14.12.13

Jgħixu f’dinja oħra*




1.         Wieħed mill-awturi li nibqa’ nieħu gost naqra huwa Herman Melville.  F’diversi mill-kotba tiegħu hemm għaddejja t-tema tal-“ħarba” (escapism).  Kif il-bniedem mir-realtà u jidħol jgħix f’dinja oħra maħluqa minnu nnifsu.  Dinja ġewwa dinja.  Dinja immaġinarja ssir, għal dawk il-persuni, r-realtà.  Kull persuna kapaċi twettaq dan fil-kitba bħal ma Melville irnexxielu tant tajjeb f’”Typee” però fil-politika ma tistax tgħix fil-fantasija, imma trid taffronta dik li hemm verament fil-ħajja.

2.         Rajt f’dawn il-jiem dak li ġie dikjarat miż-żewġ Oppożizzjonijiet, dik “telliefa” u dik “rebbieħa” fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ pajjiżna.  Hawn tinduna kemm f’din is-soċjetà tagħna jinsabu bnedmin li m’humiex janalizzaw tajjeb l-affarijiet intenzjonalment u qed jispiċċaw jidħku bihom infushom u bis-segwaċi tagħhom.  Ngħid dan għax huwa tal-iskantament kif jibqa’ jkun hemm min imeri s-sewwa u jrid jibbumbarda lill-poplu, l-ewwel, il-gidba li l-kriżi finanzjarja mondjali ħoloqha l-Gvern; u t-tieni, l-esaġerazzjoni l-oħra li l-ekonomija tal-pajjiż sejra l-ħin kollu lura.

3.         Għalkemm hemm min jaħseb fil-Partit Laburista li l-opinjoni pubblika hija magħmula minn bnedmin li ma jqisux u ma jarawx x’inhuwa għaddej fid-dinja, ir-realtà hija l-kontra.  Il-midja Maltija diġà kellha l-opportunità tispjega kif ekonomiji oħra fi Stati fid-dinja marru l-baħar, għalkemm illum nafu li mhux kulħadd isegwi.  L-Islanda huwa wieħed minn dawn il-każijiet klassiċi, però m’huwiex uniku.  Il-Latvija huwa anzi eżempju ieħor issa ta’ Stat mhux barra l-Unjoni Ewropea u jrid jidħol, iżda ta’ min qiegħed diġà ġewwa l-Unjoni.

4.         Il-Latvija ntlaqtet ħażin ħafna tant li f’dawn ix-xhur kellhom jidħlu għal dejn ikbar ma’ dak li diġà għandhom.  Fil-fatt, f’Diċembru huma daħlu għal debitu ta’ 7.5 biljun ewro li ġew minn numru ta’ istituzzjonijiet, l-IMF b’1.7 biljun ewro u l-Unjoni b’3.1 biljun.  Dan għax il-pajjiż qiegħed jara tnaqqis ta’ 17% tal-prodott gross domestiku tiegħu.  Mhux biss, imma fost il-kundizzjonijiet li daħlu għalihom hemm li l-Latvija trid tneħħi 30% tal-persuni li jaħdmu fiċ-Ċivil għax hemm bżonn li jkun hemm ekwilibriju aqwa mas-settur privat.  Apparti dan hemm ukoll il-bżonn tat-tnaqqis fil-pagi ta’ diversi ħaddiema fis-setturi tax-xjenza u l-ekonomija.

5.         Is-sitwazzjoni sforz il-kriżi globali u mhux kaġun ta’ xi miżura li ħadna f’pajjiżna wasslet lil dak il-pajjiż biex jibdel il-Gvern fost diversi rvelli u, terġa’, l-Prim Ministru l-ġdid Valdis Dambrovskis qiegħed jipprova jdaħħal l-użu tal-munita ewro anke mingħajr ma jiġi aċċettat mis-sistema li dħalna fiha aħna.  Fortunatament f’pajjiżna ma għandna xejn minn dan.  Il-Gvern baqa’ stabbli, persuni minn mas-settur pubbliku ma tkeċċewx, dawk fl-edukazzjoni ma rawx tnaqqis u anqas ma dħalna għal djun bħal dan.

6.         Ftit jiem ilu, l-ġurnal “The Economist” saħansitra qal: “New figures from economists at the IMF suggest that the public debt of the ten leading rich countries will rise from 78% of GDP in 2007 to 114% by 2014”.  Din hija l-pożizzjoni ta’ pajjiżi oħra.  Tagħna minn dan m’huwiex għaddej.  Anke jekk il-Ħadd li għadda kien hemm min qiegħed jiddikjara li m’aħniex immexxu tajjeb f’artikolu li semma “M’aħniex iggvernati tajjeb”.  Dan għandu jirrikonoxxi li ma sarx id-debitu li daħal għalih hu.  Id-dejn nazzjonali f’inqas minn sentejn sploda.  Illum, minkejja kollox, baqa’ kważi fejn hu.  Dan hu frott ħidma tajba u ffukata li ma tingħatax informazzjoni biżżejjed dwarha, imma hemm qegħda.  Pajjiżna tajjeb miexi.

*Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Mument tal-5 ta Lulju 2009.

Għala jiġu eletti l-gvernijiet*




1.         Il-politika f’pajjiżna hija parti minn proċess li ħakem diversi soċjetajiet fid-dinja.  M’għandna xejn ta’ barra minn hawn fl-istrutturi demokratiċi tagħna – isegwu dak li nbeda f’komunitajiet oħra u nħaddmuhom tajjeb.  Meta tqis kemm daħlu organiżmi legali ġodda f’dawn is-snin u tħares lejn x’forma ta’ Gvern kien ikollna u dak li għandna llum wieħed japprezza ferm iktar kemm il-Partit Nazzjonalista, fil-ħidma governattiva tiegħu, sarraf soċjetà kompletament ġdida.  Il-pajjiż tmexxa u għadu qiegħed jitmexxa minn Gvern li jaf jiggverna, u dan qed jagħmlu tajjeb.

2.         Nistgħu nsibu persuni li ma’ dan ma jaqblux u minflok iressqu argumenti differenti, negattivi fix-xejn mingħajr ma jsostnu l-argumenti tagħhom sewwa.  Rajt diversi tipi ta’ dawn l-argumenti bħal dik li għax hawn kriżi ekonomika fid-dinja, għax hemm numru ta’ setturi, fosthom it-turiżmu, li qed jaraw tnaqqis kullimkien hija evidenza ta’ dan.  Wieħed saħansitra sostna li għax ma deherx riklam fuq pajjiżna f’gazzetta Ingliża li ma tantx tinxtara, allura dan ifisser li m’aħniex iggvernati tajjeb.  X’argument?  Qisu tkun hekk immexxi skond kemm tħallas għar-riklami!

3.         Ma’ dan kellna wkoll min qiegħed jipprova juri li l-Partit Laburista nbidel issa f’dan il-fenomenu ġdid li ħadd ma sema’ bih ta’ “moviment”.  Infakkruh kemm fi żmien il-ġenerazzjoni Soċjalista (mhux rebbieħa) kienu jkellmuna fuq il-Moviment tal-Ħaddiem, però hawn issa hawn bidla.  Spiċċa l-ħaddiem u baqa’ l-moviment. Ra din id-differenza għax, skont hu, sar wieħed progressiv u għax, skont hu, qiegħed iġib persuni li qabel ma kienux jivvutawlu biex hekk jagħmlu.  L-isbaħ u l-aħjar insibuh fejn irrimarka li moviment politiku jsir progressiv u fejn le.  Biss dan huwa kollu duħħan fl-arja.  Duħħan għax dan it-tip ta’ diskors smajnieh fl-1976, fl-1986 u fl-1996.  F’dik ir-rebħa elettorali Laburista, il-kliem “moviment” u “progressiv” konna smajniehom ukoll, imma r-riżultati tal-ħidma ta’ dak il-Gvern Laburista wrew bil-fatti li altru dak li kien ingħad u altru dak li sar. 

4.         Il-Partit Laburista fuq dan qiegħed jipprova juri ruħu bħala “progressiv” u jgħid li l-Partit Nazzjonalista huwa konservattiv.  Dan m’huwa minnu xejn.  Il-Partit Nazzjonalista m’huwiex konservattiv politikament, m’huwiex marbut li jħalli s-soċjetà fejn hi, anzi l-esperjenza fil-Gvern kienet proprju l-kontra.  Kapaċi jibdel, imexxi ‘l quddiem, però b’attenzjoni, kawtela u mhux b’irresponsabbiltà.  Il-pajjiż inqaleb ta’ taħt fuq proprju għax aħna konna u għadna progressivi ferm iktar minn ħaddieħor.  L-istrateġija politika tal-Partit Laburista hija li tipprova tgħid li huma progressivi għax iridu d-divorzju u għax id-drittijiet tal-persuni li qed jikkoabitaw u ta’ wliedhom għadhom mhux f’leġislazzjoni waħda li jista’ jsibha faċilment min mhuwiex avukat.

