13.10.17

Il-Partit Nazzjonalista lest jgħin lill-Gvern bla pjan biex ma jkomplix iżarma l-Kunsilli Lokali




L-Oppożizzjoni Nazzjonalista lesta li tgħin lill-Gvern li tant kemm m’għandux pjan, li qed iżarma l-Kunsilli Lokali. L-aħbar żvelata llum minn The Times of Malta tikkonferma li l-Gvern m’għandu ebda pjan għall-Kunsilli Lokali f’pajjiżna. Dan qaluh il-Kelliema għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Marthese Portelli u l-Kelliem għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Marthese Portelli qalet li issa li l-Gvern iddeċieda li joħloq Aġenzija ġdida biex tamministra x-xogħol fuq it-toroq f’pajjiżna, l-Oppożizzjoni se tinsisti li filwaqt li x-xogħol jiġi amministrat mill-aġenzija, d-deċiżjonijiet dwar liema toroq għandhom isiru jittieħdu mill-Kunsilli Lokali.

Marthese Portelli qalet li l-Partit Nazzjonalista lest jgħin lill-Gvern, fost l-oħrajn, billi jinsisti li:
  • l-ħaddiema ta’ Transport Malta li diġà jaħdmu f’dan is-settur u li għandhom l-esperjenza f’dan is-settur, jingħataw l-opportunità li jaħdmu f’din l-Aġenzija;
  • l-kuntratturi Maltin kollha għandhom kollha jingħataw l-istess opportunità biex jipparteċipaw f’dan il-proġett;
  • jekk il-Gvern jiddeċiedi li jġib esperti barranin, dawn għandhom jaħdmu id f’id ma’ dawk Maltin;
  • l-Kunsilli Lokali mhux biss ikunu kkonsultati dwar id-deċiżjonijiet, iżda d-deċiżjonijiet dwar liema toroq isiru u meta jsiru, jittieħdu mal-Kunsilli Lokali.
Mar​these Portelli sostniet li l-Partit Nazzjonalista lest jgħin lill-Gvern li m’għandux pjan ta’ kif se jagħmel it-toroq ta’ pajjiżna, iżda dan għandu jsir f’kuntest u parti minn pjan strateġiku u fit-tul ta’ kif wieħed jindirizza l-akbar sfida li qed jaffaċċja l-poplu Malti u Għawdxi - dik tat-traffiku. Id-deċiżjoni tal-Gvern li jonfoq €700 miljun fit-toroq ta’ pajjiżna, filwaqt li għandha ttejjeb il-kundizzjonijiet tat-toroq, mhix se tnaqqas it-traffiku mit-toroq Maltin u Għawdxin. 


Minn naħa tiegħu, Robert Cutajar spjega kif il-Gvern Laburista tant m’għandux pjan li qabad u ddeċieda waħdu - f’kamra magħluqa - li jżarma l-Kunsilli Lokali u jieħu minn idejhom il-poter li għandhom illum. Robert Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli lill-Gvern jgħaddi bħal romblu minn fuq is-Sindki, Viċi Sindki u Kunsillieri Maltin u Għawdxin, iżda se jkun it-tarka tagħhom. 

Hu staqsa għaliex il-Gvern irid jaqbad u jiddeċiedi hu liema toroq għandhom isiru u meta jsiru? Robert Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti li deċiżjonijiet fuq il-pjan ta’ ħidma u ż-żmien ta’ meta jsiru t-toroq, jibqgħu jsiru mill-Kunsilli Lokali, li huma l-aktar viċin ir-residenti fil-lokalitajiet. 

