20.1.25

MCLUHAN MHUWIEX BAUMAN

1. Nifhem li dak li nikteb jaf ikun skomdu. Niskuża ruħi, u ngħid li mhuwiex intenzjonat għal hekk imma sabiex jingħad dak li naħseb li huwa parti mill-proċess lejn il-Verità. Għall-ġid nazzjonali, pajjiżna jixraqlu bidla mill-Gvern li għandu. Hemm passi li wieħed irid jikkunsidra f’din il-linja, dejjem sakemm mhuwiex xi ħadd li huwa komdu bir-raba’ leġislatura tal-Gvern preżenti. Ninsabu viċin daqskemm ninsabu ’l bogħod, imma l-borma diġà bdiet tagħli.

Il-Ħadd li għadda

2. Kif rajna l-Ħadd li għadda, hemm bżonn min jafferma lil ħaddieħor ċar u tond li huwa fil-poter, li mhuwiex temporanju u li sar permanenti. Nagħrfu f’dan kollu li qed isiru sforzi kbar biex jintbagħat messaġġ. Fuq naħa dawk li jridu jibqgħu fil-poter, u fuq l-oħra dawk li jriduh jew lura, jew fil-ġdid. Hemm ukoll sforzi oħra minn diversi biex ikun hemm bidla sħiħa, imma l-effett mhuwiex ikun fuq l-istess livell ta’ dak mistenni. Imma sa issa għadu marġinali.

Sustanza jew le

3. Kollox jgħodd f’kif issir il-politika u minn min issir. F’dan hemm metodi li jinżlu tajjeb mal-elettorat Malti u oħrajn li le. Fil-31 ta’ Diċembru ftakarna f’Marshall McLuhan, li miet fl-1980. Kien kiteb dan: “Politics will eventually be replaced by imagery. The politician will be only too happy to abdicate in favour of his image, because the image will be more powerful that he could ever be.” (Eventwalment il-politika ser tiġi mibdula mill-immaġini. Il-politiku f’dan ser ikun verament ferħan li jabdika favur l-immaġini tiegħu, għax l-immaġini ser tkun iktar b’saħħitha minn dik is-saħħa li qatt jista’ jkollu hu.) Minn dak li qiegħed nara, il-politika Maltija hawnhekk tinsab. Il-faċċata tidher aktar milli s-sustanza tagħha. Tħares u tibqa’ mmeraviljat, u meta wara tistaqsi għall-ideat, ma ssib xejn. Kif nafu, id-diskors fl-arja hemm jibqa’, mentri jidher ċar li l-poplu qiegħed ifittex il-fatti, ir-raġuni u l-proposti.

Lejn il-Verità

4. Fiż-żmien li ninsabu fih u fix-xenarju politiku preżenti hemm punt ieħor li jrid jiżdied fil-kalatura. Iktar u iktar f’dan fid-9 ta’ Jannar, il-jum li fih ftakarna f’Zygmunt Bauman, li kien ġie nieqes fl-2017. Dan is-soċjologu mill-iktar interessanti u bravu, fost ħafna kien qal hekk: “The Truth that makes men feel free is for the most part the truth which men prefer not to hear.” (Il-Verità li teħles lill-bniedem ħafna drabi hija dik il-verità li l-bnedmin jippreferu li ma jisimgħux.) Punt li l-istess George Orwell (1903-1950), li nfakkru mewtu fil-21 ta’ Jannar, kien qal: “If liberty means anything at all, it means the right to tell people what they do not want to hear.” (Jekk il-libertà tfisser xi ħaġa, allura hija dak id-dritt li tgħid lin-nies dak li ma jridux jisimgħu.) Dan kollu però jgħodd dejjem jekk il-bnedmin hux qed jisimgħu u jekk humiex jagħtu attenzjoni. Forsi, però, il-problema ġiet aktar il-kontra.

