30.1.21

PUBBLIKAZZJONI “NGĦINU U NIPPREMJAW LILL-FAMILJI”

11791. L-ONOR. IVAN BARTOLO  staqsa lill- Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali tal-pubblikazzjoni li ġġib l-isem "Ngħinu u Nippremjaw lill-familji" Budget 2020 li tqassmet mal-ġurnal it-Torċa tal-Ħadd 27 t'Ottubru, 2019?

 30/10/2019

 

 ONOR. MICHAEL FALZON:  Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

 

Seduta  273

04/11/2019

SANTA LUĊIJA – SKOLA SEKONDARJA – SENA AKKADEMIKA 2019/2020 – STUDENTI REĠISTRATI

11790. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti reġistrati għas-sena akkademika 2019/2020 fl-Iskola Sekondarja f’Santa Luċija Malta u jekk il-complement tal-għalliema huwiex sħiħ?

 29/10/2019

 

 ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti fl-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija din is-sena skolastika huwa ta’ 465.

 L-iskola għandha l-full complement ta’ għalliema minbarra għal tmien (8) lezzjonijiet Accounting ta’ Head of Department li ħareġ b’long sick leave. Qed naħdmu biex kif jinstab jintbagħat għalliem għal dawn il-lezzjonijiet.

Seduta  273

04/11/2019

14.1.21

Saħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek

 

1.     Dak li ġara tul din il-ġimgħa fl-Istati Uniti tal-Amerika għandu, u jimmerita, riflessjoni.  Jitlob dan għax wieħed irid iżommu fil-kuntest li huwa u, fl-istess ħin, jieħdu bħala lezzjoni.  Kull demokrazija għandha l-mumenti tal-prova tagħha.  Kull waħda taf li f’xi pożizzjoni ser issib lil min iqegħda fid-dubju.  Ser iqegħda għall-eżami sabiex jara kif, u safejn hija kapaċi tirbaħ fuq forzi awtoritarji.  Tirbaħ fuq min m’għandux rispett u jħares lejn il-proċess demokratiku bħala wieħed: dak tat-triq li tieħdok fis-siġġu tal-poter.

 Il-liġijiet biżżejjed?

 2.     Le. Il-liġijiet mhumiex biżżejjed.  Huma neċessarji, u ma hemmx limitu għal-livell tal-bidliet li jkun hemm lok li jsiru minn żmien għal żmien.  Imma hemm element iktar qawwi mill-kitba tar-regoli.  Mid-direzzjoni li parlament jista’ jipprova jagħti sabiex sistema tiġi “garantita” li qegħda taħdem.  Imma, kif nafu mill-esperjenza tagħna f’dawn il-gżejjer, iridu jkunu l-bnedmin li jirrispettaw id-demokrazija.  Tista’, fuq naħa jkollok bnedmin li huma kommessi għad-demokrazija, li jifhmu li din tiġi mill-imġieba tagħhom.  U tista’, fuq l-oħra, ikollok l-aqwa liġijiet magħmula u mfassla fuq esperjenzi politiċi varji li mhumiex osservati u rispettati.

 Ubbidjenza tar-regoli

 3.     Imma huwa l-ispirtu demokratiku li huwa fil-bniedem u li jmexxih li jirbaħ.  Hemm, fuq kollox, l-għarfien li ħadd ma huwa ‘l fuq mill-poter tal-liġi.  Li ħadd ma jista’ jaħseb li l-mandat f’elezzjoni ġenerali jfisser li jista’ jagħmel li jrid għax għandu “dritt”, “super-power”, jew għax huwa jirrappreżenta l-“vuċi pura” tal-volontà popolari.  Hemm il-liġijiet kostituzzjonali u nazzjonali ordinarji li jridu jiġu obduti f’żewġ direzzjonijiet.  Osservati fil-kitba, imma l-iktar fl-iskop, fil-motivazzjoni, fl-ispirtu tan-norma.  Tul dawn l-aħħar snin kiber riħ kuntrarju.  Kiber fil-ħsieb li l-vuċi tal-poplu għandha bżonn mexxejja “b’saħħithom”, awtoritarji, biex iwieġbu għar-realtà.  Dawk li qed jiġu identifikati jew jippretendu li huma “populisti”, u għalhekk “speċjali”.  Imma l-ħajja turi l-kontra.  Għax ir-realtà fiha nfisha, u fid-demokrazija, hija differenti.

 Kwistjoni ta’ demokrazija

 4.     Diġà l-proċess u l-għarfien fil-perjodu ta’ transizzjoni kien qawwi fil-biża’ tal-perikli li s-sistema kienet għaddejja minnu.  F’The Economist tat-28 ta’ Novembru li għadda, l-editorjal prinċipali kien “The Resilience of Democracy”.  F’dak, hemm ċar dan il-ħsieb: “Mr. Trump has still done harm, as have the Republican leaders who indulged him.  Given that four in every five Republican voters say the vote was “stolen”, trust in the fairness of elections has been shaken and Mr. Biden unjustly undermined from the very start”.  Però jidher li jirrifletti dwar il-bilanċ tal-konsegwenzi li: “That is not a threat to the republic’s existence, but it does mark a further partisan deterioration in American democracy.”

