4.10.18

VETTURI SCRAPPED.





6866. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew scrapped vetturi tul is-sena li għaddiet u mill-bidu ta’ din is-sena sal-aħħar ta’ Settembru 2018? Jista’ jindika kemm minnhom użaw l-iskema sabiex tinxtara vettura ġdida kif ukoll jindika s-sena tal-manifattura ta’ dawn il-vetturi?

12/09/2018

  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu tinsab hawn taħt u qed tingħata sal-aħħar ta’ Awwissu 2018.

Vetturi skrappjati fl-2017

7,963
Vetturi skrappjati bejn Jannar – Awwissu 2018
6,136
Vetturi li użaw l-iskema sabiex tinxtara vettura ġdida
2,467
Sena tal-manifattura ta’ dawn il-vetturi
Is-sena tal-manifattura ta’ dawn l-2,467 vettura tvarja bejn l-1969 u l-2008

Seduta  140
03/10/2018


IL-FGURA – TRIQ IL-KARMNU – LANDSCAPING TAR-ROUNDABOUT


6865. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5334, jista’ l-Ministru jgħid huwiex se jsir il-landscaping tar-roundabout li saret fi Triq id-Dejma, il-Fgura peress li ilha biex issir mill-inqas mit-23 ta’ April 2018?

12/09/2018

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-disinni proposti ħadu aktar fit-tul peress li ma setax isir intervent bis-soft landscaping minħabba li ma kienx hemm fond biżejjed għall-ħamrija. Id-disinji ġodda ġew approvati u x-xogħol beda u mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Seduta  140
03/10/2018

2.10.18

IL-FGURA – TRIQ IL-KARMNU – LANDSCAPING TAR-ROUNDABOUT




6864. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5334, jista’ l-Ministru jgħid huwiex se jsir il-landscaping tar-roundabout li saret fi Triq id-Dejma, il-Fgura peress li ilha biex issir mill-inqas mit-23 ta’ April 2018?

12/09/2018

  ONOR. IAN BORG:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Seduta  139
02/10/2018

SANTA LUĊIJA - SKOLA SAN TUMAS MORE – TISWIJIET FIL-BIEB PRINĊIPALI.




6863. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6623 dwar il-bieb ta’ fuq wara tal-Iskola San Tumas More, Santa Luċija, li jagħti għal Triq Ħal Luqa, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol huwiex finalizzat u jekk iva, kemm ġie jiswa? Jistgħu jsiru x-xogħlijiet meħtieġa ġewwa l-iskola, senjatament fl-ispazju estern tagħha għax tinsab mimlija b’ħaxix ħażin jew niexef?

12/09/2018

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninforma l-Onor. Interpellant li l-istima totali fuq dan il-bieb, inkluż ix-xogħol anċillari, hija ta’ €6,263.50. Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ġew finalizzati. Infurmat ukoll li sar il-qtugħ tal-ħaxix fl-ispazju indikat.

Seduta  139
02/10/2018

AMBAXXATA MALTIJA F’ĠINEVRA – SPEJJEŻ



6638. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra xi spejjeż saru tul is-sena fl-Ambaxxata tagħna f’Ġinevra senjatament dawk indikati bħala refurbishment?

25/06/2018

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Ġunju 2017 sal-aħħar ta’ Ġunju 2018 intefqu €66,769.01 fuq xogħol ta’ refurbishment fl-Ambaxxata ta’ Malta f’Ġinevra.

Seduta  139
02/10/2018

AMBAXXATAMALTIJA GĦALL-GREĊJA - ĦIDMA U INIZJATTIVI




6637. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizjattivi ttieħdu mill-ambaxxata tagħna għall-Greċja tul dawn l-aħħar tletin xahar?

25/06/2018

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Greċja huma ferm pożittivi u qegħdin ikomplu jissaħħu. Għaldaqstant, f’dawn l-aħħar tletin xahar, l-Ambaxxata Maltija fil-Greċja ħadmet bla waqfien sabiex dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jiġu approfondati permezz ta’ inizjattivi u ħidma li saħħew il-kooperazzjoni politika, bilaterali, kummerċjali u kulturali bejn iż-żewg pajjiżi.