Robert Cutajar temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem favur is-sussidjarjetà u jibqa’ jemmen f’dan il-kunċett, anke fid-dawl tar-riforma tal-Kunsilli Lokali li l-Gvern ilu jitkellem dwarha iżda għadu qatt ma kkonsulta dwarha. Il-Partit Nazzjonalista lest jgħin anke f’din ir-riforma. Robert Cutajar sostna li l-Gvern għandu jaħdem biex isaħħaħ il-Kunsilli Lokali u mhux iżarmahom. Madanakollu, temm jgħid Robert Cutajar, hu ċar li l-Gvern m’għandux pjan u jaqbad u jiddeċiedi skont dak li jfettilu. 

12.10.17


Il-kontribut ta’ Patri Victor Xuereb S.J.


 
Bir-raġun kollu nqimu l-memorja u napprezzaw ix-xogħol kbir li għamel il-Professur Pietru Pawl Saydon, li ttraduċa għall-Malti l-kotba kollha tal-Bibbja mill-ilsna oriġinali.  Wettaq opra kbira, kemm fuq il-pjan reliġjuż, billi l-Bibbja hi rivelazzjoni u l-qari tagħha huwa talb, barra milli parti mil-liturġija ta’ kuljum fil-knejjes tagħna; kif ukoll fuq il-pjan kulturali.  Il-kotba tal-Iskrittura Mqaddsa huma ta’ ispirazzjoni għall-kultura tagħna, bħala Maltin, bħala Ewropej u bħala bnedmin tas-seklu tagħna.  Il-kotba ta’ poeżija li hemm fil-Bibbja, fosthomn is-Salmi, kienu ta’ ispirazzjoni għal-letteratura tagħna, tal-Ewropa u tad-dinja kollha bir-Reliġjonijiet li jemmnu f’Alla wieħed.  Sa mill-bidu, għalina, mill-Kantilena ta’ Caxaru, jinstemgħu l-eki tal-versi tas-Salmi.  Il-Bibbja kienet ta’ ispirazzjoni wkoll għall-pittura fid-dinja tal-Punent kollu, u l-iżvilupp tal-mużika beda mill-kant tal-liturġija li tagħmel użu qawwi mill-Bibbja.  Grazzi Professur Saydon, u grazzi wkoll għal tradutturi oħra minuri, fosthom Patri Ġeraldu Paris, Dun Xand Cortis u s-Sur Alfons Maria Galea, li qalbu għall-Malti xi wħud mill-Kotba Sagri.  Ix-xogħol ta’ Richard Taylor u ta’ Mikiel Anton Vassalli baqa’ għal kollox barra mill-għatba tal-knejjes Kattoliċi.

Iżda barra mill-Bibbja, il-kultura tagħna (Ewropea, iżda wkoll tad-dinja kollha), xorbot ħafna miċ-ċiviltà tal-Greċja antika.  Il-Filosofija (dejjem insemmu lil Aristotli u lil Platun, iżda kienet skola sħiħa), il-Letteratura (il-poeżija, lirika u epika, id-dramm, l-istorja, id-diskors pubbliku, fil-Qorti u fl-Assemblea); l-Arti Figurattiva, speċjalment l-iskultura; l-arkitettura. Il-Griegi tal-qedem tawna wkoll is-sisien tad-demokrazija.  Kienet ċiviltà kbira, li mbagħad ħadu fuqhom ir-Rumani; żiedu l-kittieba kbar u l-arkitetti u l-inġiniera ċivili tagħhom, u xerrdu kollox ma’ kullimkien.  Intant, din il-letteratura “Klassika” kienet tasal għandna jew bit-Taljan jew bl-Ingliż, għaliex ftit kienu jistudjaw il-Grieg antik, u n-numru ta’ dawk li studjaw il-Latin qiegħed dejjem jonqos.  Għalija li studjajtu, hija ħasra.

