nisimgħu u wkoll naqraw f’numru ta’ drabi dwar ħruġ ta’ kotba.  Suġġetti varji li jistgħu jinteressawna.  Fuq it-titolu u fu l-informazzjoni li tingħatalu mill-medja kif nafu, ħafna drabi jiddependi kemm tkun lest taqrah u tixtrih.  Nafu lkoll li kotba tajba mhux dejjem jingħataw dak li ħaqqhom.  Anzi, l-esperjenza turi li jkollhom bżonn min jaqbeż għalihom.

2.      Proprju f’dan sibtni.  Smajt bl-aħħar ktieb tal-Papa Franġisku bit-titlu “Il nome di Dio ѐ Misericordia” u dlonk ġibtu.  Qbadtu u ma tlaqtux minn idejja.  Għax mhuwiex mimli kliem tqil, anqas b’argumenti diffiċli biex tifhem imma miktub b’sempliċità diretta.  Is-sustanza toħroġ minn numru ta’ domandi f’intervista li l-ġurnalist Andrea Tornielli jagħmillu.

3.      Kemm imxiet il-Knisja?  Kif inbidlu l-mezzi ta’ komunikazzjoni li l-Papiet tallum qed jużaw?  Beda l-Papa Ġwanni Pawlu II meta kien fetaħ bil-kitba varja tiegħu.  Min jista’ jinsa “Dono e Mistero”?  Jew warajh l-intervista ta’ Peter Seewald lil Benedittu XVI f’”Light of the World”.

4.      Għax nammettu li huwa iktar diffiċli li jinqara ktieb mibni fuq domandi u risposti diretti, preċiżi u ċari.  Ftit huma l-mexxejja tad-dinja li jistgħu jidħlu għal dan bħal ma għamel il-Papa Franġisku.  Tħobb taqra jew le, quddiem dan l-istrument issibek li bilfors tixorbu, taqbdu u ma titilqux qabel ma tkun lestejtu.  Hekk ġara lili proprju tul dawn l-ewwel jiem tar-Randan

5.      L-argumenti miġjuba, is-suġġetti trattati huma mifruxa.  Biss huma marbuta mal-Ħniena Divina fil-maħfra tad-dnubiet.  Huwa attwali, reliġjuż u fl-istess ħin edukattiv f’din is-sena qaddisa tal-Misericordia.

6.      L-intervista tiftaħ b’dikjarazzjoni mill-iktar personali ta’ Franġisku.  Il-Papa jgħidilna li ma jafdax l-ewwel reazzjoni u jħobb jerġa’ jaħsibhom sewwa.  Jibda hekk: “Io sono portato a non fidarmi mai della prima reazione che ho di fronte a un’idea che mi viene o a una proposta che mi viene fatta”, u jkompli: “Non mi fido mai, anche perché solitamente la prima reazione ѐ sbagliata”.  Messaġġ, l-ewwel, għal dawk li jiddeċiedu ċum bumm, mingħajr ma jaħsbu ftit dwar is-sewwa ta’ dak li jkunu ser iwettqu u l-effett tiegħu, u t-tieni għal kemm ħsieb jingħata mill-Knisja u minnu qabel ma tittieħed deċiżjoni jew direzzjoni.

“Sì, mi rincresce che non mi rincresca”

7.         Biss, il-pern tal-kitba f’din is-Sena tal-Ħniena huwa li jikkonvinċi lill-bnedmin ta’ rieda tajba, kollha, dwar l-għaqal li jaħdmu għas-sewwa.  Li jassiguraw li ma jwettqux ħsara lill-proxxmu, għalihom u għall-futur tas-soċjetà li jgħixu fiha.  Mhux biss, imma spjegazzjoni li anke meta dan iseħħ, ladarba jkun hemm ir-rimors, id-dispjaċir anke iktar fil-fond id-dispjaċir li ma ddispjaċiekx, allura hemm il-bieb miftuħ għall-maħfra fil-qrar.  Hemm direzzjonijiet u ordnijiet varji hawn fuq ħidmet is-saċerdoti f’dawn iċ-ċirkostanzi.  Bl-ordni diretta li joħorġu mill-knejjes u jfittxu lill-bniedem fejn jgħix, ibati u fejn jittama biex jirbaħ il-ħniena u r-rikonċiljazzjoni.