Ħidma Konsulari

L-Ambaxxata dejjem kienet għad-disposizzjoni taċ-ċittadini Maltin li jgħixu fil-Greċja u dawk li jivvjaġġaw lejn dan il-pajjiż, u ċittadini Griegi li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Malta li jeħtieġu xi għajnuna, kemm fuq temi konsulari, kif ukoll temi turistiċi u kummerċjali. Fost l-oħrajn l-Ambaxxata assistiet f’informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Maltija, tiġdid ta’ passaporti, informazzjoni dwar żjarat f’Malta għal skopijiet kummerċjali u anki edukattivi u ħruġ ta’ dokumenti urġenti tas-safar għal Maltin li tilfu jew ġew misruqa d-dokumenti tagħhom waqt li kienu fil-Greċja. 

Promozzjoni ta’ Malta

Wieħed mis-setturi li l-Ambaxxata tagħti importanza speċjali huwa s-settur tal-promozzjoni ta’ Malta. Għalhekk, l-Ambaxxatur attenda diversi avvenimenti u għamel diskors sabiex jippromwovi lil pajjiżna, fosthom u b’mod partikulari fis-settur Marittimu u oqsma kummerċjali oħra li kull ma jmur qegħdin jissaħħu bejn iż-żewġ il-pajjiżi.

Matul is-snin, l-Ambaxxatur kellu bosta intervisti ma’ ġurnalisti  b’konessjoni mar-relazzjonjiet ta’ Malta mal-Greċja. Dan sar b’mod partikulari waqt il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u matul din is-sena, tal-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. 

Turiżmu

Is-settur tat-turiżmu ħa spinta ’l quddiem f’dawn l-aħħar snin hekk kif żdiedu t-titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi minn tnejn fil-ġimgħa għal ħamsa. F’perjodi partikulari dawn it-titjiriet kienu ta’ sitta u anki sebgħa fil-ġimgħa. Hemm ħafna aktar xi jsir fejn tidħol konnetività bejn iż-żewġ pajjiżi speċjalment fejn tidħol il-konnetività marittima. Mal-industrija diġà eżistenti tal-‘Cruise Liners’ hemm konsiderazzjoni għal-konnetività diretta bejn iż-żewġ pajjiżi u dan biex jiġi ffacilitat aktar il-kummerċ u t-turiżmu bejniethom.

L-Ambaxxata  ħadet diversi inizjattivi sabiex il-konnetività bejn iż-żewġ pajjiżi tissaħħaħ kif ukoll sabiex Malta tkun ta’ attrazzjoni turistika għall-poplu Grieg. Dan sar f’ħidma għal żieda ta’ titjiriet bejn iż-żewg pajjiżi.

Relazzjonijiet Kummerċjali

Fir-rigward ta’ relazzjonijiet kummerċjali, l-Ambaxxata Maltija fil-Greċja tieħu inizjattivi biex tippromwovi u kif ukoll tirċievi diversi proposti ta’ interess kummerċjali bejn iż-żewg pajjiżi. Il-kummerċ bejn iż-żewġ  pajjiżi f’dawn l-aħħar snin ħa spinta ’l quddiem u fis-snin li ġejjin mistenni jkompli jikber.