Dak li Saydon għamel għall-Bibbja beda jagħmlu l-Ġiżwita naxxari Victor Xuereb, għall-kultura klassika.  Qaleb għall-Malti t-tlett poemi epiċi maġġuri tal-Letteratura Klassika: ‘L-Odissea’ u ‘L-Ilijade’ mill-Grieg, u ‘L-Enejde’ mil-Latin.  Huma stejjer u parabboli: tal-vjaġġ li jfittex il-ġdid, tal-Assedju biex jinfed l-antik, tal-bidu mill-ġdid wara telfa.  Victor Xuereb qaleb dawn l-eluf ta’ versi għal versi endekasillabi bil-Malti.  Midd idejh ukoll għal xogħol iktar diffiċli: qaleb għall-Malti ‘Ir-Repubblika’ ta’ Platun, li huwa trattat filosofiku dwar il-politika.  Patri Victor Xuereb ħalla warajh opra monumentali li ma niddejjaqx inqiegħed ħdejn dik ta’ Saydon, u li sabet min ikompliha: ta’ min isemmi t-traduzzjoni li s-Sur Karmenu Serracino għaddielna ta’ ‘L-Arti Poetika’ ta’ Aristotile, ħames snin ilu.

Saydon iltaqa’ ma’ diffikultajiet fil-pubblikazzjoni ta’ xogħlu, ħajtu kollha.  Niftakru meta jiena kont għadni student l-Università u editur tal-Malta Letteraria, fl-Empire Press fi Triq San Pawl, il-Belt, jikkoreġi l-bozzi tal-aħħar kotba tat-Testment il-Ġdid.  Kien igerger li kieku ma kinux is-Soċi tal-Museum li jixtru ċertu numru ta’ kopji, kien iħossu li ħadd ma japprezza x-xogħol tiegħu.  Smajtu darba jagħti lezzjoni memorabbli fuq il-Ktieb ta’ Rut.  Meta sirt avukat, darba minnhom il-Professur Dun Karm Sant, dixxiplu u suċċessur tiegħu, ħadni għandu għal parir fuq xi manuskritti.  Il-Bibbja ta’ Saydon damet l-għexieren tas-snin ħierġa ktieb ktieb, u kien wara ħafna żmien, u bl-għajnuna tas-Soċjetà tal-Museum, li ġiet ippubblikata bħala volum wieħed.

Meta kont Ministru tal-Edukazzjoni u sirt naf bix-xogħol ta’ Patri Victor Xuereb, li kien għadu għaddej, tkellimna fl-uffiċċju tiegħu u ftehemna li nirranġa biex l-istampar tat-traduzzjoni ta’ ‘L-Odissea’ ssir mill-Ministeru.  Hekk sar, u ktibt il-preżentazzjoni fil-5 ta’ Lulju 1989.  Konna qegħdin naħsbu biex nintroduċu ‘L-Oqsma tal-Għerf’, u l-għatx għall-iskoperti u l-esperjenzi ġodda li kellu Ulisse (Odissews), kien jaqbel li ssibhom bil-Malti.  Meta lesta t-traduzzjoni ta’ ‘L-Ilijade’ kont President, iżda r-Rettur Professur Peter Serracino Inglott, u s-suċċessur tiegħi fil-Ministeru Louis Galea, ħasbu biex din it-traduzzjoni tiġi stampata mill-Università.  Talbuni nagħmel daħla.  Imbagħad il-ktieb tnieda fl-4 ta’ Ottubru 2000 fil-Kavallier ta’ San Ġakbu.  Introduċa Ġorġ Peresso u tkellmu Peter u Louis.  Qara’ xi biċċiet, u bħas-soltu qaxxarhom, Philip Farrugia Randon.  Patri Xuereb kompla sejjer u qaleb għal ilsienna xi drammi ta’ Sofokle, ‘Ir-Repubblika’ ta’ Platun u ‘L-Enejde’ ta’ Virġilju.  Issa kont irtirat, iżda l-ħabib tagħna Toni Cortis ftiehem ma’ Michael Schiavone biex ‘L-Enejde’ u ‘Ir-Repubblika’ jiġu pubblikati mill-PIN, wieħed fl-2004 u l-ieħor fl-2008.

