24.6.14

Demokrazija, libertà u ġustizzja soċjali


1.         Illum, forsi wkoll aktar minn qabel, diversi qegħdin jistaqsu lilhom infushom: x’soċjetà għandna?  X’valuri, ideat, miri, bnedmin li qed jgħixu magħna għandhom?  Nistaqsu x’boxxliet soċjali, materjali, spiritwali, politiċi qegħdin isegwu fl-aġir ta’ kuljum tagħhom?  Qed nistaqsu ħafna, imma fuq in-naħa l-oħra jista’jkun ukoll li qed nagħmlu ħafna domandi u ser nidħlu f’ħafna qari ta’ karti u studju soċjoloġiċi, antropoloġiċi, li tridu intom, meta r-risposti huma sempliċi ħafna diġà quddiemna.  Il-bniedem għandu ħabta jmur għal dak li huwa kumplikat u diffiċli għalih għax jaħseb li ser isib soluzzjonijiet għall-kriżijiet tiegħu mingħajr ma jinduna li quddiemu għandu diġà ħafna tweġibiet.  Għandna ħabta nieħdu t-triq it-twila meta hemm oħra ferm iqsar.  Dak huwa l-bniedem, parti essenzjali tiegħu nnifsu li jrid jissielet għas-sewwa.

2.         Ngħid dan għax f’dawn l-aħħar snin abbandunajna dak li verament jgħodd għal kull persuna.  Abbandunajna li fil-bniedem hemm talba, ħeġġa kontinwa sabiex jilħaq dak li l-valuri nsara fir-realtà fetħu t-triq għalih.  Is-soċjetà tagħna hija ferm aħjar ekonomikament milli kienet fi żminijiet u sekli oħra, ma hemmx dubju.  Biss, ma nistgħux ngħidu li qed ngħixu f’soċjetà fejn hemm prijorità lejn il-kisba tal-ugwaljanza.  Hemm żgur metodi differenti ta’ kif wieħed jikseb dan, bħal ma hemm ukoll setturi varji fejn dan jista’ jiġi milħuq.  Li jidher aktar manifest huwa li l-politika tagħna abbandunat f’dawn l-aħħar snin is-sejħa tagħha sabiex tassigura kontinwament li min qiegħed taħt jitla’ ‘l fuq.  Fortunatament nemmnu li biex isir dan ma hemmx lok li tniżżel lil ħaddieħor ‘l isfel.  Biss, altru dak li stqarrejna u altru dak li sar.

3.         Meta wieħed imur lura u jirrifletti jsib diversi mumenti meta l-linja tagħna kienet iktar li nħallu l-affarijiet kif inhuma.  Il-ġlieda għal ħajja deċenti għal kull membru tas-soċjetà mhix faċli.  Anzi, fl-aħħar ħames snin kienet iktar kumplikata.  L-iżvantaġġ għalina kien li fiha ħareġ iktar ċar li l-inkwiet kbir kien marbut mal-fatt li anke dawk li kienu f’pożizzjoni tajba kienu ser jitilfu dan.  Il-Partit Nazzjonalista, tul din it-triq, kien qiegħed jitlef mingħajr ma neċessarjament jinduna.  Kien qiegħed jitlef dak li huwa rrappreżenta u li kien identifikat miegħu fis-soċjetà tagħna.  Il-fatt li ma baqax jinsisti fuq il-valuri nsara tiegħu bħala fonti ta’ ispirazzjoni fl-aġir politiku tiegħu, il-fatt li ma baqax għaddej bl-istess determinazzjoni u perseveranza sabiex jibdel il-pożizzjonijiet soċjali u ekonomiċi ta’ min sab ruħu żvantaġġjat neħħietlu mill-ġibda elettorali li kellu qabel.

4.         Is-soċjetà ma tistax tibqa’ statika, trid timxi ‘l quddiem.  Però ma narax li f’dan trid titlef minn dak li jsawwarha.  Il-ġlieda għas-sewwa, dik għall-ġustizzja, għall-ugwaljanza, għal ħajja deċenti, ngħidu x’ngħidu hemm tibqa’ – ma tintilifx.  Personalment ma nistax naċċetta dak li diversi, f’rassenjazzjonijiet varji tagħhom, qed joħorġu bil-ħsieb li aħna soċjetà destinata għall-falliment soċjali.  Anqas ma nista’ naċċetta li għandna noqogħdu lura u ma naħdmux f’din it-triq sabiex dawn il-prinċipji demokratiċi u nsara jseħħu.  Ma nilludix ruħi billi naħseb li s-soċjetà ser tkun f’xi jum perfetta, però daqshekk ieħor m’jinix lest li noqgħod lura u nħalli l-affarijiet għaddejjin mingħajr ma jibqa’ impenjat għas-sewwa.  Hemm f’dan sagrifiċċji, u terġa’, l-ħajja pubblika fiha l-atrit tagħha.  Biss dan ma jfissirx li għandna noqogħdu lura.  Is-servizz tagħna lejn dawk li jagħżlu lilna biex nirrappreżentawhom hemm irid jibqa’ indirizzat.