8.      Hemm kliem ta’ ħlewwa, ta’ ħniena, imma s-seba’ parti hija iebsa.  It-titolu jgħid ħafna: “Peccatori si, Corrotti no” u jispjega għala.  Kundanna mill-iktar qawwija għax jgħid: “Il corrotto, e colui invece, che pecca e non si pente, colui che pecca e finge di essere cristiano, e con la sua doppia vita da scandalo.”  U jkompli: “La corruzione non ѐ un atto, ma una condizione, uno stato personale e sociale nel quale uno si abitua a vivere. La corruzione fa perdere il pudore che custodisce la verità, la bontà, la bellezza.”  Il-midneb irid jibdel ħajtu u l-għemil żbaljat tiegħu.  Il-korrott ma jridx, anzi anqas jinduna, fl-istat li jkun jinsab.  “Il corrotto spesso non si accorge del suo stato, proprio come colui che ha l’alito pesante e non si rende conto”.

9.      Veru li dan huwa ktieb mill-kliem, mill-ħsieb, mid-direzzjoni tal-Kap tal-Knisja Kattolika imma l-kontenut tiegħu jgħodd għall-bniedem ta’ rieda tajba.  Inħajjarkom taqrawh, speċjalment tul din is-sena speċjali.


26.5.16

Fi tlett snin biddel il-Knisja




1.      Tul ix-xahar li għadda ċċelebrajna t-tielet anniversarju mill-ħatra tal-Papa preżenti Franġisku.  Għax kien proprju fit-13 ta’ Marzu 2013 li huwa ġie elett minn fost ħutu l-kardinali u fl-aħar tal-Ġimgħa, d-19 ta’ Marzu, jum San Ġużepp rajnih jiċċelebra għall-ewwel darba bħala kap tal-kattoliċi fid-dinja.  Siġġu xejn faċli.  Mhux biss minħabba dak li għaddej fid-dinja llum, imma wkoll għax kellu qablu kien hemm żewġ papiet partikolari.  L-ewwel Ġwanni Pawlu II, li llum qaddis.  It-tieni Benedittu XVI, mimli għerf u gwida.


Rajna bidliet ġodda



2.      F’dawn it-tliet snin rajna bidliet ġodda.  Passi li dawwru d-direzzjoni u fl-istess ħin żiedu fl-enfasi ta’ diversi punti li l-istess istituzzjoni hija marbuta magħhom.  Bniedem li, indipendentement mill-importanza li aħna l-kattoliċi nagħtuh, irnexxilu jkun protagonista u vuċi għad-diversi li m’humiex.  Dak li jgħid qiegħed jiġbed nies ġodda lura lejn il-Knisja Kattolika, l-għerf u l-gwida tagħha.


Għas-servizz tal-oħrajn.

3.      Ftit forsi jafu li ħajtu ma kinetx ward u żahar.  Twieled fl-Arġentina, f’familja ta’ immigranti taljani li ħarbu r-repressjoni faxxista, il-post fejn għex ma’ dawk li għandhom l-inqas, fejn anki fit-triq tiegħu fi ħdan is-Soċjetà ta’ Ġesù sab ukoll min ma fehmux u pprova jżommu lura.  Bniedem li baqa’ marbut u impenjat ma’ dawk li huma l-iktar ‘l isfel fis-soċjetà, ma’ dawk ikkundannati fil-ħabsijiet, ma’ dawk fl-isptarijiet, mal-anzjani fid-djar tagħhom u mal-ifqar tal-ifqar.  Persuna umana li verament iddedika ħajtu għas-servizz tal-oħrajn.


Hemm x’tikteb.