 L-Attakk

 5.     Is-sitwazzjoni ma waqfitx, u l-aġir żbaljat u anti-demokratiku ta’ Trump wasslu, kif rajna, għal konsegwenzi agħar.  Għax l-attakk li seħħ minn folla msaħħna l-Erbgħa li għadda jinkwadra, f’ħafna, f’dan il-kuntest.  Magħmula minn persuni li sabu min isaħħanhom u jirkeb fuq l-ideat żbaljati li għandhom.  Fuq kollox, mill-istess Trump li kien baqa’ ma jistax jaċċetta li tilef.  Ma jridx jikkonċedi li Joe Biden huwa l-persuna li l-elettorat għażel.  U għalhekk, kien ilu mill-4 ta’ Novembru, ġimgħa wara ġimgħa, jibgħat messaġġ inveritier li huwa rebaħ u li l-elezzjoni ittieħdet b’ingann.  U kif, sfortunatament nagħrfu u nafu, għax l-istorja umana tgħallem, meta tirrepeti dak li mhuwiex minnu iktar minn darba tispiċċa biex tiġi emmnut bħala fatt li mhux.

Bilanċ tal-konsegwenzi

 6.     L-effett huwa li persuni tilfu ħajjithom f’dan il-ġenn uman.  Mhux biss, imma hemm l-effetti fuq il-kredibilità u l-kredenzjali tal-Partit Repubblikan.  Taf tkun bidla determinanti.  Bidla fil-bażi sabiex il-forza moderata fih tikber fis-saħħa politika.  Tmur iktar lejn iċ-ċentru u tagħraf il-vantaġġi ta’ soċjetà ibbażata fuq il-ġustizzja soċjali.  L-iktar, it-tneħħija fis-saħħa għal ċerti elementi li ilhom jidentifikaw ruħhom fil-partit.  L-ewwel: għax hemm bżonn it-tneħħija tal-fatt li l-lemin estrem f’dak il-pajjiż kien qiegħed jidentifika, komodament, ruħu fih.  It-tieni: li quddiem ix-xeni ta’ bnedmin jiġru bi bnadar konfederati fil-parlament, jingħalaq il-kapitolu tal-Gwerra Ċivili wara mija u sittin sena mill-bidu tagħha f’April 1861.

 Il-futur

7.     Kemm il-proċess fil-Partit Repubblikan ser isir f’dawn is-snin huwa determinanti għalih, imma l-iktar għad-demokrazija f’dak il-pajjiż.  Wara li għaddew dawn l-erba’ snin mill-iktar riskjużi għad-dinja, m’għandux ikun permess minnhom li Donald Trump, l-ewwel, jibqa’ jiddomina ‘l-partit; u t-tieni, li jingħata nkarigu ieħor fl-elezzjoni presidenzjali li ġejja.  Il-pożizzjoni tagħhom għandha tmur lejn iktar għarfien li d-demokrazija hija dipendenti minn forza moderata.  Proprju għalhekk li l-piż fuq il-President il-ġdid, Joe Biden, jikber.  Għandu diffikultajiet biex jikkalma lura s-sitwazzjoni, kif ukoll biex iġib il-paċi u l-istabilità interna.

 Mumenti tal-prova

 8.     Kull demokrazija, kif l-esperjenza politika tgħallem, għandha bżonn ukoll il-mument tal-prova tagħha.  Is-suċċess tagħha jġib għaliha lil dawk li jibdew jaħsbu li xejn mhuwa ser imissha.  Jaħsbu li ser tibqa’ l-istess, u li m’għandhomx bżonn jaħdmu sabiex jassiguraw li ma jagħtux appoġġ lil dawk il-politiċi li jersqu lejn pożizzjonijiet anti-demokratiċi u forom varji ta’ populiżmu.  Għandu jkun mument ta’ riflessjoni għalina wkoll.  Speċjalment għal dawk li jaħsbu li din il-forma ta’ politika tagħmel xi ġid.  Hija biss forma reazzjonarja li proprju f’dawn il-jiem, min fl-Ewropa u fi ħdanna appoġġja lil Trump, għandu jagħraf l-iżball tagħha.  Meta bnedmin fil-politika demokratika ma jirrispettawx l-ispirtu fundamentali tagħha jġibu dan kollu.

 Nissudaw u nsaħħu

 9.     Id-demokrazija trid aġir korrett.  Biss, titlob iktar li jkun hemm għarfien ta’ dak li tfisser.  Hemm bżonn iktar informazzjoni, edukazzjoni u formazzjoni demokratika.  Hemm bżonn iktar tixrid tal-korrettezza li hemm fl-osservanza tar-regoli, biex is-sistema u s-soċjetà jiġu garantiti.  Hemm bżonn nifhmu li ngħixu f’soċjetà, f’komunità, fi stat li jipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tagħna.  Fi żminijiet oħra, missirijietna kienu jsakkru l-bibien tal-belt fid-dlam tal-lejl.  Jipproteġu dawk li huma ġewwa biex ma jintgħelbux.  Proprju għalhekk li minn dan kollu għandna nifhmu li għandna dmir li nsaħħu l-istaneg ta’ bwiebna.

 

 

 

 

 

   

 

Lejn il-futur

 1.     F’dawn l-aħħar jiem tas-sena 2020 hemm diversi ħsibijiet li jiġu għandna.  Dak li għaddejna minnu.  L-isforzi li wettaqna sabiex noħorġu mid-diffikultajiet li l-pandemija ġiebet fuqna.  Id-dinja moderna, tagħna nkluża kienet, bħal dan iż-żmien sena, tidher daqshekk soda.  Għaddiet, minflok, minn esperjezna li niżżlitna lkoll ‘l isfel.  Dawk li kienu mimlija suppervja u arroganza sabu li l-umiltà hija l-libsa tagħhom.