5.         Dawk li jaħsbu li d-demokrazija, l-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali u l-libertà jinkisbu fuq il-karta għax jiġu miktuba sejrin żbaljati.  Altru dak li tgħid il-liġi u altru dak li jseħħ fil-ħajja ta’ kuljum.  Dan il-gvern preżenti m’għandux valuri li tista’ tmiss u tidentifika.  Għandu però l-ħsieb li jagħmel dak li jaħseb li ħaddieħor iridu jagħmel mingħajr ma neċessarjament iqis jekk dan huwiex tajjeb jew le, ġust jew inġust.  F’dan il-proċess jidher ċar li l-alleanza hija dik li kollox jibqa’ kif inhuwa.  Min huwa b’saħħtu ekonomikament jibqa’ hemm u min m’huwiex ma jiċċaqlaqx.  Il-viżjoni tul l-aħħar ħames snin fl-oppożizzjoni kienet dik li tagħmel aċċettabbli ma’ numru ta’ persuni partit li qabel ma kienux komdi miegħu.  Dan sar u ġie affermat elettoralment, biss issa l-pajjiż sab ruħu f’diffikultajiet ekonomiċi li ser isarrfu sabiex inaqqsu miċ-ċirkolazzjoni tal-ġid ekonomiku.  Għalhekk, min għandu qiegħed joqgħod iktar minn pass lura milli jħaddem flusu u dan ser ikompli jwassal, fuq naħa għall-istess pożizzjonijiet ekonomiċi u fuq l-istess linja sabiex minn qiegħed minn taħt jibqa’ hemm.

6.         Il-ħidma politika mhix sempliċement dik li trid iġġib bidla fil-partit fil-Gvern.  L-attività, il-ħsieb fil-politika jrid jibqa’ dak li jindirizza li jġib iktar ugwaljanza u ħajja deċenti għall-bnedmin li jgħixu fis-soċjetà tagħna.  Għażilna li s-sistema politika tkun waħda demokratika, bażata u marbuta mal-iktar mudell avvanzat fid-dinja: dak Ewropew.  Għamilna hekk għax ngħarfu: l-ewwel, li d-demokrazija trid tħaddimha u tiġġieled għaliha kull ġurnata; it-tieni, li permezz tal-istrumenti superjuri li hija tagħti fuq sistemi oħra, allura wieħed jista’ verament iġib iktar ġustizzja soċjali.  Is-sejħa ta’ diversi fl-aħħar elezzjoni kienet indirizzata proprju fuq dan.  Sejħa li titlob li l-ġid ta-soċjetà jitqassam aħjar u ħadd ma jiżvantaġġja ruħu fuq dak u l-ieħor.  Il-vot popolari kien żgur lejn iktar ugwaljanza.  Minflok, f’dawn l-aħħar xhur, il-Gvern attwali mexa fuq il-linja li jagħti lil min m’għandux jagħti bi żbilanċi kbar.  Il-konsegwenza hija li l-id tal-poter qegħda ssarraf f’waħda li ma tridx tibni fuq il-ġustizzja bejn il-membri tas-soċjetà.  L-inġustizzji li s-soċjetà tagħna għandha u dawk li dan il-Gvern qiegħed ikompli joħloq huma raġunijiet validi għal aktar ħidma politika nazzjonalista vera u ffukata.  Waħda li tħares li ġġib aktar demokrazija, libertà u fuq kollox, ġustizzja soċjali.




16.6.14

Pajjiż li jibqa’ dinamiku



1.         Il-qabżiet li din is-soċjetà qed tara u ser tibqa’ tara qegħdin kull darba jibdlu t-tessut soċjali u ekonomiku tagħha.  Hemm kumplessitajiet ġodda li huma operattivi u li qed jibdlu dak li m’aħniex neċessarjament nifhmu jew napprezzaw.  Kull ġenerazzjoni għandha quddiemha diversi deċiżjonijiet li hija trid tipprova tieħu.  Drabi hemm min jipprova jżomm lilu nnifsu pożittiv, proattiv u jmur lura lejn sekli ta’ eżistenza umana u jislet lezzjonijiet għalih sabiex ma jitlifx ritmu ta’ żvilupp jew ma jmurx lura f’passi żbaljati, drabi oħra le.  Hemm min jara li huwa antikwat jew kontra-indikat għalih li jgħarbel dak li għamlu ta’ qablu u jerġa’ jidħol fl-istess xenarji li daħlu fihom oħrajn.

2.         Il-problemi f’dan is-seklu kibru fl-isforzi li kull demokrazija għandha tagħmel fir-rapport bejn min jeleġġi u min jiġi elett.  Id-demokrazija indiretta għandha piżijiet ġodda li trid taffronta sabiex iżżomm lilha nnifisha viċin f’din ir-rabta.  Il-proċessi, it-toroq ta’ informazzjoni bejn il-poplu u l-parlamentari huma dejjem aktar diffiċli.  Qabel, l-ostakli prinċipali kienu l-illitteriżmu u l-injoranza, mentri llum hemm forom strambi ta’ indifferenza.