5.         Dan huwa wkoll stramb, l-ewwel għax ma hemm xejn ġdid fil-proposta Laburista li jridu l-introduzzjoni tad-divorzju.  Dan sar diġà tlettax-il sena ilu u wara Kummissjoni li kienet ipproponiet l-introduzzjoni tal-medjazzjoni, kollox baqa’ hemm.  Ma kienx hemm maġġoranza ta’ persuni li kkonvinċew irwieħhom fil-pajjiż li d-divorzju ser ikun ta’ ġid soċjali għall-pajjiż.  Anke fuq persuni li qed jikkoabitaw, dan huwa settur fejn, kuntrarjament għal dak li ngħad, diġà ttieħdu numru ta’ passi sabiex dawn il-persuni jkunu protetti.  L-ewwel tneħħiet id-distinzjoni fil-Kodiċi Ċivili tagħna li kienet tiddiskrimina bejn tfal imweldin fiż-żwieġ u dawk barra; it-tieni, fil-Qorti tal-Familja introduċejna l-medjazzjoni bejn koppji mhux miżżewġa għar-rigward tal-futur tat-tfal meta ma jaqblux; it-tielet, fil-Liġi dwar il-Vjolenza Domestika daħħalna wkoll il-koppji mhux miżżewġa li qed jgħixu flimkien kif ukoll lil dawk li ma baqgħux li għalihom u għal uliedhom hemm l-istess forma ta’ protezzjoni legali; ir-raba’, li fis-sistema għall-għoti tal-kumpens lill-vittmi tar-reat daħħalna d-dritt għat-talba għal dawk li kellhom dipendenza finanzjarja fuq min huwa vittma u l-ħames, ressaqna emenda fil-Kodiċi Kriminali sabiex digriet tal-Qorti tal-Familja għall-ħlas tal-manteniment ta’ ulied ta’ koppja mhux miżżewġa jiġi kkunsidrat bħala kontravvenzjoni kriminali, kif inhuwa ta’ oħrajn, jekk ma jitħallasx.  Hemm iktar xi jsir li qed jiġi preparat, imma mxejna passi ‘l quddiem, u sew.

6.         Il-poplu tagħna għandu fih diversi persuni li qabel jesprimu l-vot tagħhom f’Elezzjoni Ġenerali jqisu tajjeb.  Jikkalkulaw minn huwa kapaċi jiggverna tajjeb pajjiżhom, min apparti mid-diskors tal-mument jarah li meta hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet jaf jeħodhom.  Il-Partit Nazzjonalista, f’diversi appuntamenti, irnexxielu jwettaq dan mhux għax isaħħar lin-nies, imma għax il-pajjiż jifhem x’inhuma l-għażliet quddiemu.  Ma’ kull vot, ma’ kull appuntament titwieled koalizzjoni li qabel ma kenitx teżisti.

7.         Jekk hemm xi ħadd li jaħseb li l-voti ma jiċċaqilqux qiegħed jiżbalja.  Ma’ kull elezzjoni jkun hemm min iħoss li għandu jbiddel l-għażla, u hemm varjetà f’dan.  Tul dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm min kemm ivvota lill-Partit Nazzjonalista u kien hemm il-kontra, min dawwar il-vot minn dak Laburista għall-Partit Nazzjonalista.  Dan ma fih xejn barra mis-soltu, imma huwa sempliċement ir-realtà, jekk trid aċċettaha inkella ibdilha f’ħaġa oħra.  Ma’ kull appuntament elettorali, kull partit irid juri li għandu politika, sistema, valuri, prinċipji li kapaċi jafferma u jħaddem lejn il-futur.

8.         Niftakar snin ilu meta l-Partit Nazzjonalista kien fl-Oppożizzjoni u kien jitlef l-appuntamenti elettorali.  Id-diskors bejn il-partitarji, fuq il-ġurnal tal-Partit kien ikun li l-Partit Laburista għandu warajh votanti li “ma jaqilbux”.  Niftakar kemm-il konversazzjoni kont insibni nisma’ ma’ dawk is-segwaċi wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-1971 u dawk ta’ wara l-1976.  Kliem li kien idur fl-arja li tressaq biss il-proġett finali f’ħaġa waħda: kemm kapaċi “taqleb” nies.  Ir-realtà kienet kompletament differenti.  Dak li kien l-effett kien qed jitħallat mal-kawża.  Il-kaġun ta’ kollox kien li l-Partit Nazzjonalista, għalkemm kien viċin ħafna fl-1976, ma kienx qed jikkonvinċi li għandu l-abbiltà li jmexxi ‘l quddiem il-pajjiż bil-kwalitajiet tat-tmexxija u bis-sustanza tal-politika tiegħu.

9.         Dan inbidel wara l-1987 bit-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami, mhux għax kien wiċċ ġdid imma għax kien kompletament differenti.  Wera li l-Partit Nazzjonalista għandu fi ħdanu ġabra ta’ persuni li kienu kompletament ġodda u preparati sabiex jieħdu t-tmexxija ta’ l-Istat b’varjetà kbira ta’ ideat ġodda.  Il-messaġġ li kien qiegħed iwassal dak iż-żmien kien dak ta’ sens u sustanza.  Messaġ li, terġa’ ma kienx faċli li twassal f’soċjetà fejn il-mezzi ta’ komunikazzjoni kienu maħkuma mill-partit fil-Gvern.  Radju wieħed, stazzjon tax-xandir wieħed, it-tnejn ċentri mhux ta’ informazzjoni imma ta’ propaganda fuq kemm il-Partit Laburista qed imexxi tajjeb u kemm aħna ma nafux.  Ħafna minn dak il-kliem għadu jidwi f’widinti sallum.  Lili kien idejjaqni, però ħaddieħor kien komdu jisimgħu u jiġġustifikah.