 Meta ser nibdew

 2.     Kien hemm min ħaseb li tlett xhur kienu ser ikunu biżżejjed biex nissaportu, u wara l-folja tiġi lura għal dak li konna.  Il-fatti urewna li l-istorja kellha tinkiteb b’paġni oħra.  Biss, ħafna huma dawk li jridu jaħsbu dwar x’ser jiġri wara.  Kif ser nibdew lura biex inġibu lilna nfusna naħdmu f’soċjetà li tħares ‘il quddiem.  Il-pjani ta’ Marzu ma kinux ta’ Ġunju, wisq inqas t’Ottubru jew tal-ġurnata li qed ngħixu fiha.

 Materjaliżmu

 3.     Il-linja ta’ ħidma tagħna rbatniha ma’ kunċetti ekonomiċi.  Kif nassiguraw li l-bniedem jibqa’ għas-servizz tagħha.  Jibqa’ dak li jipproduċi, kif ukoll dak li jikkonsma.  Il-forma mentali tas-soċjetà ntrabtet ma’ dan bħala s-soluzzjoni u l-indikazzjoni tal-famuża ‘normalità’.  Ħerġin minn soċjetà materjalista li hija mimlija bi problemi marbuta man-nuqqas ta’ umanità, ta’ dinjità umana, ta’ konsiderazzjoni tal-valur tal-persuna.  Minflok qed nippruvaw nifhmu x’kellna, x’kien żbaljat u naħdmu lejn soċjetà ġdida u differenti, qed nipprivaw nippriservaw dak li kien hemm.

 Konservattiviżmu

 4.     Min huwa komdu, is-soltu ma tantx jiċċaqlaq.  Min kien jaħseb li huwa komdu jrid, fl-iskumdità tallum, imur lura lejn x’jaħseb li kellu.  Soċjetà ma timxix billi tħares lura.  Trid timxi ‘l quddiem fl-għarfien tal-istorja u tal-kundizzjoni umana passata.  Timxi billi tħares li tintroduċi pilastri ġodda fil-komunità.  Prinċipalment li d-dinjità umana, bażata fuq il-prinċipji etiċi Nsara li jwasslu għar-rispett sħiħ tal-bniedem.  Imma wkoll kunċetti differenti fl-ekonomija li jħarsu iktar l-ambjent, il-ħajja u s-soċjetà.  Irridu nibdlu l-magni tal-produzzjoni.  Irridu nieħdu l-okkażjoni biex dak li ilna niddiskutu, inwettquh.  Għax jekk qabel, dawn kienu qed jidħlu fuq oħrajn illum nistgħu nintroduċuhom fejn ma hemm xejn.

 Ir-rabta umana

 5.     Tul din is-sena kien hemm vuċijiet varji li ppruvaw iċaqilqu d-dinja f’din id-direzzjoni.  F’dan naħseb li jispikkaw l-ideat u l-proposti li l-Papa Franġisku għadda.  Għalkemm hemm min ma jridx jiċċaqlaq, ma jridx jaqbad it-triq tal-bidla progressiva u jipprova jċekken kliemu.  Biss, meta taqra x’jikteb u tifhem diskorsu, tapprezza kemm dak li qiegħed jingħad minnu jista’ jitwettaq u huwa parti mill-ħajja.  Hemm realiżmu iktar profond u sod.  Mhux utopija varja, aljenata jew aljenanti, imma strateġija ċara.  Iktar ma taqrah, iktar tifhem.

 Diġà kien ċar

 6.     Fil-pubblikazzjoni annwali ta’ ‘The Economist’ tas-sena li għaddiet, ‘The World in 2020’ kien hemm dan il-punt: “A papal anti-Davos.  In Assisi, Pope Francis hopes to anoint a new economic model”.  Fl-istess kitba jingħad hekk, fost il-kritika tagħhom: “The explicit ain is to find more sustainable ways of living that ease the burden on the poor, via the development of a “circular economy” in which all benefit, including the planet.”  Franġisku huwa ċar f’dak li jrid isir.  Jaf proprju għax it-trobbija tiegħu u l-art li fiha serva tagħti iktar direttament l-esperjenza f’kif il-bniedem u l-ekonomija jaħdmu.  Il-bilanċi neċessarji, il-kontrolli legali u l-għarfien ta’ min imexxi, li hemm mudelli ekonomiċi li jaħdmu iktar aħjar minn dak li ħaddieħor irid jindika.

 L-Enċiklika

 7.     F’din id-direzzjoni, irridu nagħrfu li l-mudell ekonomiku jrid ikun għas-servizz tal-bniedem, mhux ta’ wħud mill-bnedmin.  Irid ikun għad-dinja sħiħa.  Biss, f’dan għaraf iktar li l-kollaborazzjoni, is-solidarjetà u l-ħidma f’ordni u loġika bejn il-bnedmin hija aħjar.  Proprju għalhekk li tul din is-sena rajna għad-dawl enċiklika oħra tiegħu.  Mill-pinna tiegħu mhumiex, dawn, spissi.  Biss, meta jsiru jimmarkaw sija diskussjoni, kif ukoll mument fejn u lejn liema wieħed jerġa’ jmur għalih.  Hija, fil-fatt, mimlija b’pariri u direzzjoni.