3.         Il-poplu m’huwiex massa li ssegwi fl-għama, imma jrid jifhem iktar dak li qiegħed isir.  Hemm varjetà fis-setturi li fiha naqsam is-soċjetà.  Żgur mhux forsi dak tas-segwaċi li, jgħid x’jgħid il-partit ma jiċċaqilqux, illum qed jonqos.  Biss hemm żewġ kategoriji li inkontra-kambju qed jikbru.  Hemm, l-ewwel, dawk li meta jaraw wiċċna żżejjed fuq il-mezzi tradizzjonali ta’ komunikazzjoni, ikomplu jaqtgħuna barra.  Jikklassifikawna bħala irrelevanti, mingħajr sustanza politika u għalhekk irridu nuru li aħna tajbin billi nidhru ħafna.

4.         Hemm imbagħad dawk li huma maqtugħa kompletament minn kollox.  Dawk li ma tistax tilħaqhom jekk mhux b’kumbinazzjoni, fejn l-inqas timmaġina.  Din hija ġenerazzjoni kompletament ġdida u differenti fil-kastell li fih jgħixu mingħajr ma jindunaw.  Is-sistema demokratika tagħna fortunatament tiggarantixxi l-protezzjoni u l-pakkett ta’ drittijiet li hemm għal min illum jaf li m’għandux bżonn li jara l-aħbarijiet, jixtri l-gazzetti, jidħol fl-internet jew jattendi b’xi mod għal laqgħat pubbliċi.  Qiegħed hemm għal rasu, jgħix b’mod attiv għalih innifsu però passiv għar-rigward tas-soċjetà, l-Istat u l-pajjiż.

5.         Ir-rapport politiku bejn il-partiti u dawn iż-żewġ kategoriji jrid jiġi analizzat u konfrontat.  Kuntrarjament għal dak li jista’ jingħad, il-livell ta’ kontenut fil-messaġġ u fil-ħidma qiegħed kull darba jintalab li jiżdied.  Ninnota li għad hemm wisq nuqqas ta’ umiltà fil-bżonn li wieħed li jrid jirrappreżenta jipprova jifforma ruħu b’qari u preparazzjoni politika.  Mentri l-poplu jrid li jkollu politiċi li kapaċi jifhmu x’qed jiġri u jħares 'il quddiem lejn soluzzjonijiet li mhux jidhru sbieħ, imma huma huma tajbin.

6.         It-tieni kategorija titlob ferm aktar attenzjoni.  Hemm min jista’ jaħseb li dawn il-persuni huma milħuqa minn mezzi ta’ komunikazzjoni moderna ta’ teknoloġija ġdida, però dan m’huwiex minnu.  Forsi l-affluwenza ekonomika, l-ġid materjali, in-nuqqas ta’ bżonn li wieħed jipparteċipa attivament fil-ħajja pubblika qed iwasslu sabiex numru ta’ persuni fl-età żagħżugħa jħarsu iktar lejn kif tgħix u titgawda l-ħajja.  Nemmen li xorta hemm il-bżonn li nidħlu lejn programmi politiċi indirizzati sabiex wieħed jgħaddi l-informazzjoni neċessarja biex ir-rabta tibqa’ hemm.


7.         Il-pajjiż baqa’ għal dan iż-żmien kollu wieħed li jħares 'il quddiem, jiffissa għalih termini u proġetti li jmexxuh proprju għax żamm din ir-rabta għaddejja.  Il-proċess ta’ dibattitu, ta’ informazzjoni jrid jiġi intensifikat b’attenzjoni u b’toroq ta’ komunikazzjoni li jirrispettaw l-intelliġenza tal-poplu kollu.  Fuq dan il-pedament il-pajjiż ser ikompli jimxi 'l quddiem, jibni lilu nnifsu.  Il-forza tagħna bħala poplu hemm qegħda: li nżommu l-proċess dinamiku tagħna għaddej.

Dan l-artikolu kien deher f'lulju 2010

Is-sajf dieħel sew.



1.         It-Tazza tad-Dinja ġimgħa ilu waslet fi tmiemha.  Ġustament rebaħ l-aħjar pajjiż, Spanja, li pass wara pass, b’determinazzjoni u b’logħob mill-isbaħ waslu biex ħadu t-Tazza magħhom id-dar.  Bqajt immeraviljat bil-kwantità ta’ ċelebrazzjonijiet li saru fil-belt kapitali Madrid.  Niżżlu isimhom fl-istorja tal-ballun u ma hemmx dubju li għandhom biex jiftaħru għall-erba’ snin li ġejjin.