4.      Għax huwa, biex ngħidu l-inqas interessanti, kien dak li fl-2011 offra r-riżenja tiegħu minn Isqof ta’ Buenos Aires għax għalaq il-ħamsa u sebgħin sena u sab ruħu Papa sentejn wara.  Triq li ħafna rawha diġà mmarkata għalih għax l-ewwel ġie mbaskat sew; u t-tieni jingħad li fl-2005 kien hemm diġà l-għidut li wara l-mewt ta’ Papa Ġwanni Pawlu II l-kardinali kienu diġà qed juru preferenza għalih u li kien hu li talab biex ma jiġix magħżul.  Ma hemmx dubju li fuq ħajjet Papa Bergoglio hemm x’tikteb.  Biss għandna nimmarkaw x’ġieb lura għad-dibattitu dan il-bniedem bi kliemu u b’ħidmietu.


L-importanza tad-djalogu.

5.      Ġieb lura l-importanza tad-djalogu bħala strument, għodda essenzjali f’din u fi kwalunkwe soċjetà.  Il-kliem tiegħu fil-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika, f’dak li huwa sejjaħ “l-Art tal-liberi u kuraġġjużi” kien ippernjat fuq dan.  Għax għalih: “Dialogue is born from an attitude of respect for the other person, from a conviction that the other has something good to say.  It assumes that there is room in the heart for the person’s point of view, opinion and proposal.  Dialogue entails a cordial reception, not a prior condemnation”.


L-valur tal-faqar.

6.      Ġieb lura fiċ-ċentru tal-attività umana l-valur tal-faqar fi ħdan il-Knisja u s-soċjetà.  Għarfien ta’ din ir-realtà u, fl-istess ħin, tal-bżonn ta’ iktar riformi biex din tiġi mibdula.  Bidliet fis-sistemi ekonomiċi ta’ dawk li jeskludu u jġibu magħhom iktar disugwaljanzi.  Bidliet kontra dak li huwa jgħid li hija t-tirannija ġdida: “A new tyranny is thus born, invisible and often virtual, which unilaterally and relentlessly imposes its own laws and rules.  To all this we can add widespread corruption and self serving tax evasion, which has taken worldwide dimensions.  The thirst for power and possessions knows no limits”.


“Laudato Sì”

7.      Immarka b’saħħa kbira l-importanza tal-ambjent fid-dinja bl-aħħar diskorsi u prinċipalment bl-enċiklika “Laudato Sì” – waħda li bidlet u ġiebet lura fiċ-ċentru ‘l-bniedem, id-dinjità tiegħu u l-post fejn jgħix illum u fejn ser ikun għada.  Fiha huwa jgħid: “Insejjaħ b’urġenza għat-tiġdid tad-djalogu dwar il-mod li bih qed nibnu l-ġejjieni tal-pjaneta.  Għandna bżonn ta’ konverżazzjoni li tgħaqqadna lkoll flimkien, għax l-isfida ambjentali li qed ngħixu, u l-għeruq umani tagħha, jolqtuna u jmissuna lkoll kemm aħna.  Il-moviment ekoloġiku dinji diġà terraq mixja twila u għanja, u ta l-ħajja lil għadd ta’ għaqdiet ta’ ċittadini li ħolqu kuxjenza.  B’xorti ħażina, ħafna sforzi biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti għall-kriżi ambjentali spiss jisfaw iffrustrati mhux biss mir-rifjut ta’ min għandu s-setgħa f’idejh, imma anki min-nuqqas ta’ interess tal-oħrajn”.


Ziffa ta’ riħ frisk.

8.      Niċċelebraw għalhekk u nfakkru dan kollu fit-tielet anniversarju verament importanti fl-istorja, mhux biss tal-Knisja Kattolika, imma wkoll f’dik tad-dinja.  Mertu ta’ ħidmet dan il-bniedem illum ngħarfu li għandna vuċi b’saħħitha għas-sewwa, element vitali, żerriegħa, ħmira għal futur aħjar.  Huwa żiffa ta’ riħ frisk fl-ideat, fil-metodu u fid-direzzjoni.  Kuntrast verament qawwi ma’ dak li sfortunatament qed naraw madwarna.


















