13.9.23

NIŻLIN IKTAR 'L ISFEL JEW TELGĦIN 'IL FUQ?

1. Wara dawn l-aħħar xhur, b’sajf iktar qawwi mis-soltu, sija fit-temperatura ambjentali kif ukoll f’dik politika, tajjeb li wieħed jistaqsi. Jipprova jifhem fejn ser imur dan il-pajjiż wara dak li messejna miegħu. Id-domanda li diversi ser jagħmlu kif jersqu x-xhur li ġejjin ser tkun marbuta ma’ jekk huwiex ser jinbidel xi ħaġa. Jekk il-Gvern, li għandu l-mandat li jmexxi huwiex ser ikun, b’xi mod, differenti milli kien s’issa. Jekk l-imġieba hix ser tkun xi ftit aħjar. Jekk hux ser ikun hemm xi linja, jew xi linji politiċi differenti, li verament jibdew ibiddlu fil-fond il-klassi politika tagħna.

Għaddejna

2. F’ħafna sens, dak li qiegħed iseħħ illum huwa frott ta’ lbieraħ. Huwa frott tal-fatt li ma kienx hemm, verament, ippjanar, qabel ma l-Partit Laburista daħal fir-responsabbiltà tal-Istat. Diversi ppruvaw juru l-kontra. Kien hemm min ipprova jibgħat il-messaġġ li t-tmexxija kienet timita lil dik li daħlet b’saħħa bi Gvern Nazzjonalista fl-1987. Imma r-realtà hija iktar ċara fil-preżent: li dak kien Gvern li verament kellu pjan. Kien dak li ħadem, l-ewwel, fl-għeruq tal-poplu għax ħabbu, u minn hemm beda triqtu. Seta’ jżomm il-pass ’il quddiem fil-bidliet li dan il-pajjiż għadda minnhom proprju għax kellu programm ippreparat. Ħadd ma seta’, u wisq nibża’ li ħadd ma jista’ jimitah f’dan, għax il-programm kien mill-iktar oriġinali.

Biex nibdlu

3. F’dan, huwa mill-iktar ċar li jekk xi ħadd irid verament u onestament jibda t-triq lura għad-demokrazija li twettaq dak li jrid il-poplu, hemm bżonn u jrid jifhem. Irid jifhem li hemm bżonn li jabbanduna lilu nnifsu, l-għażż u l-letarġija li ħakmuh. Jibda jdur l-irkejjen kollha tal-pajjiż biex jagħraf il-bżonnijiet tal-elettorat. Huwa tajjeb li tiltaqa’ man-nies fil-festi, imma żgur li dan mhuwiex biżżejjed. Tista’ tipprova tmur int fuq min ma kienx lest jaqsam it-triq, bħal qabel, biex ikellmek. Imma dan, għall-iskop tal-Istat, mhuwiex biżżejjed. Għall-kuntrarju ta’ Partit Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami, li kien uża tajjeb żmienu fl-Oppożizzjoni biex fehem dan, illum huwa diffiċli ħafna li jsir l-istess. Wieħed jista’ jibdih, u jibda jmiss is-sistema nervuża tal-poplu, imma mhux ser ikollu r-rankatura li kellna u li żammitna għaddejjin sena wara sena, leġislatura wara oħra, inwettqu dejjem aktar. Il-pajjiż jaf, għalkemm xi wħud forsi nessewh, kemm sar xogħol tajjeb qabel. Qegħdin fejn qegħdin fil-progress għax saret din il-ħidma minn diversi persuni li servew fi ħdan Gvernijiet Nazzjonalista.

Għeruq

4. Dak li nsejħu “l-għeruq” huma fil-fatt kumplessità ta’ kurrenti li jimmarkaw lil dawn il-gżejjer u ’l-bnedmin li għażlu li jgħixu fuqhom. Kumplessità ta’ ideat, ta’ valuri, ta’ tradizzjonijiet u direzzjonijiet. Ilkoll f’daqqa jagħmluna uniċi. Ilkoll isawwruna mill-passat li nagħmlu sewwa li nfakkru u niċċelebraw u dak li għaddej fil-jum tagħna. Diversi passi politiċi, liġijiet, direzzjonijiet li ħadu dawn iż-żewġ Gvernijiet Laburista ma ġewx aċċettati proprju għax ma jaqblux ma’ dawn l-għeruq. Uħud ippruvaw iqaċċtuhom. Oħrajn ippruvaw jgħidu l-kontra ta’ dak li huma. Imma, fil-verità, hemm qegħdin. Jimmarkaw il-mument u jistennew mingħajr ma jiċċaqilqu. Iridu jżommu dak li, fis-snin, sarraf għalina f’tajjeb. Dan għax ilkoll nafu sew li meta taqta’ l-għeruq ma tkabbarx siġra tajba oħra, imma toqtol dik li għandek.