Attivitajiet imtella’ mill-Ambaxxata

L-Ambaxxata Maltija fil-Greċja organizzat diversi attivitajiet b’konessjoni mal-Presidenza ta’  Malta tal-Kunsill Ewropew tal-Unjoni Ewropea kif ukoll b’konessjoni mal-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. L-attivitajiet, il-ħidma u l-inizjattivi matul il-Presidenza tal-UE kienu vasti u kien hemm apprezzament ġenerali mill-missjonjiet l-oħra tal-pajjiżi tal-UE f’Ateni u Nikosija għall-programm intensiv li organizzat l-Ambaxxata tagħna.  L-istess jista’ jingħad għall-attività u l-promozzjoni tal-Belt Valletta bħala Belt Ewropea tal-Kultura matul din is-sena. Għal din l-okkażjoni ġiet mistiedna is-Socjetà Mużikali tal-Karmnu, Balluta, li flimkien mal-Banda tal-Municipalità ta’ Ateni, pparteċipat fi sfilata fiċ-Ċentru ta’ Ateni u madwar l-Akropolis kif ukoll tellgħet Kunċert ta’ mużika Maltija u Griega quddiem il-bini tal-Municipalità ta’ Ateni. 

L-Ambaxxata torganizza wkoll il-Malta Day kull sena u torganizza attivitajiet oħra flimkien mar-Reġistru Marittimu ta’ Malta biex tkompli tippromwovi u ssaħħaħ ir-rabtiet kummerċjali f’dan is-settur tant importanti u vitali għal Malta. 

Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

F’dawn l-aħħar tletin xahar, l-Ambaxxata fil-Greċja, bħal bosta Ambaxxati, Ministeri u entitajiet oħra tal-Gvern, kienet iffukata fuq il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Apparti x-xogħol relatat mal-presidenza tal-laqgħat informattivi li jsiru kull xahar bil-kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Affarrijiet Barranin tal-Greċja u diversi Ministeri oħra (bħal pereżempju, ECOFIN, FAC, GAC, AGRIFISH u EPSCO), l-Ambaxxata assistiet lill-Prim Ministru waqt iż-żjarat tiegħu bħala parti mit-Tour des Capitales, lill-Ministru tat-Trasport u Infrastruttura, lill-Ministru tal-Affarijiet Ewropej u lill-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali waqt żjarat uffiċjali li dawn għamlu f’Ateni.

Matul il-Presidenza ġew organizzati Konferenza tal-Aħbarijiet tal-ftuħ tal-Presidenza,Attività li mmarkat il-Ftuħ, ħames Ikliet ta’ nofsinhar ta’ Uffiċjali Għolja, Attività Kulturali, Tour tal-Ambaxxaturi tal-UE, ġimgħa attivitajiet dwar l-immigrazzjoni, ipparteċipajna fil-Kunċert ta’ Jum l-Ewropa f’Ateni, diversi laqgħat tat-Trio u Attivitàtal-Għeluq. Apparti dawn l-attivitajiet l-Ambaxxatur ħa sehem f’diversi konferenzi u attivitajiet oħraa. 

Bi preparazzjoni għall-Presidenza, il-bini tal-Ambaxxata ġie rinovat u dan bi spiża tassew minima. Illum nistgħu ngħidu li għandna bini ta’ Ambaxxata preżentabbli li jista’ jilqa’ fih lid-dinjatarji u nies oħra. 

Żjarat Uffiċjali

Tajjeb ukoll li wieħed isemmi l-assistenza li l-Ambaxxata pprovdiet lil diversi dinjitarji Maltin li żaru l-Greċja f’dawn l-aħħar tletin xahar, fosthom: darbtejn il-Prim Ministru waqt il-parteċipazzjoni ta’ Malta fis-Summit tal-Pajjizi tal-Unjoni Ewropea tal-Meditteran u waqt il-parteċipazzjoni ta’ Malta fis-Summit bejn l-UE u l-Pajjiżi Għarab. Żjarat oħra uffiċjali saru darbtejn mill-Ministru responsabbli mis-Settur Marittimu għall-Fiera Posedonia li ssir kull sentejn, mill-Ministru tas-Saħħa u mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-V18 u l-Protezzjoni tal-Konsumatur. 

Seduta  139
02/10/2018

AMBAXXATA MALTIJA GĦAĊ-ĊINA - ĦIDMA U INIZJATTIVI




6636. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizjattivi ttieħdu mill-ambaxxata tagħna għaċ-Ċina tul dawn l-aħħar tletin xahar?