24.5.16

Hajja deċenti llum


1.      It-trapass taż-żmien ibiddel iċ-ċirkostanzi li fihom jgħixu l-bnedmin.  Problemi nsibu quddiemna, oħrajn jinbtu daqqa minn dawn stess u daqqa separatment.  Diversi mumenti niddependu fuq l-analiżi ta’ oħrajn li jindikaw ċar intopp minn ieħor.  Niddependu wkoll mhux biss għall-identifikazzjoni, imma għall-possibbli soluzzjonijiet.  Hemm f’dan min jaċċetta u min jirrifjuta l-problemi u s-soluzzjonijiet tagħhom.  Min imexxi poplu però għandu jagħraf li ser isib, fl-aħħar tal-ġurnata, kollox lura f’ħoġru.

Dħul minimu u essenzjali

2.      L-Oppożizzjoni, li tirrappreżenta hija wkoll lill-poplu, tul dawn l-aħħar snin tkellmet diversi drabi fuq il-fatt li numru sew fis-soċjetà jinsabu f’kundizzjoni ta’ għixien diffiċli.  Hemm fatti, numri, statistika li diffiċli taħrabhom u faċli biex tinterpretahom.  Il-fatt li għandek numru konsiderevoli ta’ persuni f’dawn il-gżejjer li għandhom xogħol part-time, uħud bħala dħul prinċipali tagħhom, oħrajn flimkien ma’ wieħed full-time.  Il-fatt li għandek numru ieħor ta’ pensjonanti li għandhom pensjoni baxxa, taħt il-ħames mitt ewro (€500) fix-xahar.  Huma fihom infushom riżultati li juru li hemm differenzi soċjali kbar fejn il-ġustizzja soċjali qegħda taqa’ lura.

Inqassmu aħjar il-ġid nazzjonali

3.      Hemm diversi ndikazzjonijiet li hawn persuni li qegħdin jgħixu fil-faqar jew fir-riskju tiegħu.  L-Oppożizzjoni dan qalitu, u qegħda tkompli tgħidu sabiex il-Gvern jieħu l-passi neċessarji sabiex min huwa minn taħt jitla’ ‘l fuq.  Min qiegħed ibati naraw kif nutilizzaw il-ġid komuni biex innaqqsulu minn dan u nġibuh lura fit-triq li jfendi għal rasu.  Dan huwa fl-interess ġenerali tas-soċjetà.  Mhux biss.  F’dan il-mument storiku huwa ferm iktar possibbli minn oħrajn proprju għax l-Istat għandu ekonomija soda li jista’ u li aħna ngħidu, għandu, iqassam iktar mill-ġid nazzjonali lil dawk li m’għandhomx.

Rapporti interessanti

4.      Proprju tul din il-ġimgħa li fakkarna l-mija u ħamsa u għoxrin anniversarju mill-Enċiklika ta’ Papa Ljun XIII Rerum Novarum, rajna rapport interessanti mill-Caritas.  Proprju f’dik l-Enċiklika nsibu b’mod ċar u dirett is-sejħa għall-paga li hija ġusta u li tassiġura għixien deċenti lill-ħaddiem.  Waħda li mhix marbuta mal-prezz tas-suq, iżda mad-dinjità ta’ kull persuna umana.  Terġa’ wkoll, dan ir-rapport qed joħroġ f’sitwazzjoni ekonomika u soċjali differenti minn ta’ ftit żmien ieħor.  Għax wieħed irid jirrimarka u jgħid li minkejja l-fatt li l-ekonomija, kif nisimgħu, sejra tajjeb hemm fuq nett u li hemm ħafna tipi ta’ mpjiegi li ġew maħluqa, xorta nsibu l-bżonn ta’ rapport li jimmira li jċaqlaq l-ilmijiet.