 Fratelli tutti

8.     F’dan iż-żmien, meta l-istint uman huwa iktar favur l-egoiżmu, il-Papa jenfasizza l-kontra.  L-enċiklika tibda bil-ħsieb li hemm bżonn “Fraternity and Social Friendship”.  Fiċ-ċentru jidħol lura l-bniedem fil-linja tad-duttrina soċjali tal-Knisja.  Kitba li timmerita attenzjoni speċjali f’dawn il-jiem ta’ ħsieb u riflessjoni.  Waħda mimlija b’ideat u proposti.  F’dan, u b’linja ma’ dan li qiegħed nikteb għandu punt partikolari fil-paragrafu 222.

 Niskopru lilna nfusna

 9.     Hemm jgħid hekk: “Consumerist individualism has led to great injustice.  Other persons come to be viewed simply as obstacles to our own serene existence; we end up treating them as annoyances and we become increasingly aggressive.  This is even more the case in times of crises, catastrophe and hardship, when we are tempted to think in terms of the old saying “every man for himself”.  Yet even then, we can choose to cultivate kindness.  Those who do so become stars shining in the midst of darkness.”  Pariri siewja għal min irid iħares il-quddiem u jibni fis-snin li ġejjin.

 Insellmilkom

 10.   F’din l-aħħar ġimgħa tas-sena għandna nħarsu iktar lejn il-futur tagħna.  Hemm ħafna x’jista’ jsir.  Hemm ferm iktar x’jista’ jinbena ġdid mingħajr l-irbit mentali ta’ sistemi ekonomiċi li fallew mal-bniedem.  Qalbi u moħħi huma mimlija bit-tama li din is-soċjetà tifhem li, fiċ-ċokon tagħha, tista’ tirnexxi.  Tifhem li m’għandhiex bżonn timita lil ħaddieħor fl-iżbalji tiegħu.  Anzi, għandha ma tibżax tkun oriġinali u timxi ‘l quddiem f’dak li hija verament kapaċi twettaq.  Proprju għalhekk li għandna lkoll ningħaqdu biex inħarsu lejn il-futur.

2021.  Nawguralkom is-sena t-tajba, waħda aħjar minn dik li għaddejna, u fuq kollox waħda li nsawru u nibnu aħna bl-intelliġenza u l-oriġinalità tagħna.

Nittamaw iktar

 1.         Forsi parti mill-proċess sħiħ ta’ dak li għaddejna u għadejjin minnu.  Forsi parti mil-lezzjonijiet li qed nippruvaw nieħdu.  Forsi f’dan, id-dinja taf tkun qegħda tibda paġna ġdida tul din is-sena.  Paġna li tħares li ssolvi iktar il-problemi li hija stess welldet.  Issolvihom sabiex nagħtu ħajja aħjar lid-diversi li jixirqilhom ferm iktar milli qed jingħatalhom.  Din hija l-isfida tagħna lkoll.  Hija wkoll parti mill-proċess ta’ bidla li għandna tant bżonn, u li issa forsi wasalna fil-mument fejn bilfors irridu nwettquhom.

 Aħbarijiet aħjar

 2.     Il-fatt li għandna issa risposta medika għall-pandemija.  Il-fatt li għandna għad-dispożizzjoni tagħna l-vaċċin kontra huwa pass li jqawwilna qalbna.  Hemm il-grazzi ta’ diversi li din hija għad-dispożizzjoni tagħna.  Il-gratitudni lejn min skopra, ħadem u issa qiegħed iġib għalina.  Nittamaw li tkun effettiva.  Nittmaw li kull persuna tkun tista’ teħodha malajr kemm jista’ jkun.  Kemm il-ħin u l-produzzjoni jippermettulna.  Kemm il-pajjiż tagħna jkun organizzat u moħħu ċar fil-prijorità huwa għalhekk iktar determinanti.  Nittama li l-prinċipji tas-sewwa u l-ġustizzja soċjali jiġu hawn verament rispettati u implimentati.

 Waslu fl-aħħar

 3.     Wara snin sħaħ ta’ taqlib u problemi, issa jidher li fl-aħħar il-ftehim ġie milħuq bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.  Il-pożizzjoni hija aħjar milli kienet qed tidher li ser tiġi.  Dak li ġie maqbul huwa fiċ-ċirkostanzi ferm iktar aħjar milli li kieku ma kienx hemm dan.  L-isforzi saru, u issa hemm stampa aktar aħjar.  Kemm fl-aħħar tal-ġurnata ser iġġib dak li qed jittamaw is-sostenituri ta’ Brexit għad irridu mmissu.  Kemm aħna f’pajjiżna ser nifhmu, jum wara jum, l-isfidi li ser jiġu quddiemna wkoll.  Biss dan il-pass ser iservi ta’ bidla qawwija fil-mod ta’ kif inħarsu, bidla fil-kultura u fl-ideat tagħna.

 Aħbarijiet oħra

 4.     Mid-dinja Ewropea, il-ftehim li ġie reġistrat f’dawn il-jiem maċ-Ċina huwa pass ieħor fit-tama tagħna.  Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea Angela Merkel, Ursula von der Leyen, Charles Michel u Emanuel Macron u Xi Jinping għar-Repubblika Ċiniża waslu u qablu sabiex ikun hemm investimenti multi-biljunarji.  Kif ingħad tajjeb miż-żewġ naħat, dan għandu jiftaħ iktar u jġib effetti tajba: “stimulate the global economy as it recovers from the coronavirus pandemic, as well as promote economic globalization and free trade”.  Pass li stati oħra, tagħna nkluż, ser jaraw kif u sa fejn jaqbel lilhom.