2.         It-tmiem tal-attività ġiebet magħha vojt f’dawk id-diversi bħali li kienu jħarsu 'l quddiem għall-appuntamenti, anke jekk fl-aħħarnett effettivament ma kienx jirnexxili narahom kollha.  Il-prospett tas-sajf u ftit ħin sabiex wieħed ikun jista’ jaħseb u jaqra iktar infetaħ.  Dan aktar u aktar għax matul din il-ġimgħa l-ħajja parlamentari waqfet għall-“vaganzi” tas-sajf.  L-impenn ta’ kważi kuljum f’dak il-post għal diversi membri attivi jfisser li l-perjodu jieħu xejriet differenti.

3.         Il-partiti tal-ballun, mhux dawk politici, servew diġà s-sajf.  Għax għalkemm nies bħali kienu jingħalqu d-dar sabiex isegwu, ħafna oħrajn użaw dan biex joħorġu barra u jaraw il-logħob fil-miftuħ, mal-ħbieb.  Kien hemm fil-bidu min beża’ li ser ikun hemm nuqqasijiet fit-toroq b’ċelebrazzjonijiet, xorb, daqq ta’ ħornijiet u sewqan storbjuż, però (forsi għax l-Ingliżi u t-Taljani ma tantx ibbrillaw) dan kollu ma seħħx.  Konna bilgħaqal ħafna, ferm iktar mis-soltu u ma rajniex dak li soltu jseħħ.

4.         Però minn dan naħseb li nistgħu ngħidu li d-drawwiet tagħna bħala pajjiż u poplu qegħdin jinbidlu sew.  Huwa ċar, u tul dan is-sajf bħal dak ta’ qablu ħarġet iktar, li aħna nippreferu noħorġu barra u naljenaw ruħna.  Nara u nisma’ ferm iktar persuni li matul il-ġimgħa joħorġu jixorbu jew jieklu.  Hawn ferm iktar postijiet fejn wieħed imur u hawn varjetà ta’ ikel li qiegħed għad-disposizzjoni tal-poplu.  Is-sajf qed jara iktar Maltin u Għawdxin ifittxu l-bieb ta’ barra.

5.         Mhux biss, imma għandek issa parti dejjem ikbar ta’ persuni minn pajjiżna li qegħdin ifittxu li f’xi ħin minn dawn ix-xhur isiefru.  L-istatistika qed turi li hemm żieda kostanti f’pajjiżi differenti.  Il-mezzi ta’ komunikazzjoni bl-ajru llum huma strumenti li aħna qegħdin nużaw b’mod qawwi.  Dan jidher għax m’għadniex marbuta ma’ vjaġġi bejn Londra u Ruma (għalkemm dawn baqgħu destinazzjonijiet popolari), imma espandew għal kull rokna tad-dinja.

6.         Għalkemm ma rridx niġġeneralizza u, żgur mhux forsi, li hemm min la joħroġ u wisq anqas isiefru, però għandna oġġettivament naċċettaw li dawn l-opportunitajiet ġodda qegħdin jibdluna.  L-impatt tal-ġid ekonomiku fuqna bħala soċjetà qed idawwarna f’soċjetà kompletament differenti.  Ma narax li ser ikun hemm xenarju fejn il-pajjiż ser b’xi mod jaċċetta li jmur lura lejn dak li konna snin ilu.

7.         Forsi naqsu x-xalati wara l-festi, forsi inqas nies minn qabel qed iqattgħu jiem ħdejn ix-xatt jew fil-bajjiet tagħna, biss xorta nibqgħu pajjiż li huwa marbut ma’ ċiklu.  Jaħdem kemm jiflaħ fix-xitwa, joħroġ mill-inqas u jinġabar kmieni imma dak ikun qed jagħmlu għax għandu quddiemu dawn il-ġimgħat tas-sajf.  Naħseb li din il-kultura, dan il-mod ta’ kif infasslu l-ħajja ser jibqa’ magħna u jkun żbaljat min jaħseb li jista’ jibdelha mil-lum għal għada.  Is-sajf dieħel sew u hemm lok għall-mistrieħ u riflessjoni fuq dak li aħna u fejn sejrin.  Nawgura s-sajf it-tajjeb lil kulħadd u nittama li ssibu l-ħin sabiex taqraw ktieb tajjeb.


Dan l-artikolu kien deher fil-harga tat-18 ta Lulju 2010 tal-Illum.

Għadna fuq quddiem nett.



1.         Nistgħu niġi kkritikati fuq ħafna suġġetti, biss fuq l-edukazzjoni ħadd ma jista’ b’xi mod jiċħad li tul dawn l-aħħar snin għamilna passi kbar 'il quddiem.  Il-poplu għandu ċar kristall quddiem għajnejh li, kemm ilu fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista ma ppruvajniex inċekknu s-settur, imma żidnih.  Ħadd ma jista’ jiċħad li flok għamilnieha diffiċli, flok għalaqna l-iskejjel u naqqasna t-toroq għat-tagħlim, ħadna ħsieb inkattruhom.  Anqas ħadd minna, u dan tajjeb li nfakkruh lil min forsi għandu memorja qasira jew selettiva, ma keċċa lill-għalliema, sakkarhom barra jew bagħat għalihom wieħed wieħed sabiex jagħmel pressjoni fuqhom biex jabbandunaw lil sħabhom.