Figuri ġodda fir-rapport Caritas

5.      Ir-rapport huwa mmirat direttament sabiex janalizza kemm jista’ jkun xjentifikament familja li qegħda fil-parti ta’ isfel fil-klassi ekonomika, tal-inqas, x’għandha bħalissa u x’attwalment għandha bżonn.  X’għandha bżonn sabiex tgħix aħjar u f’dan ikollha ħajja deċenti.  Ir-rapport jaqbad diversi sitwazzjonijiet u janalizza jekk bid-dħul preżenti l-poplu huwiex ilaħħaq maż-żieda fl-għoli tal-ħajja, mal-kirjiet, mal-ikel u diversi punti li llum għandna lkoll naċċettaw li huma neċessarji sabiex bnedmin f’din il-gżira jgħixu deċentement.  Kemm però ser jingħata piż issa għad irridu naraw.

Il-prijoritajiet nazzjonali

6.      Waqt li jidher li l-prijoritajiet nazzjonali tal-Gvern preżenti qegħdin immirati lejn dawk li huma affluwenti, is-sitwazzjoni li toħroġ minn dan ir-rapport titlob oħrajn.  Għax irridu ngħidu li qegħdin naraw li huwa iktar importanti għat-tmexxija preżenti: l-ewwel, li tmur tiġri mal-irkejjen tad-dinja tbigħ iċ-ċittadinanza tagħna lil min irid jużana fost dawk li m’humiex nieqsa mill-flus; u t-tieni, li tibgħat il-messaġġ li hemm ferm iktar importanza mogħtija lill-korrettezza, lis-sewwa u r-rettitudni morali li n-nuqqasijiet tal-kwistjoni Panama kixfu.  Dawn m’humiex prijoritajiet għal min qiegħed taħt għax m’għandux.  Huma għal min qiegħed ‘il fuq.

Passi u soluzzjonijiet

7.      Ir-rapport Caritas jitkellem fuq żieda fil-paga minima nazzjonali.  Din tista’ tkun soluzzjoni.  Biss ikun aħjar jekk tkun parti minn pakkett sħiħ ta’ passi li jindirizzaw din il-problema.  Għax anki jekk l-Oppożizzjoni u l-Caritas ma jaqblux man-numru attwali mal-Gvern, xorta kull naħa taqbel u ma tiċħadx illi hemm persuni f’din il-kategorija.  Għalhekk hemm varjetà ta’ sitwazzjonijiet u ċirkostanzi.  Dik li tidher tajba għal naħa taf ma tkunx għal kull parti.  L-istat soċjali hemm irid jibqa’; m’għandux jiġi mċaqlaq.  Għandu jiġi ssudat, mibdul u riformat sabiex il-miżuri, skemi, li għandna jolqtu iktar direttament il-pożizzjonijiet varji tal-bnedmin tal-lum u mhux ta’ dawk tal-passat.

Laqgħat mal-Caritas

8.      Kif għedna diġà, iż-żminijiet jinbidlu u magħhom iċ-ċirkostanzi.  Dak li kien tajjeb u preċiż qabel illum, kif qed naraw, m’għadux.  Ir-rapport tal-Caritas huwa ċar u tond.  Vuċi b’saħħitha għal min irid jibdel u jgħin.  Laqgħat magħha mill-Kabinett u minn oħrajn huma tajbin, ma hemmx dubju.  Biss il-fatti, il-figuri jitkellmu waħdehom.  L-Oppożizzjoni ilha għal dawn l-aħħar tlett snin tiġbed l-attenzjoni dwar dan l-istat tal-affarijiet.  Hemm issa l-bżonn ta’ passi fid-direzzjoni t-tajba li jimmiraw lejn bidliet li jwieġbu verament għall-bżonnijiet tal-poplu.  Dawk li f’isimhom u lkoll kemm aħna nirrappreżentaw sabiex nassiguraw il-ġustizzja soċjali.