 Punt ta’ tama oħra

 5.     Id-dinja għaddiet, tul dawn l-aħħar erbgħin sena, minn kumplikazzjonijiet ukoll fil-politika barranija.  Il-fatt li l-Istati Uniti tal-Amerika, immexxija minn Donald Trump, biddlet ħafna minn dak li kienet bniet fis-snin ta’ qabel, ma tantx għen.  F’dan il-kuntest, iċ-Ċina baqgħet konsistenti u kkontribwiet fil-fatturi ta’ stabilità mondjali.  Illum għandna quddiemna l-fatt ċert li l-Presidenza għaddiet f’idejn Joe Biden.  Nafu li l-opinjonijiet li ġew diġà mmarkati għandhom jgħinu sabiex napprezzaw iktar dak li ngawdu minnu.  Napprezzaw u nibnu iktar proprju għax fil-messaġġ li stajna nitilfu dak li għal snin twal inbena, għandna nżommu t-tajjeb li kellna.

 Sfidi għalina

 6.     Aħna għandna iktar, nittama, nibnu fl-istrutturi tagħna biex nużaw aħjar il-pożizzjoni politika tagħna fi ħdan l-Unjoni Ewropea.  Hemm iktar li nistgħu nirbħu minn dan.  Hemm bżonn pjan aqwa u maqbul aħjar bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.  Wieħed li nżommulu konsistenza fil-prijorità u fid-direzzjoni.  Ngħid li f’ħafna għadna qed nirrealizzaw u f’diversi għadna nikkunsidraw l-Unjoni bħal ma konna r-Renju Unit.  M’għandniex nibqgħu nħarsu x’ser nieħdu f’termini finanzjarji, imma iktar fejn aħna rridu li l-Unjoni tmur.  Nibnu politika ta’ dawk li ser ikunu l-isfidi Mediterranji u Afrikani.  Imma, fuq kollox, inkunu iktar protagonisti u pro-attivi milli reattivi.  Fuq kollox, proċess li għandna nħarsu lejh b’iktar ħeġġa u fit-tul, milli f’dożi strambi ta’ “passività”.

 Nittama li ma nitilfux li għandna

 7.     Pajjiżna huwa uniku u mimli b’vitalità, intelliġenza, immaġinazzjoni, saħħa.  Huwa oriġinali.  Il-fatt li huwa parti mill-Unjoni Ewropea ma jfissirx li għandu jsir kopja ta’ mudelli oħra.  Aħna differenti u hemm irridu nassiguraw li nibqgħu.  Għall-ġid tagħna, u anki tal-istess Unjoni li tgawdi mid-diversità.  Ikun żball min jaħseb li hemm proċess ta’ “invażjoni” ta’ kurrenti.  Imma huwa daqshekk ieħor żbaljat jekk wieħed ikun rassenjat jaċċettahom, meta jaf li ma jaqblux magħna.  M’għandux ikollna nuqqas ta’ kuraġġ u determinazzjoni f’dan.  Il-progress jew rigress, inkella l-mobilità kontra l-immobilità huma parti sħiħa minn soċjetà.  Parti minn proċess normali u naturali li huwa neċessarju għall-ġid tagħna.

 Nittama sempliċement

 8.     Qalb il-bniedem hija diffiċli u kumplikata; daqshekk ieħor hija dik ta’ komunità, nazzjon, poplu.  Biss, min jipprova jibdel għax ħaddieħor bidel ma jkunx korrett.  Jew dak li nħoss li huwa agħar.  Nirreferi għal klassi partikolari.  Għad għandna parti mis-soċjetà li minkejja l-Indipendenza, għadha mwaħħla taħseb li kull ma nwettqu aħna huwa ħażin u dak li jsir mill-oħrajn huwa dejjem aqwa minn tagħna.  U għalhekk iridu jimitaw biex jikkonformaw fl-iżbalji ta’ dawk li jridu jqegħdu huma fuq pedestall.  Fir-realtà, m’għandniex minn xhiex nistħu f’dak kollu li aħna.  M’aħniex razza ta’ puritani, imma waħda li taf il-valur tal-bniedem, tal-ħajja, u taf twettaq bilanċi biex jitwettqu l-ġustizzja u l-ħniena umana.

 Fit-Tama hemm futur

 9.     Dawn il-gżejjer tagħna għandhom vantaġġi li oħrajn m’għandhomx.  Dożi mħallta f’daqqa ġejjin mill-klima, l-ambjent sħiħ, dak naturali, dak kulturali, l-ideat tagħna, l-abbiltà li nifhmu malajr u niddeċiedu b’għaqal.  Jekk ħaddieħor indejquh jiddispjaċina, imma m’għandniex ninbidlu biex insiru nogħġbuh.  Għandna nżidu iktar fir-rispett tagħna nfusna.  Ma nintremewx u nżommu aħjar il-pożizzjonijiet tagħna.  Mhux biex inkunu rasna iebsa, imma biex inkunu iktar dak li aħna.  Hemm min, fil-klassi politika, tul dawn is-snin ma fehemx dan kollu.  Hemm min waqqa’ lilu nnifsu u lilna għaċ-ċajt f’dan.  Intrema fix-xejn.  Nittama li fil-futur nifhmu dan u niċċaqilqu b’għerf fih.