2.         Il-pajjiż innota tajjeb li ma ħadniex l-istrateġija li nġelldu lill-ġenituri mal-iskejjel, jew lill-għaliema mal-istudenti tagħhom imma ġibna paċi u stabilità.  Mhux biss, imma ma qsamniex, ma kissirniex, m’għamilniex l-iżball li ndaħħlu l-politika partiġġjana fost l-għalliema, bejniethom jew mal-ġenituri.  Il-politika ħallejnieha barra u ħarisna li minflok nikkonċentraw li nżidu fil-kwalità tat-tagħlim u nagħtu dinjità aqwa lill-għalliema.  Ħadd ma jista’ jiċħad li l-professjoni ta’ għalliem biċ-ċertifikat tal-Istat rikonoxxut u sod dan il-partit welldu, rawmu u sarrfu.

3.         L-edukazzjoni, nerġa’ nirrepeti, mhix għodda, strument politiku.  Nidħlu għaliha b’passjoni għax nemmnu fiha.  Iva nemmnu li l-elettorat tagħna, il-poplu jiggwadanja jekk jiġi mgħallem.  Qatt ma bżajna minn dawk li nirrappreżentaw.  Anqas qatt ma rajna l-edukazzjoni bħala għodda elitista, f’idejn klassi limitata tas-soċjetà, imma ħarisa biex inxerrduha u nassiguraw li aktar bnedmin fuq din il-gżira jieħdu l-edukazzjoni li jixtiequ.  Ma rajniex u anqas fittixna mezzi ta’ oppressjoni tal-poplu, imma fittixna li nagħtuh mezzi ta’ liberazzjoni.

4.         L-istudent illum għandu l-bibien miftuħa.  Mhux biss, anke l-ħaddiem għandu mezzi ġodda għalih biex ikompli fit-tagħlim.  M’għandniex pajjiż fejn l-edukazzjoni tiddependi mill-ekonomija, imma hija l-ekonomija li trid mill-edukazzjoni.  M’għandiex fi stat fejn it-talent Malti u Għawdxi, biex jimxi 'l quddiem irid l-ewwel il-parrinu.  Spiċċajna minn dik is-sistema fejn jekk m’għandekx post tax-xogħol garantit ma tistax tistudja.  Illum, min għandu post tax-xogħol qiegħed anzi jsib lil min iħaddmu jinkoraġġih għax jaf li dan huwa avvanz għalih ukoll.

5.         Is-soċjetà mxiet 'il quddiem għax ma bżajniex minnha, imma kellna u għad għandna fiduċja fiha.  Fiduċja fil-poplu, fl-istudenti, f’dawk li huma żgħar u miftuħa għat-tagħlim.  Il-proċess ma kienx nieqes minn problemi, imma kellna quddiemna u għad għandna viżjoni pożittiva.  Ma nħarsux negattivament imma bi spirtu ta’ altruwiżmu.  Ma nfittxux li nċekknu s-sistema jew nieħdu attitudni rgħiba, imma nħarsu 'l quddiem.

6.         Il-progress għamilnieh u nkomplu nagħmluh għax għandna għal qalbna l-edukazzjoni tal-poplu, b’mod partikolari għax aħna kommessi li nkomplu niggarantixxu futur liż-żgħażagħ tagħna.  Il-pajjiż ikompli javvanza skond kemm ikun ġeneruż mas-sistema edukattiva.  Dan nafuh u nibqgħu narawh.  Ir-rekord Nazzjonalista huwa dan: il-ġenerazzjonijiet jgħaddu, però meta oħrajn iħarsu lura jgħarfu li l-għaqal tagħna mexxa 'l quddiem lill-poplu, il-kultura, l-ekonomija, il-livell tal-għixien tagħna, id-demokrazija u l-liġi.  Inbdilna proprju għalhekk.  Jgħidu x’jgħidu, fuq quddiem konna u anzi nibqgħu fuq quddiem nett proprju għax l-edukazzjoni hija l-ġebla tax-xewka tas-soċjetà li l-Partit Nazzjonalista jfassal.


 Dan l-artikolu kien deher fil-harga tat- 18 ta Lulju 2010 tal-Mument.

Il-kultura patrimonju.



1.                  Tul dawn l-aħħar snin biż-żieda kbira ta’ bnedmin li jsiefru minn post għall-ieħor inbidel il-mod ta’ kif il-wirt kulturali jiġi kkunsidrat mill-bniedem.  Filwaqt li għal sekli sħaħ il-ħsieb ta’ vjaġġ sabiex tara bliet oħra kien marbut prinċiparjament ma’ 'l hekk imsejjaħ “Grand Tour”, l-Ewropej kienu jaraw li jew huma jew uliedhom (li ħafna drabi kienu jkunu ġejjin minn familja tal-flus) iduru sabiex jaraw l-postijiet storiċi u kulturali li kien hemm.