22.5.16

Hsibijiet Politici- Giovanni Falcone

"L'importante non e' stabilire se uno ha paura o meno. E' saper convivere con la paura. Non farsi condizionare dalla stessa. Questo e' coraggio. Altrimenti sarebbe incoscienza"

Giovanni Falcone (1939-1992)

21.5.16

Hsibijiet Politici- Jacques Maritain.

"Il-Partit demokratiku-nisrani taghna jirrapresenta l-interessi tas-socjeta kollha u mhux ta parti minna, anki jekk naturalment dawk li huma l-ifqar ghandhom ikollhom l-aktar importanza."

Siltiet minn kitbet Jacques Maritain

Stabilità madwarna


1.      Il-gżejjer tagħna għandhom numru ta’ ġirien madwarhom.  Ma konniex aħna li għażilnihom, imma ngħarfu li magħhom irridu ngħixu.  Uħud ikunu fil-paċi u fl-istabilità, oħrajn le.  Meta dawn jgħaddu mill-inkwiet, aħna wkoll b’xi mod niġu effettwati, ngħidu kemm ngħidu.  Dan, terġa’, jikkomplika ruħu ferm iktar meta jkun hemm ġlied, fi gwerra speċjalment meta tkun interna.  Hekk ilna għal dawn l-aħħar ħames snin naraw għaddej fil-poplu li jgħix proprju taħtna, dak Libjan.  Hemm inbeda proċess ta’ bidla li qiegħed isir daqqa bl-użu tal-armi, daqqa b’dak tad-diskussjonijiet.

2.      Tul dawn is-snin, ir-rabtiet kulturali, soċjali u ekonomiċi li kellna u li bnejna rajnihom jgħaddu minn kumplikazzjonijiet.  Biss, żammejna sija mill-aspett diplomatiku tal-Istat Malti, kif ukoll mill-aspett reliġjuż rapport kemm jippermettu ċ-ċirkostanzi mill-viċin.  Ilkoll nafu li l-Isqof Sylvestro Magro għamel snin twal iservi u jgħin ‘l-insara u lil kull min kien jirrivolġi ruħu lejh b’imħabba, dedikazzjoni u riskju kbir għal ħajtu.  Xiehda ħajja ta’ nsara li jgħixu dak li jiddikjaraw li jemmnu fih.  Impenn verament qawwi li ulied il-Knisja Kattolika jafu jagħtu lid-dinja.  Servizz li dejjem ġie mfaħħar u apprezzat f’dak il-poplu bi prevalenza musulmana.  Preżenza rilevanti u determinanti.

3.      Il-poplu Malti, kif tixhed l-istorja però, għaraf mil-limitazzjonijiet tiegħu jagħti assistenza lil dan il-pajjiż fil-problemi li sab ruħu fihom.  Iktar u iktar f’dawn l-aħħan snin.  Id-dittatura ħarxa, kiefra u disumana ta’ Muammar Ghaddafi ħalliet il-marka tagħha.  Dawk li sofrew, li sabu ruħhom imsakkra f’ħabsijiet taħt l-art, li nqatlu, li ġew imsawta ta’ xejn b’xejn kienu ħafna.  Kull min kien kontra tiegħu sab ruħu vittma ta’ dan.  Smajna u rajna b’dawn l-atti, speċjalment wara l-waqa’ tiegħu meta diversi setgħu jgħaddu x-xiehda tas-sofferenzi tagħhom.

4.      Jingħad x’jingħad, kien għalhekk determinanti għal dak il-pajjiż u l-Mediterran li l-gwerra ċivili Libjana li nbdiet ħames snin ilu minn numru ta’ eroj, tirnexxi.  Li d-dittatur Ghaddafi jitneħħa u l-pajjiż ikun jista’ jibda jimxi ‘l quddiem.  Min illum jgħid li kien żball li tneħħa mhuwiex proprju korrett.  Il-bidla kienet neċessarja sabiex setgħet tinbeda triq differenti.  Għalkemm kien hemm min iddubita, kienet f’dan deċiżjoni determinanti dik li ttieħdet mill-Gvern preċedenti li pajjiżna jgħin sabiex jiġi assigurat li l-vuċi tal-poplu tirbaħ u s-sejħa għal-libertà u l-ġustizzja tikber u tittrijonfa f’dak il-pajjiż.