10.       Minkejja l-fatt li kellna kollox kontra, l-poplu għażel differenti.  Ried ibiddel lil min kien qiegħed imexxih u baqgħu ma ħallewhx.  Anke jekk l-akkaniment għall-klijenteliżmu żdied taħt l-amministrazzjoni Laburista tal-1981-1987 xorta l-pajjiż, bid-diffikultajiet kollha, qaleb il-paġna.  Dan sar mhux għax il-Partit Nazzjonalista “xtara l-voti” (ma setax), iżda għax hekk ried il-poplu.  F’kull Elezzjoni Ġenerali wieħed irid jaffronta dan.  Irid jikkonvinċi bil-fatti li huwa kapaċi jżomm jew jieħu t-tmexxija tal-Gvern f’idejh.  Iż-żmien, il-ftuħ demokratiku, l-avvanz fl-edukazzjoni, l-esperjenzi varji tan-nies anzi għollew ferm iktar minn qatt qabel id-doża ta’ l-analiżi tal-eżami li kull partit irid jgħaddi minnu.  Dan għax bqajna partit progressiv li jħares lejn il-futur b’saqajh mal-art, mhux diskors vojt.

*Dan l-artikolu deher fil-harga tan-Nazzjon tal-5 ta Lulju 2009.

Dak li messna għedna.*




1.         Mhux darba jew tnejn issib ruħek f’konversazzjonijiet, f’dibattiti, u wara li jgħaddu jibda għaddej minn ġo rasek dak li messek għedt u ma lissintx.  Hemm, meta tibda tħossok fuq sieq waħda, tkun moħħok f’ħaġa oħra u ssibek ħabta u sabta fi ħwejjeġ oħra.  Ma tistax tikkontrolla l-ħajja, tista’ biss tirrifletti wara u tgħid: dik stajt nagħmilha u dik messni le.  L-importanti li tagħraf fejn ma kontx daqshekk tajjeb u preċiż u timxi ‘l quddiem.  Għax irid jingħad ukoll li hemm mumenti meta jew tkun inti stess iebes fuqek innifsek jew issib lil ħaddieħor jikkritikak iktar u dan għax hemm dejjem fin-nofs il-pretensjoni tal-preċiżjoni assoluta.

2.         Ma hemmx dubju li, tagħmel x’tagħmel, ser issib min ma jaqbilx miegħek.  Għax hemm wisq min huwa ppreparat jitlaq jiġri malajr mingħajr ma jaħseb biżżejjed u jipprova jsiblek difetti żejda.  Dik hija r-realtà tal-ħajja u ma tistax tibdilha.  Tipprova tistinka u fl-aħħar tal-jum taf li huwa biss int innifsek li trid issib il-paċi.  Il-paċi li qed tipprova tagħmel il-ħajja tal-proxxmu aħjar milli hi mit-talenti li ngħatawlek u li tħaddem.  F’dan trid tibqa’ tħares lejn l-aspetti pożittivi tal-ħajja, lejn dawk il-bnedmin li japprezzaw u m’humiex tant lesti li jieħdu għalihom imma li janalizzaw u jqisu sewwa.

3.         Din l-aħħar elezzjoni Ewro-Parlamentari sabitna fuq naħa naħdmu sabiex nibdlu u, fuq l-oħra, li ser niġu ġġudikati qisna għamilna ħames snin u mhux sena biss fil-Gvern.  Naħseb li f’dan messna semmejna numru ta’ punti pożittivi li, sforz il-fatt li konna qed nippreparaw oħrajn ġodda, bqajna ma għedna xejn fuqhom.  Qisna ħsibna li kulħadd ser jiftakar fihom għax naħsbu li kull persuna hija ffissata fil-politika.  Ir-realtà hija vermanet differenti u forsi stajna semmejna dak li bqajna ħallejna barra u li fil-fatt għamel il-ġid lill-poplu.

4.         Ngħid dan għax din il-ġimgħa fhimt li ħallejna barra mid-diskussjoni Ewropa l-vantaġġi tas-sistema Schengen.  Minn meta dħalna f’dan il-mekkaniżmu ta’ sigurtà l-Maltin u l-Għawdxin, bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea għandhom il-vantaġġ li jistgħu jsiefru f’diversi pajjiżi tal-Unjoni mingħajr id-diffikultajiet li kellhom qabel.  M’għadx hemm il-bżonn li naħlu ħin twil minn ajruplan għall-ieħor biex nuru l-passaport jew li noqogħdu kull darba ngħaddu mill-mekkaniżmi ta’ sigurtà, li kibru tant wara l-11 ta’ Settembru.  M’għandix dubju li qattajna ħafna ħin nistennew fuq ix-xwiek bil-biża’ li ser nitilfu ajruplan.  Dan illum għaddejnieh.  Mhux biss, imma żidna fis-serjetà tagħna għax il-pajjiż ingħaqad ma’ oħrajn f’iktar koperazzjoni.