Fil-Vitorja

5. Dan huwa iktar rilevanti llum waqt li niċċelebraw Jum il-Vitorja. Niftakru f’dak kollu li seħħ fil-passat biex nagħrfu dak li aħna llum. L-ideat kulturali tagħna huma marbuta mal-prinċipji etiċi Nsara li l-eventi żammewna fihom. Stajna sirna parti mill-Imperu Ottoman. Stajna ġejna maħkuma mill-forzi Nażi-Faxxisti. Stajna, imma ma ġejniex. U dan seħħ għal numru, elenku twil, ta’ raġunijiet. Imma dak huwa l-każ. F’dan il-pajjiż għad hemm dan l-għarfien storiku f’din il-memorja kollettiva u komplessiva. Ma tistax tipprova timponi dak li huwa kuntrarju għaliha u l-poplu, f’dan, ma nbidilx. Il-messaġġ ta’ diversi lejn iż-żewġ partiti, b’mod ftit iktar lil dak fil-gvern illum, minn dawk li ma jridux jieħdu sehem u qed jiddikjaraw li ser jastjenu mill-vot huwa proprju minħabba f’dan kollu. Din is-sezzjoni tal-poplu, li tidher li trid tkompli tikber, qed tiddikjara li għal xi raġuni jew oħra ma tħosshiex rappreżentata. Qed tgħid li dan mhuwiex l-Istat li trid, u tippretendi li l-affarijiet għandhom isiru kompletament differenti. Forsi f’dan huwa iktar ċar li ħadd m’huwa, jew irid jisma’ dak li dawn qegħdin, direttament jew indirettament, jgħidulna.

X’jiġi l-ewwel

6. F’dan, għalhekk, hemm dejjem il-bilanċi legali u politiċi li jridu jsiru f’kull Stat modern. Dawk li jagħżlu bejn il-governabilità ta’ pajjiż u d-demokrazija tiegħu. Jagħraf jekk huwiex jagħti piż iktar lil tal-ewwel, a skapitu tat-tieni. Iżid f’miżuri li jsaħħu lil min imexxi, “l-Uffiċċju tal-Prim Ministru”, inkella li jkun hemm iktar ftuħ biex jinstemgħu u jitwettqu aktar il-vuċijiet tal-poplu. F’dan, kif sejrin fil-preżent, il-governabilità qegħda tafferma ruħha mingħajr ma ssib kuntrasti veri. Dan, aktar u aktar fid-dawl tal-eventi li rajna, u li qegħdin naraw, ta’ din is-sena. B’serje ta’ punti li waħedhom, għal rashom, huma serji ħafna, u f’daqqa ferm u ferm aktar. Flok ċaqliq ’il quddiem lejn riforma, għandna aktar mill-istess li kellna qabel.

Dak li rajna

7. Għax rajna, f’dan, l-ewwel: il-kwistjoni tat-tberbiq pubbliku fil-bejgħ tal-Isptarijiet tagħna; it-tieni: il-kwistjoni tal-emenda li ppruvat iddaħħal l-abort f’pajjiżna; it-tielet: in-nuqqas ta’ preparazzjoni fid-distribuzzjoni tad-dawl fl-eqqel tas-sħana; ir-raba’: il-każ dwar l-inkjesta pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, u issa, fil-ħames: il-kwistjoni dwar l-abbuż mis-sistema ta’ kif ingħataw benefiċċji soċjali li xi wħud. Proprju għalhekk li l-pajjiż għandu dritt, f’dawn il-jiem twal, jistaqsi jekk huwiex ser jinbidel xi ħaġa. Jew aħjar, jekk hemmx prospett li ser jinbidel xi ħaġa. Jew jekk hux kollox ser jibqa’ immobbli. Fejn kull min huwa fil-poter irid jirrepeti l-istess bħalma għamlu oħrajn fi żminijiet u mumenti kompletament differenti. Mhumhiex biżżejjed iktar proġetti, jew iktar preżenza fl-inawgurazzjoni jew ftuħ ta’ xi ħaġa jew oħra. Il-pajjiż qiegħed jitlob kontenut politiku aqwa.

Fejn ser immorru

8. F’dan, għalhekk, il-pajjiż qiegħed jistaqsi lilu nnifsu jekk kemm-il darba huwiex ser jimxi ’l quddiem jew jibqa’ fejn hu, sejjer lura. Jistaqsi jekk huwiex ser jara iktar każijiet gravi quddiemu. Jistaqsi x’passi ser jittieħdu biex tinqabad triq differenti. Inkella huwiex diġà rassenjat li dan ma jistax iseħħ illum, u jrid jistenna mingħajr ma jieħu sehem bil-vot tiegħu. Jibqa’ lura fil-ħsieb tiegħu li l-parteċipazzjoni personali ser tkun, fil-fatt, kollaborazzjoni f’dak li huwa żbaljat. Is-sajf issoltu jġib miegħu ideat ġodda. Iġib ħeġġa akbar biex wieħed jaħdem għall-bidla. Jekk dan huwiex ser iseħħ għad irridu naraw, imma fl-aħħar tal-ġurnata l-poplu ser ikejjel u jqis jekk aħniex niżlin iktar ’l isfel jew aħniex, b’xi mod, telgħin ’il fuq.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...