25/06/2018

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ambaxxata ta’ Malta f’Beijing taħdem bla waqfien sabiex ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u ċ-Ċina jitjiebu fuq kull livell u f’oqsma vari. 

Il-volum, intensità, u kwalità ta’ attività mill-Ambaxxata ta’ Malta fiċ-Ċina tul dawn l-aħħar 30 xahar qabżet kull rekord.  Sar ħafna xogħol fir-relazzjonijiet bilaterali, kummerċjali, kif ukoll konsulari.  Kien hemm ukoll attività netta fil-qasam tal-kultura u l-edukazzjoni. 

Relazzjonijiet Bilaterali u kummerċjali

Mill-aspett politiku, iċ-Ċina tibqa’ priorità għall-pajjiżna u l-Ambaxxata firxet iktar il-kuntatti tagħha mal-awtoritajiet Ċiniżi.  B’mod partikolari, fl-2017, il-profil ta' Malta ġie elevat permezz tal-organizzazzjoni ta' diversi attivitajiet taħt il-kappa tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

F’dawn l-aħħar snin, kien hemm numru ta’ żjarat uffiċjali, fosthom iż-żjara tal-Onor. Prim Ministru f’Beijing u Guiyuang f’Lulju 2014, iż-żjara tal-Prim Ministru f’Hong Kong f’Mejju 2015, iż-żjara uffiċjali tal-eks Ministru tal-Affarjiet Barranin f’Lulju 2015, żjara tal-Ministru tal-Finanzi f’Jannar 2016 u tal-Ministru tal-Ġustizzja f’Marzu 2016. 

Bejn il-11 u l-15 ta’ Settembru 2018, l-Onor. Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, żar iċ-Ċina flimkien ma’ delegazzjoni ta’ għaxar esperti Maltin minn bosta ministeri u entitajiet speċjalizzati sabiex ħadu sehem fl-ewwel laqgħa tal-Medium Term Cooperation Plan 2014-2019. Qabel il-laqgħa, id-delegazzjoni Maltija kellha laqgħa għolja mal-Kunsillier tal-Istat u Ministru tal-Affarijiet Barranin taċ-Ċina, l-E.T. Wang Yi, fejn ġew diskussi r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi fuq kull qasam: politiku, kummerċjali, kulturali u kuntatti bejn il-popli; kif ukoll it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-Ministru Wang  Yi  esprima wkoll ix-xewqa li jżur Malta fil-futur qarib u l-Ministru Abela laqa’ pożittivament. Dan jawgura tajjeb għar-relazzjonijiet futuri bejn Malta u ċ-Ċina. Id-diskussjonijiet matul din il-laqgħa seħħew fl-isfond tal-inizzjattivi taċ-Ċina hekk imsejjħa “One Belt, One Road” li fuqha qed jiġu msejsa l-politika internazzjonali taċ-Ċina kif ukoll ir-relazzjonijiet bilaterali taċ-Ċina ma’ diversi pajjiżi.

Apparti n-numru kbir ta' Delegazzjonijiet Ministerjali, żaru ċ-Ċina wkoll il-Malta-China Friendship Association, il-Malta Stock Exchange, il-Malta Council of Science and Technology, il-Malta Film Commission, eċċetra. Kien hemm ukoll diversi aġenziji tat-turiżmu li attendew bosta fieri u promozzjoni, kif ukoll promozzjonijiet minn skejjel tal-lingwa Ingliża u anke akkademiċi li marru biex jagħtu lectures f'diversi universitajiet madwar ċ-Ċina.