Patri Victor Xuereb, barra minn kultura klassika (kien jaf l-Ebrajk sewwa, barra mill-Grieg u l-Latin) u kien jikteb u jitkellem tajjeb ukoll il-lingwi moderni, kellu Malti sabiħ, b’vokabularju għani ħafna.  Kien isaħħarni meta nisimgħu: sew meta kien l-Isla u kien jagħtina omeliji mirquma, kif ukoll meta nitkellmu privatament fl-uffiċċju tiegħi fil-Ministeru.  Barra minn saċerdot eżemplari kien ċittadin u patrijott, li ħallielna traduzzjonijiet ta’ kapolavuri tal-kultura tad-dinja kollha.  Miet fis-26 ta’ Awwissu li għadda, u meta qaluli bdew għaddejjin minn quddiem għajnejja tant ġrajja, u tant diskors ta’ bniedem ta’ Alla, li serva lill-bnedmin ħutu b’tant dedikazzjoni.  U nista’ nżid b’tant għerf, poeżija u kultura.

Ħaqqu wisq iktar minn monument.  Ħaqqu l-ġieħ u t-tifkira tan-nazzjon tagħna.

Kapitolu ġdid





1.      Din il-ġimgħa rajna l-Kap tal-partit, Dr Adrian Delia, jsir membru parlamentari u wara jingħata l-ġurament ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.  Dan kien l-ewwel pass li qed jeħodna lejn tmexxija ġdida tal-partit tagħna.  Jonqos passi oħra.  Hemm karigi li għad iridu jiġu mimlija b’persuni li huma validi u kapaċi.  Bnedmin li ser jidħlu, kif għamlu ta’ qabilhom, għal sagrifiċċji personali.  Il-politika titlob minn min irid jeħodha bis-serjetà li dan isir.  Proprju għalhekk li sejrin inkomplu f’din il-linja demokratika bil-parteċipazzjoni tal-Kunsilliera u t-tesserati tagħna.

Spirtu ta’ solidarjetà

2.      Proċess li jitlob attenzjoni u fl-istess ħin li ma jdumx ma jiġi magħluq.  Żgur mhux forsi li d-deċiżjoni sabiex l-elezzjonijiet għall-karigi kollha jingħalqu kemm jista’ jkun malajr, mingħajr dewmien żejjed, intlaqgħet tajjeb.  Għandna bżonn li ma ndumux sa Frar u li nlestu dan sal-aħħar ta’ Novembru.  Hemm għarfien aqwa tar-realtà politika u ta’ dak li l-partit irid jaffronta quddiemu fix-xhur li ġejjin.  Hemm ukoll spirtu ta’ solidarjetà u għaqda li qiegħed jidħol id f’id ma’ dan.  Ammirajt partikolarment lil Jean Pierre Debono li ċeda s-siġġu li kien kiseb għall-ewwel darba f’din l-elezzjoni.  Miegħu ngħaqqad lill-kandidati tal-partit li kienu deċiżi li, jitla’ minn jitla’ fil-by-election, kienu ser iċedu s-siġġu.

Proċess veloċi

3.      Għall-kuntrarju ta’ ħaddieħor, il-proċess li bih il-Kap tal-partit ħa postu fil-Kamra tad-Deputati ma damx.  Kien veloċi proprju għax għall-kuntrarju ta’ x’setgħu ħasbu dawk li m’humiex parti mill-partit, hemm sens ċar u qawwi bejnietna li t-triq tagħna lkoll hija lejn l-għaqda interna.  Għall-kuntrarju ta’ dak li ħaddieħor seta’ ttama, dan il-proċess, għalkemm ġieb opinjonijiet differenti, ma wassalx għal firdiet.  Setgħu ntużaw kliem li ma kienux proprju indikati.  Kien hemm min ma kkontrollax lilu nnifsu u tbaxxa f’insulti u kliem iebes, imma dan ma ġiebx qasmiet.  Minn dak li rajt u minn dak li smajt, inħossni iktar kunfidenti naħseb li ma’ kull jum, il-partit ser ikompli jissoda u l-biċċiet kollha tal-mużajk jingħaqdu biċċa biċċa lura fil-ħin u ż-żmien tagħhom.