5.         Mhux biss is-Schengen, imma anqas ma tkellimna fuq il-vantaġġi li l-Ewropa ġabitilna fis-settur finanzjarju.  Il-pajjiż kellu diġà sistema verament avvanzata u ħadd ma jista’ jneħħi minn dan il-mertu tal-Partit Nazzjonalista, però bid-dħul tagħna fl-Unjoni żidnieh sew.  L-investiment finanzjarju hawn kien u għadu għaddej b’ritmu tajjeb.  Ovvjament u naturalment, dan ma jseħħx mix-xejn imma frott il-fatt li dan il-pajjiż gawda f’dawn is-snin minn paċi, stabilità u prosperità li qabel ma kellux.  Min qiegħed f’dan is-settur jgħidilna kemm dan huwa minnu.  Jgħidulek ukoll kemm dan is-settur ħoloq xogħol u kemm irnexxielu jiggarantixxi l-ekonomija tagħna.  Dan seħħ mertu ta’ dan il-Gvern, li mhux biss mexxa ‘l quddiem imma ħa ħsieb li jsostni kollox bid-dħul fl-Unjoni.

6.         Aktar minn dan, bnejna wkoll b’ħafna passi tajba s-settur marittimu u dak tat-turiżmu.  Il-fatt li għandna servizzi verament avvanzati għal dawk il-ħafna li qed ifittxu li jduru l-portijiet tal-Mediterran tul is-sajf bid-dgħajjes lussużi, u l-fatt li komplejna kabbarna l-abbiltajiet tagħna fir-reġistrazzjoni tal-bastimenti huwa żgur mertu ta’ din il-politika li ħaddan il-Partit u li fl-Unjoni Ewropea m’hemmx dubju li ssudat.  L-istess is-settur tat-turiżmu, li ħadd ma jista’ jmeri li kien ukoll il-viżjoni fit-tul tiegħu li biddlitu u ttrasformatu fil-potenzjal enormi li għandu fil-preżent.  Ħadd ma jista’ jiddubita, l-ewwel, li kull Gvern Nazzjonalista ħadem bis-sħiħ għal dan u, t-tieni, li d-dħul tagħna fiż-żona ewro u fl-Unjoni ġiebuna f’possibiltà li niġbdu aktar turisti lejna milli qatt stajna qabel.

7.         Hemm ferm iktar punti li nista’ nagħmel, bħal pereżempju l-biljuni li l-kumpannija Lufthansa Teknik investiet magħna, però dan l-artikolu qasir wisq.  Il-punt li hemm bżonn li jsir huwa li rnexxielna nibnu pajjiż ferm iktar sod milli ħaddieħor jipprova jpinġih.  Wieħed li qiegħed javvanza sew u qiegħed jagħti frott lil dan il-poplu.  Dan kollu nafuh u jmissna nsemmuh u nispjegawh iktar.  Il-poplu jitolbu u jifhem kemm xogħol sar u qed ikompli jsir.

*Dan l-artikolu kien deher fil-Mument fil-21 ta Gunju 2009.

Id-direzzjoni importanti, mhux l-uċuħ.*




1.       Id-diskorsi ta’ din il-ġimgħa jixirqu riflessjoni.  Dak tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni t-Tnejn, u t-tweġiba ta’ l-Erbgħa tal-Prim Ministru fihom x’wieħed janalizza.  OvVjament, dak ta’ kap ta’ partit, l-ieħor kien l-ewwel wieħed tiegħu.  Ma kien faċli xejn għalih, iktar u iktar meta daħal daqshekk tard fil-Parlament bħala Membru.  L-intelliġenza jista’ jkollok, ħażen ukoll, però l-esperjenza ma ġġibha b’xejn jekk mhux bit-trapass taż-żmien.

2.       Għax jidher ċar li kien hemm il-ħeġġa li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jagħżel toroq ġodda, li però mhuwiex jaqbad.  Ħafna sustanza minn diskorsu, deher mill-iktar ċar f’partijiet minnhom, li kienu miktuba minn ħaddieħor.  Deher li kien diskors li jipprova jogħġob lil kull persuna ġewwa l-partit.  Bilanc, xi ħadd qalli.  Forma stramba ta’ poeżija, bejn dak li kellu l-poter, dak li hu llum u dak li jixtieq li jkun.  Nammetti, mhux faċli li jirnexxilek iġġib dan kollu f’daqqa.  Il-linja politika kienet tidher li taqleb il-ħin kollu minn linja għal fuq oħra.

3.       Però dan nifhmuh għax hemm proċess twil intern li għad iridu jgħaddu minnu sabiex jinċanaw l-iskaldi, apparti mill-arja li ċerti elementi jidhru li diġà għandhom u beħsiebhom iżommu.  Iktar ma taqra u tisma’, iktar tifhem id-diffikultajiet, li r-riedni għadhom mhux f’idejh u li mhux kulħadd qiegħed japprova din il-ħidma tal-“ġenerazzjoni rebbieħa”.