Ta’ min ifakkar il-45 Anniversarju mit-Twaqqif ta' Relazzjonijiet Diplomatiċi bejn Malta u ċ-Ċina fl-31 ta’ Jannar 2017, fejn kien hemm skambju ta’ ittri bejn il-Kapijiet ta’ Stat u Gvern u l-Ministri tal-Affarjiet Barranin taż-żewġ pajjiżi, jifirħu lil xulxin u lill-popli taż-żewġ pajjiżi f’din l-okkażjoni. L-Ambaxxata ħadmet ukoll sabiex jinżammu kuntatti tal-livelli għolja bejn Malta u ċ-Ċina, fosthom laqgħa li kelli mal-Ministru tal-Affarjiet Barranin, Wang Yi, fl-20 ta’ Novembru 2017 fil-marġini tal-ASEM Foreign Minister’ Meeting fil-Myanmar.

F’dawn l-aħħar tletin xahar, ġew iffirmati numru ta’ ftehim bilaterali:

-               Memorandum ta’ Ftehim dwar Kooperazjoni fl-Isport (19 ta’ Marzu 2015)
-               Ftehim ta’ Film Co-Production (27 ta’ Lulju 2015)
-               Memorandum ta’ Ftehim dwar Joint Research Centre (26 ta’ Awwissu 2015)
-               Memorandum ta’ Ftehim dwar Intercultural Exchange and the East Asia City of Culture (30 ta’ Mejju 2016)
-               Ftehim dwar is-Servizzi bl-Ajru bejn Malta u l-Hong Kong (5 ta’ Ottubru 2016)
-               Protokol ta’ Kooperazzjoni fil-qasam ta’ Mediċina Tradizzjonali Ċiniża (20 ta’ Jannar 2017)

Nixtieq insemmi wkoll li f’diversi okkażjonijiet l-Ambaxxata ta’ Malta f’Beijing irrappreżentat lil Malta f’diversi konferenzi li saru fiċ-Ċina kif wkoll madwar l-Asja. Tul dawn l-aħħar 30 xahar, l-Ambaxxata rrappreżentat lil Malta tlett darbiet fil-Korea t'Isfel, tlett darbiet fil-Mongolia, darbtejn f'Myanmar u darba fit-Tajlandja, il-Filippini u Hong Kong. 

F' Beijing, l-Ambaxxatur irrapreżenta lil Malta fiċ-China-EU Education Ministers' Conference, fl-Interpol Annual General Meeting (AGM), u l-Qingdao ASEM Connectivity Forum u l-BOAO Forum li sar fil-Provinċja ta' Hainan.

L-Ambaxxata rrappreżentat ukoll lil-Malta fil-Quarterly Meetings of the Asia Infrastructure Investment Bank (AIIB), peress li Malta tifforma parti minn din l-għaqda.

L-Ambaxxata tieħu sehem attiv ukoll f’dak li għandu x’jaqsam promozzjoni ta' kummerċ. Ħafna delegazzjonijiet magħmula minn investituri potenzjali qegħdin jiġu lejn Malta biex iżuru organizzazzjonijiet bħal Malta Enterprise, li issa għandha uffiċċjal permanenti jaħdem fil-Konsulat-Ġenerali f'Shanghai. Kull ġimgħa, il-kumpanija Shanghai Electric qed tibgħat gruppi ta' persuni li jikkonsistu f'inġiniera u amministraturi lejn Malta.

F'Beijing u Shanghai, kien hemm assistenza u organizzazzjoni estensiva għal numru kbir ta' delegazzjonijiet kemm minn Malta għaċ-Ċina u kemm miċ-Ċina għal Malta.

Konsolari

In-numri bla preċedent f’applikazzjonijiet għal VISA pproċessati mill-Ambaxxata f’Beijing ingħataw spinta mill-ipproċessar t’applikazzjonijiet għal VISA mill-Konsulat Ġenerali f'Shanghai.