5.      Sfortunatament ħafna ħasbu li kull ma kien hemm bżonn biex il-pajjiż jikber kien li jitneħħa dan il-bniedem.  Biss, fir-realtà, ħadd ma jista’ jippretendi li min ikun taħt dittatura ħarxa għal xnin twal iqum filgħodu mibdul demokratiku.  Hemm proċess twil li jieħu l-ħin tiegħu.  Rajnih dan kollu jseħħ diġà fil-pajjiżi li kienu taħt il-ħakma tal-komuniżmu sovjetiku fid-diffikultajiet li għaddew minnhom.  Biss, hawn huwa ferm iktar diffiċli u kumplikat.  Anke jekk biss biss tqis li dan il-pajjiż ingħaqad mhux naturalment imma b’riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda fl-1951 taħt monarkija.

6.      Proprju għalhekk li f’dawn l-aħħar sentejn rajna s-sitwazzjoni tikkomplika ruħha bi ġlied ulterjuri.  B’żewġ parlamenti u pajjiż maqsum f’iktar minn tlett biċċiet.  Tul il-ġimgħa li għaddiet smajna li dak li ilu jiġi negozjat mill-istess partijiet wasal fi ftehim li jidher li beda jieħu r-ruħ.  Dan għax Fayez al-Sarraj, li huwa l-persuna li ġie ndikat bħala l-Prim Ministru futur tagħhom wasal u daħal ġewwa l-belt kapitali ta’ Tripli.  Al-Sarraj, li ġej mid-dinja tal-kummerċ, mar ma’ numru ta’ membri tal-kabinett tiegħu bil-baħar u b’dan il-pass importanti beda jgħaqqad dak li huwa mifrud.  Wieħed li Martin Kobler, li huwa l-mibgħut u negozjatur dirett ta’ Ban Ki Moon indikah bħala “marks an important step in Libya’s democratic transition and path to peace, security and prosperity”.

7.      Bil-preżenza ta’ gruppi estremisti u dawk li jappartjenu lil dak tal-ISIS huwa determinanti li dan il-proċess jirnexxi u jingħata l-appoġġ sħiħ li ħaqqu.  Iġib paċi u stabilità għalihom u għalina li ngħixu magħhom.  Mhuwiex ser ikun faċli għalihom imma naħseb li dawn l-aħħar snin ta’ ġlied u nkwiet kabbar iktar l-għarfien li hemm bżonn li jsir dan l-isforz għax inkella ma jkunx hemm futur fis-sewwa għalihom.  Mhuwiex il-bogħod u anqas ma huwa impossibbli li jseħħ.  Diġà għandna quddiemna l-eżempju mill-iktar feliċi tat-Tuneżija li fl-istess żmien kien inbeda l-proċess tal-bidla lillum qed jagħmel passi kbar ‘il quddiem fid-demokrazija.  Nemmen b’konvinzjoni kbira li dak li ġara hemm jista’ jseħħ anke fil-Libja.

8.      Pajjiżna għandu missjoni akbar hawn.  Għandna dmir li ma noqogħdux lura u nkunu minn ta’ quddiem biex ngħinu fil-bini ta’ soċjetà demokratika, libera u ġusta.  Mhux biss għall-Istat Malti fir-relazzjonijiet diplomatiċi tiegħu, imma wkoll għall-Knisja Kattolika Maltija li, kif rajna fil-passat u preżentement, diversi membri minn ħdanha ntagħżlu.  Il-vuċi tas-sewwa, tkun fejn tkun, tagħmel il-ġid.  Ix-xiehda ta’ Charles de Foucould u uliedu fil-fidi hija f’dan iktar u iktar relevanti.  Stabilità f’dak il-pajjiż hija essenzjali u importanti għalina.  Ċert li għandna l-kapaċità partikolari u speċjali tagħna sabiex inwettqu dan.





MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...