4.       Il-kuntrasti hawn huma iktar evidenti meta wieħed jikkonsidra l-Prim Ministru.  Ma naħsibx li nkun żbaljat jekk ngħid li wieħed irid jagħti iktar żmien sabiex persuna ta’ età żgħira timxi l quddiem għal dak li huwa mistenni minnha.  L-esperjenza u s-sens ta’ l-Istat u t-tmexxija tiegħu dehru mill-ewwel.  Id-diskors kien ċar u dirett sabiex ikun hemm spjegazzjoni ta’ dak kollu li ngħad.  Naħseb li l-iktar messaġġ ċar kien li l-attakki personali ma jagħmlu sens ta’ xejn.  Għalkemm, ma hemmx dubju li hemm disparità li tħossha l-ħin kollu, f’ebda mument ma pprova jieħu vantaġġ, jew b’xi mod iċekken lill-avversarju.  Il-linja politika hija diretta għall-argument għax il-poplu dak li jrid.

5.       Il-wiċċ taż-żewġ mexxejja deher il-ħin kollu fuq il-mezzi tax-xandir.  Ma kienx hemm uċuh doppji, anzi kien ċar kristall li dak li kien qiegħed isir kien indikat sabiex jikkonvinċi.  Wieħed ħares iktar biex iġib il-kunsens tal-partit u l-ieħor kellu l-vantaġġ li jrid iġib dak tal-poplu.  Fl-aħħar tal-ġurnata, deher ċar li l-Gvern qiegħed fuq it-triq li jfassal il-programm elettorali tiegħu.  Din hija r-raġuni, l-iskop li aħna fil-Gvern.  Għalhekk determinati li naħdmu sabiex ħames snin oħra nagħtu lura pajjiż aħjar milli ġie f’idejna.

*Dan l-Artikolu kien deher fil-Mument fis-16 ta Novembru 2008.

Sebgħin sena ilu, Anniversarju.*


 1.    X’messaġġ verament qawwi kien dak li għamel il-Papa Benedittu XVI tul il-ġimgħa li għaddiet li fakkar lill-Ewropa li sebgħin sena ilu kien hemm inċidenti li bdew riħ li spiċċa fl-agħar ġenoċidju.  Proprju fis-7 ta’ Novembru 1938, il-ġuvni Lhudi Herschel Grynszpan fi Franza qatel lid-dipolomatiku Franċiż Ernst vom Rath. Dak l-inċident qabbad nar ta’ razziżmu fil-Ġermanja, membri tal-poplu ħarġu jivvendikaw.  Ħwienet, sinagogi, djar u kull proprjetà tal-lhud sabu ruħhom fil-mira ta’ tkissir u tifrik.  Ħuġġieġa ta’ tifrik li wasslet pajjiż mimli b’kultura u letteratura bħall-Ġermanja fuq it-triq ta’ l-intolleranza, razziżmu u xenofobija li spiċċat wasslitha għat-traġedja tat-Tieni Gwerra Mondjali.

2.    Il-Papa Ratzinger iddeskriva dak li l-komunità Kattolika għaddiet minnu quddiem dan l-aġir żbaljat.  Huwa stess u familtu, li huwa magħruf kemm ma kellhom ebda simpatija lejn in-Nażiżmu, tant li missieru spiċċa trasferit minn naħa għal oħra proprju għax ma kienx nażist.  Huwa kompla semma kemm saċerdoti ħadu s-sogru għalihom u ħadu ħsieb jagħtu protezzjoni lil diversi Lhud.  Is-solidarjetà li ġiet eżerċitata tul it-Tieni Gwerra Mondjali mill-Knisja Kattolika hemm bżonn verament li tibqa’ tiġi mfakkra.  Ħidma minn persuni li għażlu s-sewwa u l-valuri tal-ħajja flok l-aġir irresponsabbli.  Aġir li fih iktar importanza quddiem l-akkużi żbaljati li Piju XII, b’xi mod aġixxa favur in-Nażiżmu.

3.    Anzi, dawn il-jiem għandhom ġustament iservu ta’ iktar riflessjoni fuq kemm huwa kontra l-bniedem u r-raġuni li wieħed jaġixxi b’mod u manjiera li, l-ewwel, iqajjem sentimenti kontra r-razza, u t-tieni li jħajjar lis-soċjetà sabiex tidħol fi gwerra.  Fil-fatt, biex iktar iżżid ma’ dan, il-11 ta’ Novembru huwa l-anniversarju tat-tmiem ta’ l-Ewwel Gwerra Mondjali.  F’dak il-konflitt, l-Ewropa rat atroċitajiet mill-ikbar.  Volum inkredibbli ta’ persuni li tilfu ħajjithom fil-miljuni b’mezzi mill-iktar kiefra.  Il-Ġermanja ħarġet umiljata sew minn dak il-konflitt.  Biss, minflok għażlet mexxejja li ħadu t-triq tal-paċi u t-tolleranza, spiċċaw b’mexxej bħal Adolf Hitler.  L-instabilità fil-pajjiż ġiet tradotta fl-iktar passi żbaljati li d-dinja Ewropea setgħet tieħu.