2.                  Hemm ħafna rakkonti ta’ dak li kienu raw dawn il-bnedmin.  Diversi ġew f’pajjiżna wkoll.  Fortunatament ħallew għalina x’sabu u x’raw.  Biss f’dawn l-aħħar snin, dak il-fenomenu li nsejħu “turiżmu” kiber b’mod rapidu.  Ma baqax aktar marbut u limitat ma’ dawk li għandhom il-flus imma espanda sew.   Illum hemm volum kbir ta’ persuni li jduru minn belt għal oħra minn kull settur tas-soċjetà.  Iduru malajr, fil-kumdità ta’ dak li jkunu qegħdin ifittxu.  Il-flessibilità u l-opportunitajiet li hemm, terġà, komplew kabbru din il-parti mill-ħajja tal-bniedem.

3.                  Il-bidliet ġabu magħhom għarfien aħjar ta’ dak kollu li l-mużewijiet jirrappreżentaw.  Filwaqt li qabel it-Tieni Gwerra l-ħsieb kien marbut mal-bżonn ta’ espożizzjoni ta’ identità nazzjonali, iktar tard dan inbidel.  Sar issa  patrimonju li qiegħed għad-disposizzjoni ta’ kull ċittadin tad-dinja.  L-opra tal-arti ma baqgħetx limitata u marbuta territorjalment imma nfatmet.  Dan fisser li l-patrimonju sar kalamita għall-bnedmin.

4.                  Dan renda dak li qabel kien jidher bħala sempliċi “wiri” għall-mod ta’ kif jiġu minflok ġenerati l-flus.  Filwaqt li preċedentement il-ħsieb kien dak li fih l-Istati kienu joħorġu flejjes huma għaż-żamma ta’ dawn il-postijiet, b’dan il-kunċett ġdid l-affarijiet nbidlu sew.  M’humiex biss il-mużewijiet li ġiebu dħul ġdid minn varjetà ta’ metodi talli rendew il-possibilità ta’ iktar restawr, użu korrett u espożizzjoni aktar intelliġenti ta’ dak li kien preċedentement ċass.

5.                  Il-“valur” għalhekk ma baqax wieħed storiku u kulturali imma sar evidentement wieħed ekonomiku.  Pajjiżi li wara l-aħħar Gwerra Dinija kienu moħħhom fir-rikostruzzjoni biex jipprovdu s-servizzi bażiċi, u li  sussegwentement qabdu t-triq sabiex jakkwistaw l-indipendenza tagħhom ma rawx il-patrimonju bħala prijorità.  Però llum, wara dawn is-snin, hemm għarfien sew.  Diversi Stati sabu ruħhom fil-pożizzjoni fejn l-identità tagħhom setgħu jidħlu għaliha billi jarawha fil-mużewijiet ta’ Stati oħra li kienu ddominawhom.  Għal dan kien hemm u għad hemm lok ta’ reazzjoni.

6.                  Fis-sena 2008, l-UNESCO f’Ateni kienu organizzaw konferenza interessanti bit-tema “The return of cultural objects to their countries of origin”, suġġett li jolqot numru ta’ pajjiżi, sija jekk għandhom diġà mużewijiet mimlija kif ukoll jekk le.  Dan kien iktar rilevanti invista tal-Konvenzjoni importanti magħrufa bħala “Convention on the Means of Prohibiting and Preventing the Illict Import, Export and Transfer of Ownership of Cultural Property” li stabbiliet li mill-1970 ‘l quddiem dak li jittiehed irid jiġi rritornat lura fil-pajjiż ta’ oriġini. Però għalkemm ħalliet it-triq miftuħa għall-ftehim bilaterali ma pprovdietx li dak li ġie meħud fis-snin ta’ qabel għandu jiġi ritornat bħala prinċipju.

7.                  Wieħed jista’ jkollu dubju fuq oġġetti li għalkemm m’humiex fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jispiċċaw mitlufa sforz il-volumi li għandhom, però fejn il-patrimonju kollu ġie meħud, tiddubita.  Ftit ġimgħat ilu kelli l-opportunità li nsegwi dokumentarju li ġie preparat mill-British Museum dwar l-istatwi tal-bronż ta’ ‘Ile-Ife’ min-Niġerja li jinsabu f’dak il-mużew.  Tibqa’ meraviljat bil-valur artistiku u bl-abbiltà kbira ta’ dawk in-nies li kienu kapaċi jaħdmuhom.  L-iktar li però fhimt huwa li dan l-patrimonju kollu huwa marbut fil-mużew imsemmi u l-Istat oriġinali, n-Niġerja, m’għandux dawn l-oġġetti f’idejh sabiex jesibijhom.  Sitwazzjoni li titlob soluzzjoni għax għandu jkun hemm qbil li l-pajjiżi ta’ oriġini għandhom ikollhom il-maġġoranza ta’ dan il-wirt storiku.