 Nittamaw fir-rettitudni

 10.   Nittamaw li nifhmu li l-imġieba pubblika għandha żżomm sod dak li t-tradizzjonijiet ta’ missirijietna għaddewlna.  Ma nkunux daqshekk lesti li narmu s-sewwa, l-onestà u l-irġulija.  Nittama li nifhmu li għandna nkunu leali lejn dan kollu.  Lealtà bażata fuq lezzjonijiet tajba li għaddew ta’ qabilna.  Insegwu l-eżempji tajba  ta’ Maltin u Għawdxin oħra bħalna u ma nippruvawx nidhru “differenti” f’oħrajn.  Proprju għalhekk li nittama li tul din is-sena 2021 nieħdu lura dak li tlifna u nassiguraw iktar dak li għandna.

Mhux lejn id-deżert

 


1.     Wasalna lejn l-aħħar tas-sena, u fost l-appuntamenti varji hemm dak marbut mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.  Diċembru 2020 ser jibqa’ wieħed immarkat fl-istorja Ewropea.  Immarkat f’kemm ittieħdu tajjeb, jew le, numru ta’ deċiżjonijiet.  Hemm diversi punti f’dan.  Magħhom jingħaqdu dawk marbuta mal-fondi fil-Budget tas-snin 2021-2027 u mal-isfidi marbuta mal-immigrazzjoni irregolari.  Sar f’dan ħafna xogħol, u l-Kummissjoni mmexxija minn Ursula von der Leyen stabbiliet ċar il-prijoritajiet u l-kompromessi possibbli.

 

Boris Johnson

 

2.     F’dan, ir-responsabbiltajiet politiċi qegħdin jikbru.  Wasal ċar il-mument lejn l-aħħar tas-sena meta r-Renju Unit ser joħroġ mingħajr ftehim.  Dan huwa żball politiku li għada pitgħada, meta l-mexxejja preżenti jkunu spiċċaw, oħrajn ikunu jridu jaraw kif iġibu lura.  Huwa żball għax din il-gżira ma tistax tibdel il-pożizzjoni ġeografika tagħha.  Ser tibqa’ parti miż-żona Ewropea.  Ser tibqa’, tikteb x’tikteb fil-liġijiet tagħha, “marbuta”.  Anzi, b’dak li għaddej qegħda taqta’ lilha nfisha kompletament mill-kapitolu intern Ewropew.  Qed tagħmel lilha nfisha barranija fix-xejn.  Anki jekk diversi Stati Membri bħal tagħna qed jibgħatu l-messaġġi biex dan ikun, kemm jista’ jkun, imċekken.

 

Ħiereġ barra

 

3.     Is-soltu, il-bnedmin jimxu lejn iċ-ċiviltà.  Lejn sistemi politiċi organizzati, fejn hemm iktar ordni soċjali u ekonomiku.  Ma jaqbdux it-triq il-kontra, li jmorru fid-deżert.  U Boris mhuwiex, f’dan, Mosè.  Mit-Tieni Gwerra Dinjija sallum, il-parteċipazzjoni attiva ma’ stati oħrajn qegħda ssir neċessità.  Hija mhux proprju l-aqwa deċiżjoni li flok tmur biex tissoda dak li għandek, tipprova tkisser kollox biex taħseb li tista’ tibni mill-ġdid.  Illum, waqt li nikteb, jidher li hemm min huwa iktar deċiż li joħroġ u jitlaq mingħajr ma jasal fi ftehim.  Għada nkunu iktar ċari.  Biss, il-konsegwenzi ser jikbru.

 

Intransiġenza

 

4.     U anki jekk Johnson qed jiddikjara li jrid ftehim bħal ma l-Awstralja għandha mal-Unjoni, ma jistax jaħrab minn fatt uniku.  Il-ftehim sar kif sar għax hemm id-distanza qawwija bejn iż-żewġ kontinenti.  Il-fatti jibqgħu juru li aħjar li wieħed jasal, milli wieħed jibqa’ jwebbes rasu.  F’dan, għalkemm il-pożizzjoni tidher dejjem iktar għad-dawl, nibqa’ nittama li tul il-ġurnata tallum, id-direzzjoni tinbidel.  Pajjiżna ċertament jaqbillu.  Il-kumplikazzjonijiet li ġejjin huma ikbar milli qed nipprevedu.  Għax jekk hemm linja ta’ intransiġenza fil-Gvern Ingliż preżenti, din ser tibqa’ tul il-leġislatura.

 

Ftehim milħuq

 

5.     Huwa iktar diffiċli taċċetta dak li għaddej meta tara li, fil-kuntrast, tul il-ġimgħa ntlaħaq ftehim mal-Ungerija ta’ Viktor Orban u l-Polonja ta’ Mateuż Morawieki.  Dak li kien jidher diffiċli, seħħ.  Pajjiż bħar-Renju Unit li mhuwiex nieqes minn eżempji passati ta’ suċċessi diplomatiċi qiegħed imur f’dak li ġie identifikat tajjeb bħala “failure of the statecraft”.  Hemm prinċipju ta’ reċiproċità li qiegħed jitkisser.  Wieħed li sostna u bena l-għaqda bejn Membri Stati b’ideat u linji politiċi partikolari tagħhom.