4.    Is-snin bejn l-Ewwel u t-Tieni Gwerrer Mondjali servew mhux sabiex tikber iktar l-istabilità ekonomika u l-paċi soċjali, imma morna preċiżament il-kontra.  Ir-responsabbiltà kienet waħda Ewropea għax kieku nbnew strutturi li rajna iktar tard, kieku dan kollu ma kienx iseħħ.  L-esperjenza qarsa li rajna titkattar u tissaħħaħ waslet sabiex flok tħares lejn futur fil-paċi, jkollok proprju l-kontra.  Is-Shoah, li fiha rajna l-poplu Lhudi fl-Ewropa jgħaddi minnha, kienet frott proprju taż-żerriegħa tal-ħdura u l-mibgħeda fix-xejn.  Id-diskorsi li Adolf Hitler għamel f’dawk is-snin, fejn seta’ jsaħħan, jgħajjar, iżeblaħ u jmexxi numru ta’ persuni b’diskor ta’ xenofobija, razziżmu u intolleranza u favur strateġija u intervent militari ma kellhomx jiġu permessi f’soċjetà li trid tikber u titkattar.

5.    Dawk is-snin, dak l-aġir barbaru, daħħal lilna l-Ewropej f’qoxritna.  Batejna lkoll.  Aħna wkoll tlifna ħajjiet ta’ Maltin, blajna kwantità kbira ta’ bombi u distruzzjoni.  Tlifna żmien ta’ żvilupp u tkabbir.  Kien għalhekk li fhimna li rridu nibnu qafas ġdid: wieħed mibni fuq il-valuri tal-ħajja, fuq id-dinjità tal-bniedem, fuq id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija.  Mhemmx dubbju li l-qafas innovattiv tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, u ftit wara l-bidu ta’ dik li llum hija l-Unjoni Ewropea.  Din l-esperjenza ġdida ta’ dawn il-pajjiżi biddlet ħafna.  Wasslet sabiex bnejna qafas ta’ dritt kompletament differenti milli kellna qabel.  Wasslet sabiex nassigurw li diskors razzista, xenofobiku, li jħajjar għall-gwerer jiġi mhux biss ikkundannat, imma dikjarat illegali u kriminali.

6.    Ovvjament, aħna wkoll dħalna f’dan il-proċess importanti.  Il-liġi tagħna wkoll għandha mekkaniżmi ġodda li qabel ma kellhiex, però hemm bżonn li tiġi ristrutturata.  Ħadna għalhekk ħsieb li, b’abbozz ta’ liġi li għandu jiġi ppreżentat f’dawn il-ġimgħat, li nerġgħu nżidu l-artikoli fil-Kodiċi Kriminali tagħna li jassiguraw li ma jkunux permessi fil-pajjiż tagħna ħidma jew diskors li jsaħħan il-poplu lejn ix-xenofobija, ir-razziżmu u l-gwerra.  Ir-razziżmu, x-xenofobija jridu jiġu kumbattuti bl-għeruq u x-xniexel.  Id-demokrazija hija valur li trid tiġi protetta u aħna determinati li nissudaw il-liġijiet tagħna sabiex nibqgħu pajjiż li jimxi ’l quddiem fl-istabilità u l-paċi.

 *Dan l-artikolu kien deher fil-gazzetta l-Illum fis-16 ta Novembru 2008.




12.12.13

Twissija ekonomika oħra lill-Gvern – wara n-numri hemm ħaddiema u familji


L-indikaturi ekonomiċi pubblikati jum wara l-ieħor mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qegħdin ikomplu jagħtu stampa differenti minn dik li qed jipprova jpinġi l-Gvern Laburista.

Illum, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fi stqarrija wera kif il-produzzjoni industrijali – li hija indikatur importanti tal-performance tal-fabbriki u l-kumpaniji ewlenin ta’ pajjiżna – li fuqhom jiddependu eluf ta’ ħaddiema, niżlet b’aktar minn 13% matul ix-xahar ta’ Ottubru meta mqabbel mal-istess xahar matul is-sena li għaddiet.

Din l-informazzjoni tiżdied ma’ pubblikazzjonijiet oħrajn tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li fl-aħħar ftit jiem biss urew tnaqqis kbir fl-esportazzjoni, tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku ta’ bosta setturi produttivi tal-ekonomija ta’ pajjiżna, u żieda fil-qgħad.

Dan kollu jorbot mad-deċiżjonijiet meħuda minn numru ta’ fabbriki ewlenin f’pajjiżna li jnaqqsu l-ħaddiema tagħhom jew jaqilbu għal four-day week, u d-deċiżjoni wisq aktar diskutibbli tal-Gvern Laburista li jinjora dawn ir-realtajiet daqslikieku xejn mhu xejn.

Din l-istatistika għandha sservi ta’ twissija oħra għall-Gvern Laburista biex jibda jieħu l-ekonomija ta’ pajjiżna bis-serjetà, u lil hinn mill-istatistika jagħraf li wara dawn in-numri hemm familji Maltin u l-ħobża ta’ kuljum tagħhom.