8.                  Dan huwa suġġett interessanti ħafna għad-dinja kulturali li mhux faċli ssolvi, però tajjeb li nirriflettu fuqu,  iktar u iktar meta aħna fortunatament għandna għad-disposizzjoni tagħna tant wirt li l-poplu tagħna ma jgħarrafx lilu nnifsu dwaru.


Dan l-artikolu kien deher fl-Illum tal-25 ta Lulju 2010.

Il-burokrazija t-tajba



1.         Ebda Stat ma jista’ jippretendi li jimxi ‘l quddiem jekk kemm-il darba ma jaħdimx tajjeb u ma jkunx organizzat.  Jingħad x’jingħad, kull min jamministra f’isem il-poplu għall-ġid komuni jaf li għandu bżonn servizz ċivili li huwa kapaċi.  Uffiċjali tal-pajjiż li ħadu taħriġ u ġurament ta’ lealtà li jservu liċ-ċittadini.  Mingħajr servizz ċivili, mingħajr bnedmin li jgħarfu jagħżlu karriera f’din il-linja, pajjiż, stat u poplu ma jimxu xejn.

2.         Anzi, kull min jaqra u jagħraf l-esperjenzi ta’diversi ċiviltajiet jaf li s-sistema effiċjenti tissudak filwaqt li waħda ħażina tibgħatek lura.  Waħda mir-raġunijiet prinċipali li wasslu lill-Imperu Ruman fejn effettivament irnexxielu jasal kienet proprju l-abbiltà ta’ bnedmin li kieku kapaċi jħaddmu malajr l-apparat imperjali b’sistemi prattiċi, sempliċi u diretti.  Kellhom mekkaniżmi ferm tajba u li jaħdmu.  Bnew toroq kbar f’kull rokna tal-konkwisti Rumani, kellhom bliet f’kull parti mfasla b’arti u organizzazzjoni li għadhom hemm sal-lum.

3.         Iċ-ċavetta tas-suċċess li għadha mill-iktar timmanifesta ruħha sal-lum kienet l-għażla tal-persuni li ffurmaw u mexxew lill-poplu.  Il-bini, il-kitba, il-letteratura u l-liġi twieldu u baqgħu magħna sal-lum għax kien hemm bnedmin mgħallma tajjeb.  Dawk li għaddew mid-dixxiplina tal-formazzjoni edukattiva rumana.  Dawk li spiċċaw dutturi tal-liġi kienu l-persuni li ġew inkarigati mill-imperturi sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet marbuta mal-amministrazzjoni.

4.         L-eżempju ta’ ċiviltajiet oħra huwa hemm ukoll.  Poplu jimxi ‘l quddiem meta jkollu amministraturi mħarġġa tajjeb.  Pajjiżna m’huwiex eċċezzjoni għar-regola.  F’dan il-mument anzi, l-Kap taċ-Ċivil Dr Godwin Grima huwa persuna mħarrġa fil-liġi u fl-istess ħin wieħed li għażel li jsegwi karriera fis-Servizz Ċivili.  Għalhekk għandna għad-disposizzjoni u servizz tal-Istat persuna mħarreġ tajjeb u li għandu viżjoni ta’ dak li huwa mistenni miċ-Ċivil.  F’dawn l-aħħar snin li ilu jokkupa din il-kariga rajtu jagħmel passi kontinwi u diretti sabiex jibdel biċċa biċċa dan is-settur lejn servizz aktar modern u effiċjenti.

5.         Fil-fatt hemm diversi bidliet li huwa rnexxielu jġib.  Għalija nara li bil-preżenza tiegħu rreġistra li l-avukat, in-nutar, dawk mgħallma fil-liġi għandhom futur fis-Servizz Ċivili.  In-numru tagħhom fortunatament żdied tajjeb u huwa ‘l bogħod minn dak li kien fl-antik fejn l-avukat fiċ-Ċivil ried ikun fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jew nutar fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern biss.  Saru, mertu tiegħu, qabżiet ‘il quddiem, ma hemmx dubju, però nemmen li nistgħu ndaħħlu aktar minn dawk li kull sena jiggradwaw mill-Università.  Biss, dan huwa kollu għall-futur.


6.         Dawn huma miri għall-impjegati ġodda fis-servizz tal-pajjiż u huma evidentement tajba.  Iktar ma jkun hemm gradwati tant aħjar għax magħhom iġibu d-dixxiplini differenti li studjaw magħhom.  Però t-tagħlim, l-avvanz edukattiv, l-ispeċjalizzazzjoni m’għandhomx ikunu limitati għal dawk li deħlin issa imma għandu jkun miftuħ għal min diġà daħal.  Il-ftehim li ġie ffirmat din il-ġimgħa bejn il-Gvern u l-Università sabiex ħaddiema oħra jkunu jistgħu jibdew il-kors li jwassalhom għal “Higher Diploma in Public Accounting and Finance” huwa pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba.  Is-servizz tal-pajjiż huwa l-burokrazija tiegħu.  Aktar ma jsiru passi u investiment fih aktar nimxu ‘l quddiem fis-setturi soċjali, ekonomiċi u kulturali.  Iċ-ċivil, il-burokrazija t-tajba huma ċ-ċwievet tas-suċċess tagħna.  Aktar ma ninvestu fihom, aktar aħjar.