 

Puritaniżmu

 

6.     Hemm, f’dan, linja li tidher li qed teħodna lejn forom varji ta’ puritaniżmu politiku.  Forom oħra ta’ ntransiġenza li, fl-aħħar tal-ġurnata flok nimxu ‘l quddiem, inwaqqfu l-proċess.  Dawk il-pajjiżi identifikati minn oħrajn bħala “frugal” (dawk li jridu iktar attenzjoni u perfezzjoni) fejn insibu miġbura l-Olanda, l-Awstrija, l-Isvezja u d-Danimarka qabdu linja partikolari.  Waħda li jekk ma ssibx temperanza u għarfien ta’ sitwazzjonijiet politiċi differenti, twassal għal inkwiet żejjed.  Il-kwistjoni tas-Saltna tad-Dritt hija leġittima.  Biss, wieħed irid ikun għaqli kif, u sa fejn imexxiha.  Iż-żminijiet jinbidlu u l-bibien tad-djalogu m’għandhomx jingħalqu.  Fortunatament, il-kompromess seħħ u l-Kanċilliera Angela Merkel innegozjat u wasslet ‘il-partijiet.

 

Eżempji

 

7.     L-Unjoni Ewropea mhix perfetta.  Hija għaqda li taħdem fid-demokrazija, u proprju għalhekk li trid tiġi sostnuta l-ħin kollu.  Il-proċess lejn il-bidliet fi ħdan dawn il-membri huwa neċessarju li jibqa’ għaddej.  Anki jekk hemm min irid veloċità qawwija u jiddejjaq mill-kontra, l-importanti li wieħed ma jiqafx.  Iktar u iktar illum, meta l-pożizzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika ser tara bidliet li mhumiex kontra tagħha.  L-amministrazzjoni Joe Biden ser tbiddel.  Il-vot Irlandiż għandu piż mhux traskurabbli.  U proprju għalhekk li l-futur juri li ser ikun hemm iktar diffikultajiet għar-Renju Unit.  Biss, l-Unjoni Ewropea reġgħet ħadet lura n-nifs.

 

Immigrazzjoni irregolari

 

8.     F’dan kollu, l-Ewropa għandha l-isfidi partikolari tagħha.  L-immigrazzjoni irregolari għandha r-responsabbiltajiet tagħha, però jista’ jkun li f’xenarju ekonomiku ta’ wara l-pandemija tiġi żviluppata f’vantaġġ.  Il-futur ħadd ma jafu, però, fis-sena li ġejja ser jinfetħu kapitoli ġodda.  Jekk l-affarijiet jinbidlu verament, allura anki ‘l hekk imsejjaħ ‘New Pact for Migration and Asylum’ irid jiġi rivedut u rfinat.  Hemm punti li rridu naħdmu fuqhom b’iktar attenzjoni biex naslu fejn konna wasalna bil-‘Pact on Migration and Asylum’ tal-2008.  Huwa iktar importanti li l-Unjoni tirreġistra qbil fil-linji li għandna bżonn fis-snin li ġejjin, milli teħel fuq dak li għandha llum quddiemha.

 

Is-sena li ġejja

 

9.     Tul is-sena li ġejja ser naraw iktar bidliet.  Biss, l-għażliet tagħna fi ħdan l-Unjoni Ewropea jibqgħu mmirati u mmarkati fuq it-triq it-tajba.  Hemm, u ser jibqa’ jkun hemm opportunitajiet ġodda għad-dispożizzjoni tagħna.  Il-mument jista’ jidher mudlam.  Biss, ma nistgħux, u m’għandniex nieħdu deċiżjonijiet li jorbtuna u jnaqqsulna mill-flessibilità.  Għalkemm m’għandniex l-istess ritmi u frott, m’għandniex immorru fid-deżert.  Jekk pajjiż ieħor għażel dan, m’għandux jikkondizzjonana.  Dak li kellna fil-passat issa għadda sew.  Irridu, proprju għalhekk, nifhmu iktar il-vantaġġi.  Però, ċertament mhux lejn id-deżert.   

Tbasktu fl-irġulija

 

1.     F’dawn il-jiem inħares lura lejn dak il-lejl li fih ġie maqtul Raymond Caruana.  F’dak il-ġuvnott kwiet u twajjeb, li tilef ħajtu fil-Każin tal-Partit tal-Gudja.  Niftakar fih, minn tulu fl-art b’demmu madwaru, jixhed għas-sewwa.  F’post li sa ftit siegħat qabel kien mimli bil-ħajja, f’daqqa kien qiegħed jibki iben.  Sigħat twal kienu.  Bħal ma kienu fil-ġimgħat ta’ wara.

 

Kliem missieru

 

2.     Wara snin ta’ ħidma politika attiva li fiha, f’mumenti kien qiegħed jidher li qiegħed jiċċara t-temp, reġa’ ġie l-maltemp.  Id-dlam li nġabar f’qalb diversi bħalna kien qawwi.  Sogħba għal Raymond, li konna daħħalna fil-Kumitat taż-Żgħażagħ, u għal pajjiżna.  L-inċertezza nazzjonali kibret.  Il-bnedmin bdew jippreparaw għal iktar kumplikazzjonijiet.  Kien il-kliem mhux mistenni ta’ missieru fil-funeral ta’ ibnu li fetaħ lura raġġ dawl, huwa u jaħfer lil min wettaq dak l-att mill-iktar żbaljat.