Lura f’daqqa

4.      Irridu nġibu l-forzi tagħna lura f’daqqa, jaħdmu u kapaċi.  Irridu nassiguraw li aħna lkoll nifhmu li għandna dmir lejn min ivvutalna biex nirrappreżentawh li nagħtu l-aħjar tagħna.  Il-politika ssir minna.  L-aġenda għandna l-opportunità li nimmarkawha u nagħġnuha aħna.  Fil-passat kien hemm diversi mumenti meta rnexxielna nagħmlu dan.  Il-bieb huwa miftuħ issa u rridu nifhmu li f’din it-tieni leġislatura dan ser ikollna aktar mumenti li nwettquh.  Dan huwa partikolarment importanti fil-kalendarju parlamentari.  Dan għax għada t-Tnejn, il-Gvern ser iressaq il-Budget.  Ser ikun l-ewwel wieħed ta’ din il-leġislatura u tal-partit b’Kap tal-Oppożizzjoni ġdid.  Ser ikun interessanti li wieħed jeżamina l-kontenut, ir-retorika u l-messaġġi li l-Gvern irid jibgħat barra.

Ħidma ta’ skrutinju

5.      Għall-ġimgħat li ġejjin, aħna l-membri parlametnari ser għalhekk ikollna iktar fuq x’hiex nikkonċentraw l-azzjoni u l-ħsieb tagħna.  Irridu nifhmu li l-partit irid iwieġeb għal din is-sejħa.  Iwieġeb billi jidħol għall-kontroll u skrutinju li rridu nagħmlu b’diliġenza u attenzjoni fis-setturi rispettivi li ġejna mogħtija.  Ikun żball jekk dan l-eżerċizzju ma jsirx kif għandu.  Għax m’għandniex nippermettu lill-Gvern jaħseb li jista’ jgħaddi minn fuqna.  Proprju għalhekk li m’għandniex noqogħdu lura f’diskorsna.  Ngħidu li għandna ngħidu b’mod ċar, dirett u intenzjonat sabiex min qiegħed imexxi jifhem li għandu diversi partijiet minnu li m’humiex jaħdmu tajjeb, li huma traskurati u oħrajn li qed jintelqu, issa li qegħdin lura fil-poter.

Appoġġ sħiħ

6.      M’għandix dubju li f’dan l-eżerċizzju ser ikollna l-appogg tal-membri u votanti tal-partit.  Anqas ma niddubita li ser ikollna lura f’postha l-ħidma tal-mezzi ta’ komunikazzjoni li, fortunatament, aħna għandna.  Ħidmet il-membri parlamentari hija, fiha nfisha, importanti.  Però m’għandhiex tiddependi fuq ix-xandir tas-seduta parlamentari.  Jista’ jkollha ferm iktar saħħa b’rappurtaġġ iktar dettaljat, veloċi u faċli biex jinqara’.  Il-gazzetti tagħna In-Nazzjon u Il-Mument, flimkien ma’ Radio 101 u Net għandhom sehem kruċjali f’dan.  Importanti li nibdew minn issa nutilizzaw aħjar dak li għandna għad-dispożizzjoni tagħna.  Iktar u iktar meta nafu lkoll li għandna diversi ġurnalisti mimlija b’ħeġġa u esperjenza.