Kuntratt ġdid ġie nnegozjat mal-VISA Facilitation Services (VFS) fejn maż-żewġ VISA Application Centres (VAC) li hemm f'Beijing u Shanghai, ġew miżjuda tlettax-il ċentru (VAC) imqassmin madwar iċ-Ċina u dawn jinkludu:  Xian, Wuhan, Shenyang, Jinan, Hangzhou, Nanjing, Guangzhou, Shenzhen, Changsha, Fuzhou, Chongqing, Chengdu u Kunming.  Ix-xogħol li sar ħalla l-frott mixtieq għaliex issa dawn iċ-ċentri ġodda jipprovdu aċċess iktar wiesa' lil ċittadini Ċiniżi biex jissottomettu applikazzjonijiet għal VISA madwar iċ-Ċina, mingħajr il-bżonn ta’ vjaġġar lejn Beijing jew Shangai.

Dawn l-inizzjattivi raw in-numru ta' applikazzjonijiet għal VISA minn ċittadini Ċiniżi jirdoppja bejn l-2015 (4,435 applikazzjoni) u l-2017 (9,019 applikazzjoni).

Ta’ min isemmi ukoll li t-twaqqif tal-Uffiċċju fiċ-Ċina mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-ħatra ta’ manager full-time taw spinta 'l quddiem fil-qasam tal-promozzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika.

Fl-2016, ġie komplut ukoll il-kuntratt ma’ VISA Facilitation Services għal applikazzjonjiet għal VISA f’Manila minn ċittadini Filippini, u konsegwentament saret emenda fil-kuntratt biex jinfetaħ Malta VISA Application Centre f’Cebu. Bħalissa, dan il-kuntratt qiegħed fil-proċess li jiġi mġedded. Applikazzjonijiet għal VISA mill-Filippini qegħdin jiġu pproċessati mill-Ambaxxata f’Beijing kuljum.

Simili għan-numri ta’ applikazzjonijiet minn ċittadini Ċiniżi, in-numru ta' applikazzjonijiet minn ċittadini Filippini ukoll irdoppja bejn l-2015 u l-2017 (1,350 għal 2,770).

Aktar minn 80% tal-applikazzjonijiet minn ċittadini Filippini huma għal 'Long Stay', akkompanjati minn Permessi għax-Xogħol. Dawn jirrikjedu ħafna xogħol biex il-Permessi għax-Xogħol jiġu ċċekkjati flimkien ma’ dokumentazzjoni oħra.

Għaddejin ukoll negozjati ta’ kuntratt simili ma’ VISA Facilitation Services rigward proċessar ta' applikazzjonijiet għal VISA minn ċittadini Vjetnamiżi billi jiġu mwaqqfa VISA Application Centres f'Hanoi u f’Ho Chi Minh City, simili għall-kuntratt nnegozjat fil-Filippini.

L-Ambaxxata f’Beijing rat ukoll żieda ta’ applikazzjonijiet għal VISA minn ċittadini ta’ pajjiżi oħra mill-Asja, speċjalment mit-Tajlandja u l-Mongolja.

L-iktar żvilupp sinifikanti f'dawn l-aħħar 30 xahar huwa x-xogħol involut fl-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għall-Malta Individual Investor Programme (MIIP) u l-Malta Residence and VISA Programme (MRVP).

Dawn l-applikazzjonijiet kollha jridu jgħaddu mill-proċess ta’ awtentikazzjoni tal-firem. Barra minn hekk, kull applikazzjoni tiġi akkumpanjata minn dokumentazzjoni estensiva li jkollha bżonn awtentikazzjoni ta' kopji vera ta’ oriġinali kif ukoll legalizzazzjoni ta’ dokumenti.

L-Ambaxxata stmat li iktar minn 800 applikazzjonji għal MRVP għaddew mill-Ambaxxata f’Beijing u l-Konsulat-Ġenerali f’Shanghai, fejn hemm xogħol relatat ma’ awtentikazzjoni and legalizzazzjoni ta' eluf ta’ dokumenti.

Jumejn fil-gimgħa huma ddedikati għall-applikazzjonijiet, appuntamenti u intervisti ma’ applikanti u familjari tagħhom kif ukoll l-ipproċessar ta’ dokumenti. Kull applikant hu obbligat li jippreżenta ruħu in persona fl-Ambaxxata jew fil-Konsulat Ġenerali bid-dokumenti tiegħu.