 

Inbniet rabta

 

3.     F’dawk il-jiem inbniet rabta umana.  Waħda li twieldet fost id-diversi li servew lill-pajjiż fil-Partit.  Il-ħafna li kienu għaddew minn diffikultajiet.  Li kienu ġew ittantati li jiċħdu s-sewwa.  Li ma ċedewx fil-ħsieb ċar tagħhom li pajjiżna kellu bżonn assolut ta’ bidla fil-Gvern tiegħu.  Li kien hemm bżonn tiġi d-demokrazija.  Kien hemm bnedmin konvinti u dedikati sabiex jibdlu l-paġna ta’ dan il-pajjiż.  Issagrifikaw ħafna.  Id-dħul tagħhom.  Il-pożizzjoni.  U ġew persegwitati sew.

 

Fl-irġulija

 

4.     Welldet iktar, bejn ħafna minna, rabta bażata fuq l-irġulija.  Fejn il-kelma tingħata u tinżamm.  Fejn, ikunu xi jkunu l-mumenti, niltaqgħu biex naħdmu għal għan komuni, f’isem il-ġid komuni.  Dawk li servew kellhom, fl-aħħar tal-jum, is-sodisfazzjon li l-bidla saret.  Kellhom ukoll, f’dan, ix-xorti li bnew rabta mad-deputati tagħhom, li tul din il-mixja twila u mill-iktar diffiċli u perikoluża kienu magħhom.

 

Mumenti ta’ prova

 

5.     Kien hemm min waqa’ għat-tentazzjoni, u kien imur “jikxef” dak li kien jingħad biex jieħu gwadann apparenti mill-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien.  Imma l-maġġor parti kienu saru jafu ‘l xulxin u jafdaw fis-sod.  Magħhom kellhom iktar viċin lid-deputati.  Dawk li kienu jisimgħu u jiddiskutu.  Dawk li kienu jidħlu fil-proċess ta’ għarfien ta’ dak li huwa sewwa u li għandu jsir.  Il-poplu kellu vuċi.  Il-votant kellu lil min iressaq is-suġġerimenti u l-ilmenti tiegħu.  Ma kien faċli għal ħadd, imma l-ħaddied issudana fuq l-inkwina.

 

Kelma waħda

 

6.     Kien iktar u iktar iż-żmien meta l-Partit kien jgħid dak li l-maġġoranza fil-poplu kienet qegħda taħseb.  Ma kienx hemm min kien qabad linja differenti.  Għax aħna konna ngħidu dak li l-eletturi jaħsbu.  M’għidniex il-kontra, jew dak li aħna naħsbu li l-pajjiż għandu jaħseb.  Kien hemm umiltà fl-għarfien li d-demokrazija hija l-vuċi tal-poplu.  Dik li trid tiġi mwettqa.  Kif kellha tkun dik ir-rieda li ġiet dikjarata fl-Elezzjoni Ġenerali tal-1981 u ma ġietx rispettata.

 

Lealtà

 

7.     Kibret f’dan iktr il-lealtà fit-toroq diretti tagħha.  Lealtà bejn il-votant, it-tesserat u dawk li kienu attivi fit-triq.  Lealtà bejn dawk li kienu d-deputati mal-poplu.  Lealtà tal-votant lejn id-deputat.  Kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi, inbniet il-kapaċità li tagħraf li wieħed għandu jaġixxi fit-tul.  Kull pass irid jiġi meħud fil-mira li kellna, mhux f’dak tal-mument.  Ir-reazzjonijiet li dehru “immedjati” kienu wkoll ikalkulati.       

 

Il-prinċipji1

 

8.     Biss, din il-ħidma nbniet bejn id-diversi li batew għax kellhom, u żammew, il-prinċipju.  Ma ċċaqilqux skont iċ-ċirkostanzi jew il-vantaġġ personali.  Anzi, riedu dejjem iktar li dak li kien qiegħed isir ikun iktar konformi mal-ideat tas-sewwa.  Ma kienx hemm ġabra ta’ dawk li kienu maqtugħa mid-dinja, imma ta’ diversi li għarfu, li ġew konvinti li fis-sewwa, u bis-sewwa, wieħed jasal.  U hekk ġara fl-aħħar, wara snin twal tagħna fid-deżert iebes li ġejna eżiljati fih.

 

Niftakru

 

9.     Dawk il-jiem twal li għaddejna minnhom issudawna, u kienu wkoll ir-raġuni li servewna tul is-snin ta’ wara.  Dan l-ispirtu ta’ għaqda għadu hemm.  Infakkruh kull darba, kull sena li ninġabru fil-5 ta’ Diċembru fil-Parroċċa tal-Gudja, dik dedikata lil Marija Assunta.  Niftakru fit-tbatijiet li għaddejna lkoll.  Niftakruh fil-konvinzjoni li kellna lkoll li bil-vjolenza, bit-tpattija u bin-nuqqas ta’ rġulija ma tasalx.

 

Sagrifiċċju

 

10.   Dak li seħħ kien iebes, imma llum wieħed idur lura u jirrikonoxxi li dak is-sagrifiċċju ġie rispettat.  Il-missjoni tal-Partit Nazzjonalista biex jibdel il-pajjiż seħħet.  Il-poplu beda jgħix ħajja aħjar milli kellu.  Il-gżejjer tagħna reġgħu qabdu lura fit-triq sabiex tikber id-demokrazija, il-ġustizzja soċjali u l-ekonomija.  Dan, ċertament, mertu ta’ dawk il-bnedmin li Tbasktu fl-Irġulija.

 

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...