Direzzjoni differenti

7.      F’dawn il-jiem il-partit qiegħed għalhekk jikteb kapitolu ġdid fl-istorja tiegħu.  Qiegħed jidħol għal staġun politiku ġdid.  Kif rajna diġà f’dawn il-ġimgħatejn li għandna lil Dr Adrian Delia Kap ġdid, hemm direzzjonijiet differenti, hemm mod ġdid ta’ kif qed issir il-politika mill-partit tagħna.  Għal dawk li jsegwu u qed jaraw, dan isir jum wara jum.  Qed jifhmu li dan il-partit qiegħed jiġbed aktar nies lejh.  Hemm entużjażmu li ħlief tul l-elezzjoni ġenerali ma konniex naraw qabel li dieħel biċċa biċċa.  Il-pajjiż tagħna jixraqlu dan.  Jixraqlu li jkollu Partit Nazzjonalista b’saħħtu, li jwieġeb għar-realtajiet u l-bżonnijiet tiegħu.  Bħalma sar fil-passat, m’għandniex dubju li dan ser jirnexxilna nwettquh u nwettquh tajjeb.  Għax għandna diversi bnedmin ta’ rieda tajba fi ħdanna li huma kapaċi, li huma mmexxija mill-ġdid minn min huwa hekk mimli b’kapaċità u abbiltà.


11.10.17

Il-Gvern Laburista jivvota kontra li ssir diskussjoni pubblika u trasparenti dwar l-immaniġġjar tal-iskart.


L-Oppożizzjoni lesta tgħin lill-Gvern bla pjan

F’laqgħa li saret ilbieraħ filgħaxija, il-Membri Parlamentari minn naħa tal-Gvern ivvutaw kontra t-talba li għamlet l-Oppożizzjoni biex il-Kumitat dwar l-Ambjent jiddiskuti d-deċiżjoni tal-Gvern li jibni impjant ġdid li fih ikun ipproċessat l-iskart u li minnu se tkun iġġenerata l-enerġija.

Waqt din il-laqgħa il-Membri Parlamentari minn naħa tal-Gvern (Alex Muscat, Roderick Galdes u Clint Camilleri) għamlu oppożizzjoni sħiħa għat-talba tal-Oppożizzjoni u baqgħu jistaħbew wara l-kumitat tekniku li l-Gvern waqqaf ftit tal-ġimgħat ilu.

Bħala kompromess, għax lesta li tgħin, l-Oppożizzjoni b’rieda tajba, pproponiet li l-Kumitat dwar l-Ambjent għandu f’dan l-istadju jibda billi jisma’ lill-Ministru Jose Herrera u lill-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ kif ukoll jiġu ppreżentati l-istudji kollha li saru dwar dan is-settur. Dwar din il-proposta l-Membri Parlamentari minn naħa tal-Gvern għall-ewwel qalu li r-rapporti huma diġà kollha pubbliċi iżda meta ffaċċjati bil-fatt li l-Gvern kien qed jirrifjuta li jippubblikahom huma bdew jagħmlu oppożizzjoni sħiħa għal din it-talba sempliċi.

Kien għalhekk li l-Oppożizzjoni talbet li jittieħed vot u li matulu l-Membri minn naħa tal-Gvern ivvutaw kontra li ssir diskussjoni pubblika u trasparenti fil-Kumitat dwar l-Ambjent kif l-Oppożizzjoni talbet li jsir.

L-Oppożizzjoni tqis l-attitudni tal-Gvern bħala waħda negattiva ntiża biss biex iżżomm moħbija l-pjanijiet tal-Gvern f’dan is-settur tant kruċjali għal pajjiżna.  Għalhekk l-Oppożizzjoni tinsisti li l-Gvern biex b’mod immedjat jagħmel pubbliċi l-istudji kollha li saru dwar dan is-settur bil-għan li tkun tista’ ssir id-diskussjoni u l-iskrutinju pubbliku li l-Gvern ma jridx li jsiru fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna, il-Parlament, kif ipproponiet li jsir l-Oppożizzjoni.

L-Oppożizzjoni lesta tgħin Gvern bla pjan, iżda l-Gvern irid jieqaf iwebbes rasu u jibda jaġixxi bis-serjetà fl-interess nazzjonali. 

Karol Aquilina
Kelliem għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima

11.10.17​

KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...