Tul dawn l-aħħar 30 xahar, l-Ambaxxatur indirizza 35 MRVP Promotion Forums. Għal kull avveniment kien hemm udjenzi ta’ bejn 300 u 1,000 persuna. Fora oħrajn ġew indirizzati mid-Deputat Ambaxxatur, is-Segretarju Ewlienu u l-Konslu Ġenerali f’Shanghai. Dawn il-Fora ttellgħu ukoll f'ċentri reġjonali barra minn Beijing u Shanghai, bħal Zhengzhou, Dalian, Shenyang, Hohhot, Qingdao u Jinan. Dawn iż-żewġ programmi wasslu għal żieda sinjifikanti ta’ investiment f'Malta, partikolarment bl-investiment ta’ kapital fis-suq tal-proprjetà u tal-bini.

Kultura u Edukazzjoni

F'Jannar ta' l-2016, l-Ambaxxata assisstiet lill-Ministru għall-Edukazzjoni, lir-Rettur tal-Università ta' Malta u diversi akkademiċi Maltin matul iż-żjara tagħhom fl-Università ta' Xiamen sabiex iġeddu l-Memorandum ta' Ftehim għall-kontinwazzjoni tal-Istitut ta' Konfuċju fl-Università ta' Malta.

Ir-Relazzjoni bejn l-Università ta' Shanghai tal-Mediċina Tradizzjonali u l-Università ta' Malta ġiet imsaħħa permezz ta' skambju ta' akkademiċi, filwaqt li l-Protokolli għall-prattika ta' Mediċina Tradizzjonali Ċiniża f'Malta ġew imtejba u mġedda.

Minbarra l-fieri għat-turiżmu u l-edukazzjoni, ttellgħu diversi avvenimenti varji, fosthom dawk li jfakkru Jum l-Indipendenza ta' Malta, li attendew minn bosta uffiċjali għolja tal-Ministeru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, kif ukoll negozjanti Ċiniżi, promoturi tat-turiżmu, ambaxxaturi u kollegi diplomatiċi oħra. 

Waqt il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ġie organizzat avveniment biex issir spjega tal-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija għal Ambaxxati tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea bbażati f'Beijing. Mal-għeluq tal-Presidenza ta' Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sar avveniment li attendew għalih madwar 420 persuna, inkluż il-Viċi Ministru tal-Affarijiet Barranin taċ-Ċina. Il-preżenza ta’ uffiċjali tant għolja fi ħdan l-istruttura tal-gvern tixhed l-istima li Malta tgawdi mal-Gvern taċ-Ċina.

Saru wkoll diversi wirjiet, fosthom wirja fotografika li fiha xeni ta' anzjani mill-Birgu kienet miftuħa uffiċjalment f'Mejju minn fotografu famuż Malti, is-Sur Joseph P. Smith. Dan sar fil-foyer ta' waħda mill-libreriji l-aktar prominenti ta' Beijing, Xicheng Library No. 1. Il-wirja żaruha minn aktar minn 5,000 persuna.

L-Assoċjazzjoni tal-Poplu Ċiniż għall-Ħbiberija ma' Pajjiżi Barranin ġentilment organizzat li għaliha attendew aktar minn 200 mistiedna uffiċjalment.

Barra minn hekk, mill-2016, Malta bdiet tieħu sehem fiċ-Ċelebrazzjonijiet ta' Jum l-Ewropa li ssir kull sena f'Beijing fid-9 ta’Mejju fejn tiġi armata kabina b’ikel tipiku Malti kif ukoll diversi fuljetti ipprovduti mill-Awtorità tat-Turiżmu ta 'Malta. Mejda Maltija ġiet ukoll organizzata wkoll għall-Europe Street Day, avveniment li sar fit-23 ta' Settembru 2017 f'wieħed miċ-Ċentri Kummerċjali l-aktar prominenti f'Beijing.

Seduta  139
02/10/2018


ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...