Dan l-artikolu kien deher fl-1 ta Awissu 2010 fl-Illum.

Il-pajjiż jitmexxa sew.



1.         Ħafna drabi m’għandniex il-ħin li noqogħdu lura u naraw ftit dak li konna għal dak li aħna llum.  Meta wieħed iqis iż-żmien tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet jara li hemm qabżiet verament kbar ma’ dak li huwa għaddej illum.  Il-poplu għadda minn numru ta’ esperjenzi u proprju dawn ikkundizzjonawh kulturalment f’diversi punti.  M’hemmx dubju li dak is-siġill ta’ eventi storiċi ffurmana f’dak li aħna.  Mhux biss, imma direttament u indirettament sawrulna l-aġenda nazzjonali fil-prijoritajiet leġislattivi u istituzzjonali.

2.         L-ekonomija hija u tibqa’ prijorità għal kull żmien, biss il-bżonn tad-difiża tad-demokrazija mill-biża’ li terġa’ tintilef wasslitna għal diversi deċiżjonijiet li ħadna proprju biex nassigurawha kontra kemm nistgħu nimmaġinaw li jista’ jkun hemm theddid għaliha.  Il-bżonn, il-prinċipju li ebda soċjetà Maltija ma tista’ timxi ‘l quddiem jekk ma tkunx immexxija demokratikament huwa llum parti sħiħa minn formazzjoni soċjali unika.  Biss inkunu qed nilludu ruħna jekk naħsbu li kulħadd għandu dik l-istess imħabba għaliha li għandna aħna.  Mhux kull persuna jemmen b’qalbu kollha li d-demokrazija hija l-aħjar sistema politika.

3.         Il-biża’ li dak li seħħ fil-pajjiż jintilef jixprunana l-ħin kollu sabiex immexxu ‘l quddiem pratiċi amministrattivi, liġijiet u politika li jiggarantixxu d-demokrazija.  Mingħajr id-demokrazija l-bniedem ma jimxix ‘il quddiem, mingħajr din is-sistema politika ma jkunx hemm avvanzi soċjali u ekonomiċi.  Ekonomija hija b’saħħitha biss f’qasam demokratiku.  Għalina dan tant huwa importanti li bqajna naħdmu kemm nifilħu għas-skapitu ta’ saħħitna proprju biex nimxu u mhux nieqfu f’din it-triq.

4.         Għadna kemm għalaqna l-proċess sħiħ tal-approvazzjoni tad-diversi liġijiet li jitwieldu mill-miżuri tal-Budget li ma bdejniex diġà, mertu tal-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech, il-passi lejn dak li ġej.  Din il-prattika hija, ma hemmx dubju, tajba.  Permezz tagħha hemm parteċipazzjoni demokratika qawwija li qatt qabel ma rajna bħalha.  Nemmnu mhux biss fid-demokrazija parlamentari, imma anke f’dik ekonomika.  Aktar ma jagħtu kontribut dawk li huma nvoluti fis-settur, tant aħjar.

5.         Il-pajjiż irnexxielu jaħdem tajjeb u jaffronta dak li ħaddieħor dam biex jaffronta, proprju għax għandna dan il-proċess liberu u trasparenti.  Il-bieb huwa miftuħ beraħ għal min jersaq ‘il quddiem bi proposti u miżuri li bihom jistgħu jitwettqu linji ta’ ħidmiet li permezz tagħhom jitkabbar il-ġid komuni u jassigura aħjar l-istrutturi soċjali u ekonomiċi tagħna.  Proprju għax nemmnu fid-demokrazija li nibqgħu miftuħa għad-diskussjoni biex intejbu dak li għandna.

6.         Il-poplu tagħna fortunatament għandu llum sistema li biha qed jieħu lura l-paċi u l-istabilità.  Dawn huma ċ-ċwievet li minnhom qed inserrħu ras il-pajjiż minn qabel.  Ma hemmx sulluzzi, anqas sorpriżi imma linja ċara.  Id-demokrazija sarrafniha f’dan.  Tajnieha valur kbir proprju biex kulħadd ikun jista’ jippjana ‘l quddiem għal dak li nkunu qegħdin infasslu.  Mhux biss, imma għandu f’idejh mod li bih joffri ideat, suġġerimenti u proposti li jistgħu jitwettqu.  Jgħidu x’jgħidu, illum għandna nammettu li qatt fl-istorja ta’ pajjiżna ma kellna sistema demokratika taħdem tajjeb bħal ma għandna.

Dan l-artikolu deher fil-Mument tal-1 ta Awissu 2010.


KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...