--
Mario de Marco
Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament

Kelliem għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar

10.12.13

Sitwazzjoni ta’ inkwiet




1.      Minn mindu nbidel il-Gvern ta’ dan il-poplu qed insibu ruħna f’sitwazzjonijiet komplikati fix-xejn.  Anzi, sforz in-nuqqas ta’ esperjenza u l-ħsieb li issa telgħet ix-xemx mentri qabel kien hemm dawl il-qamar li qed naraw lill-Prim Ministru jidħol f’basal li aħna, fl-għaqal tagħna, konna naħirbu.  Infakkar li ftit xhur ilu, appena tela’ fil-poter, kien għamel viżta malajr malajr fl-Ukrajna.  Mar hemm u ġie hawn jgħid li aħna konna ħallejna l-affarijiet lura.  Mar jiġri u issa fl-għaġġla bla sens qiegħed verament bejn il-basla u qoxritha.

2.            Il-pożizzjoni fl-Ukrajna sejra lura ma’ kull ġurnata.  L-Ewropa hija mimlija b’dikjarazzjonijiet fuq kemm id-demokrazija sejra lura u kemm il-poplu qiegħed jiġi trattat ħażin.  Il-pajjiż innifsu huwa mimli b’dimostrazzjonijiet, protesti, mozzjonijiet ta’ sfiduċja u ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.  Il-President attwali u fiċ-ċentru ta’ dan kollu huwa Vikto Yanukovych li ġie elett fil-pożizzjoni fl-2010.  Bniedem li f’dawn l-aħħar ġimgħat ħa d-deċiżjoni li jiċċaqlaq ‘il bgħid mill-Unjoni Ewropea.  Inaqqas, jekk mhux iwaqqaf, proċess li ilu għaddej.

3.            Sfortunatament, is-sitwazzjoni fil-pajjiż qegħda tippreċipita.  Sejra lura fuq il-linja tal-paċi, tal-istabilità u fuq kollox fuq id-demokrazija.  F’dawn il-mumenti, waqt li l-poplu qiegħed jipprotesta, qed jeżerċita d-dritt fundamentali tiegħu li jsemma’ leħnu kontra dan il-fatt, qed naraw bnedin jiġu msawta u arrestati fix-xejn.  Dawn huma sintomi ta’ tmexxija li telqet fit-triq tal-anti demokrazija.  Sintomi ta’ min m’huwiex jagħti każ dak li l-pajjiż irid, u anzi, li jrid iżommu lura bil-forza.

4.            Dan għalina huwa pajjiż Ewropew, pajjiż li huwa ġâr tagħna fl-Unjoni Ewropea u parti minna, biss jidher ċar li din it-tmexxija mhix tifhem li trid toqgħod lura milli terġa’ tieħu lill-pajjiż lejn l-era Sovjetika u komunista.  Aħna nafu x’jiġifieri.  Nafu kemm ġew minn dawn il-mexxejja ta’ dak iż-żmien milqugħa b’ħafna pompa u ċerimonji.  Nies li wara l-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin, ma’ dak ir-riħ ta’ ġustizzja u libertà, sabu ruħhom barra mill-poter.  Fl-aħħar, diversi popli ħadu t-tmun f’idejhom lura lejn id-demokrazija.

5.            Proprju waqt li qed naraw dan kollu jiżviluppa, dan il-Gvern baqa’ jinsisti li jżomm għaddejja viżta ta’ dan il-President f’Malta.  Li ma kienx għal Yanukovych innifsu li nhar il-Ġimgħa li għaddiet ipposponiha minħabba s-sitwazzjoni f’pajjiżu, għada f’pajjiżna kellu jirfes Viktor Yanukovych, mistieden tal-Gvern attwali.  Żjara li, żgur mhux forsi, kienet se tkun mill-iktar imbarazzanti u magħmula f’mument mill-iktar ħażin. 

6.            Minflok, kellna ġimgħa għaddejja bl-uffiċċju tal-Prim Ministru jaġixxi bħat-tfal u jgħidilna li staqsew lill-Unjoni Ewropea u qalulhom li jistgħu jibqgħu għaddejjin.  Bħallikieku kien ser ikun hemm xi ħadd li jista’ jindaħal lil pajjiż sovran bħal tagħna u jgħidlu biex ma jżommx din il-laqgħa.  Bir-rispett, l-Unjoni Ewropea ma tidħol xejn f’din.  Aħna rridu niddeċiedu u mhux nistennew minn ħaddieħor biex jieħu r-responsabbiltà tagħna.  Hekk għamilna fil-passat.  Biss illum, sforz l-inesperjenza u għaġġla bla sens, qed niżolqu f’dan is-settur daqshekk delikat, bil-gvern ta’ Muscat jibqa’ sal-aħħar miftuħ li jilqa’ lil Yanukovych.

7.            Il-Partit Nazzjonalista, konfrontat b’din il-basla bla ebda sens jew ġid għalina, ħa l-pożizzjoni li jiltaqa’ ma’ Viktor Yanukovych biex jgħidlu f’wiċċu dak li naħsbu, però għażel b’rispett u solidarjetà lejn il-poplu liberu ta’ dak il-pajjiż li ma jattendix għal ebda attività uffiċjali li kienet ser issir.  Is-sitwazzjoni hija ta’ inkwiet, li ġabna fiha l-Gvern, però aħna qatt m’aħna sejrin b’xi mod inbierku dak li ma naqblux miegħu.



ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...