Persuni normali

5. Għax fil-prijoritajiet li għandna llum ninsabu f’taħwid. F’soċjetà li mhijiex l-istess kif kienet qabel, għalkemm tixtieq li tkun lura dak li kienet, hemm diffikultà ċara fil-komunikazzjoni. Min qiegħed fil-politika mhuwiex jifhem lil min irid li jagħtih il-kunsens. Jisqih immaġini, stampi ħelwin, imma mhux ideat veri, progressivi. Proprju għalhekk li l-votant mhuwiex isegwi u anqas jista’ jgħarbel lil min qiegħed jidher biex jirrappreżentah. Jekk huwiex tajjeb jew le. Jekk huwiex jgħid is-sewwa jew le. Għax f’dan direttament, kif qal is-Senatur Demokratiku Amerikan Brian Schatz (1972), il-politiku għandu jagħżel li jindirizza lill-bnedmin ħutu b’mod tajjeb: “Talk like normal people. It is not just that we are unable to reach people. It’s that people are unable to reach us.” (Tkellem bħall-bnedmin normali. Mhuwiex biss li m’aħniex kapaċi nilħqu lin-nies, imma huwa li l-bnedmin ma jistgħux jilħquna.)

Pass ieħor

6. F’dan għalhekk huwa iktar ċar li hemm linja li trid tinqabad. Ċertament McLuhan mhuwiex Bauman, u wisq inqas Orwell, imma huwa ċar li lkoll jaqblu. Il-politika t-tajba hija dik li ġġib lill-bnedmin f’daqqa u li trid tinbena mhux fuq il-paraventi, imma fuq il-Verità. Nispera f’dan li wieħed jifhem li biex ikun hemm pass ieħor ’il quddiem, il-pożizzjoni trid tinbidel. Mhux biex kollox jibqa’ l-istess, imma fil-bżonn iebes u diffiċli li ssir verament aħjar minn dik li hi. Dik hija ċertament l-isfida tagħna. Dik li nħares ’il quddiem sabiex sseħħ.

LIGI DWAR IL-ĠUSTIZZJA RIPARATRIĊI - PAROLE DOSSIERS

24349. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreparati Parole Dossiers ai termini tal-Liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi matul is-sena 2024?

 

31/12/2024

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Infurmat li matul is-sena 2024 ġew ippreparati 52 dossier. Minn dawn, tlieta ġew ippreparati skont it-termini tal-artikolu 11(8) tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi, filwaqt li wieħed minnhom kien irtirat fl-aħħar stadju tal-proċess.

 

Seduta  299

15/01/2025

ĠUSTIZZJA RIPARATRIĊI - RAPPORT ANNWALI

24348. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapport annwali tal-Bord tal-Parole għaddiex għandu skont is-sub-artikolu 3 tal-artikolu 9 tal-Liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi fis-sena 2024?

 

31/12/2024

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li r-rapport annwali għas-sena 2024 ser jiġi preżentat sal-għeluq tal-ewwel kwart tas-sena.

 

Seduta  299

15/01/2025

BORD TAL-PAROLE - RAPPORT ANNWALI

24347. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapport annwali mill-Bord tal-Parole ġiex ippreżentat skont is-sub-artikolu 4 tal-artikolu 9 tal-Liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi fis-sena 2024?

 

31/12/2024

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li r-rapport annwali għas-sena 2024 ser jiġi preżentat sal-għeluq tal-ewwel kwart tas-sena.

 

Seduta  299

15/01/2025

REĠISTRATUR TAL-QORTI (ĊIVILI) - DRITTIJIET U SPEJJEŻ DOVUTI

24346. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru flus fi drittijiet u spejjeż dovuti lir-Reġistratur tal-Qorti (Ċivili) matul is-sena 2024?

 

31/12/2024

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2024 is-somma ta’ drittijiet u spejjeż miġbura mir-Reġistratur tal-Qorti (Ċivili) kienet ta’ €7,598,942.

 

Seduta  299

15/01/2025

ATT DWAR IL-KUMMISSARJI GĦALL-ĠUSTIZZJA - PETIZZJONIJIET IMRESSQA

24345. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu petizzjonijiet taħt is-sistema kif stabbilita fl-Att dwar il-Kummissarju għall-Ġustizzja Kap 291 matul is-sena 2024, kemm minnhom ġew aċċettati u kemm minnhom ġew rifjutati?

 

31/12/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  299

15/01/2025

ATT DWAR IL-ĠUSTIZZJA RIPARATRIĊI - SKRIVANI TAL-PAROLE

24344. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Skrivani tal-Parole ai termini tal-Kapitolu 516 dwar il-Ġustizzja Riparatriċi matul is-sena 2024?

 

31/12/2024

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Infurmat li matul is-sena 2024 kien hemm skrivan tal-parole taħt it-termini tal-Kapitolu 516 dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.

 

Seduta  299

15/01/2025

KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...