25.9.23

ĦIDMET IĊ-ĊIVIL

1. F’dawn il-jiem ġiet fuq ilsien xi wħud ħidmet iċ-Ċivil f’pajjiżna. Diversi maqdru, inġustament, dak li jsir minn diversi ħaddiema Maltin u Għawdxin bħalna. Bħas-soltu, dak li jingħad f’kuntest, jittieħed f’oħrajn kompletament differenti. Huwa ħażin li wieħed jiskarta u ma jwettaqx dmiru. U din hija regola li tgħodd għall-ħaddiema kollha, huma fejn huma mpjegati. Il-pajjiż jimxi iktar ’il quddiem jekk kull persuna tagħti sehemha fid-dinja ekonomika. Mhux tant għal-livell ta’ produzzjoni, imma iktar għat-twettiq tal-kwalitajiet u t-talenti li għandha kull persuna. Biss, kif rajna, huwa faċli li wieħed jattakka settur partikolari, u iktar, li tkabbar fix-xejn.

Sinsla

2. Għamilt numru ta’ snin inservi fil-kariga ta’ ministru, u ħdimt direttament ma’ kwantità kbira ta’ persuni li jaħdmu, jew ħadmu, fiċ-Ċivil. L-esperjenza tiegħi hija, fil-maġġor parti, assolutament pożittiva. Bnedmin ippreparati u li jridu l-ġid lill-Istat Malti. Lesti li jagħtu gwida, u fl-istess ħin, kapaċi jagħtuk parir fuq dak li jaħdem u fuq dak li ma jaħdimx. Dak li diġà ġie ppruvat qabel u ma rnexxiex ħafna, u dak li jista’, b’attenzjoni, jmexxina ’l quddiem. Kont nisma lil min igerger kontra ċerti diretturi, imma fil-verità, fil-maġġor parti kien nuqqas ta’ għarfien ta’ kultura tax-xogħol kompletament differenti. Għax hemm min jaħseb li l-kontrolli nterni u dawk ministerjali mhumiex daqshekk effettivi daqs dawk fis-settur privat, u allura jistgħu jippermettu li jinħbew ineffiċjenzi u skorrettezzi maniġerjali. Imma mill-esperjenza tiegħi, huwa l-kontra.

Korrettezza

3. Ħafna wkoll jitħawdu u jifhmu ħażin il-korrettezza li diversi jġorru magħhom. Diversi huma l-mumenti meta rajt interventi sabiex ma jseħħux żbalji politiċi. Hemm linja, naturalment, ta’ kawtela u preċiżjoni li ftit jifhmu. Anzi, huwa dejjem aħjar jekk dik l-esperjenza istituzzjonali li nġabret fis-snin tibqa’ tiġi trasmessa minn ġenerazzjoni għal oħra fil-ħidma interna tagħha. Għalkemm nitkellmu dwar il-burokrazija u narawha biss f’dawl ikrah, fir-realtà hija neċessarja, u hija garanzija kontra l-eċċessi u l-abbużi. Ebda dipartiment ma jimxi ’l quddiem jekk ma jżommx ma’ dawn ir-regoli. Bħalma huwa ċar li f’kull wieħed issir ukoll evalwazzjoni ta’ ħidmet diversi diretturi sabiex is-servizz ikun aħjar u iktar korrett. Żieda fil-ħidma, fit-trasparenza u fil-veloċità. Imma, f’ħafna hemm korrettezza kbira li tiġi minn ħaddiema li għandhom fehmiet politiċi differenti minn tiegħek. Il-kontroll intern li hemm jista’ jiġi avversat minn uħud, imma huwa garanzija.

Sfidi Ewropej

4. F’dan, għalhekk, iċ-Ċivil jaħdem aħjar iktar ma jkollu mexxejja politiċi li jifhmuh. Iżid fil-ħidma t-tajba meta jiġu varati linji legali u ta’ direzzjoni li jwasslu biex joħroġ il-potenzjal sħiħ tiegħu. Min huwa fil-Gvern irid joqgħod attent li ma jżidx fix-xejn, huwa stess, proċeduri kkumplikati u diffiċli fil-liġijiet li jvara. Iktar u iktar illum meta wieħed irid jgħid li ċ-Ċivil wieġeb għall-isfida tal-Unjoni Ewropea b’saħħa. Nammettu li żdiedu sew il-kumplikazzjonijiet, kif ukoll inbidlet il-kultura ta’ dak li servizz ċivili għandu jwettaq. Iktar toroq ġodda u li jitolbu iktar preparazzjoni minn qabel. Iktar ukoll ħaddiema li jridu jsiefru fl-irkejjen tal-Ewropa u ta’ Brussell biex jingħaqdu ma’ oħrajn biex ikun hemm linja konformi u lineari fl-Unjoni Ewropea kollha. L-istess servizz u l-istess drittijiet liċ-ċittadini Ewropej kollha.

Veloċità

5. F’dan, però, hemm bżonn iktar attenzjoni da parti tal-politiku u tal-uffiċċju tas-Segretarju Prinċipali Ewlieni tal-Gvern fil-kwistjoni tal-veloċità. Lejn l-aħħar ta’ Awwissu, proprju fuq dan, l-Ombudsman l-ex-Imħallef Dr Joseph Zammit McKeon ħass li għandu jfakkar f’dak li hemm stabbilit fil-mod ta’ kif wieħed iwieġeb għat-talbiet taċ-ċittadini Maltin u Ewropej. Punt f’postu u li jqiegħed fil-kuntest sħiħ is-sitwazzjoni. L-ewwel: għax hemm numru ta’ dipartimenti li għandhom bżonn ta’ iktar ħaddiema biex ilaħħqu mat-talbiet li jkollhom. It-tieni: għax hemm dipartimenti fejn hemm iktar ħaddiema milli hemm bżonn. It-tielet: għax hemm proċeduri li jistgħu jinbidlu u jsiru eħfef li xorta jipproteġu t-trasparenza u l-kontabilità.

Passi oħra

6. F’dan hemm setturi oħra li għandhom jiġu regolati. Ngħid iktar dan f’diversi servizzi li qabel kienu mmexxija miċ-Ċivil u li issa għaddew f’idejn is-settur privat. Hemm mhux dejjem naraw l-istess attenzjoni jew veloċità. Anzi, ħafna drabi nisma’ tgergir mill-poplu kemm dan ma jiġix ittrattat kif jixraq. Kif lil xi wħud ma jarawhomx bħala bnedmin imma biss bħala oġġetti. Kull servizz li qiegħed f’idejn il-privat imma li huwa essenzjali għall-ħajja tagħha jrid jikkonforma ruħu ma’ standards li nistennew miċ-Ċivil. Jekk xi ħadd jikteb, jippretendi risposta. Jekk xi ħadd iċempel, jippretendi li ma jdumx jistenna jisma’ l-istess diska fejn jingħadlu li kull persuna hija okkupata. Jekk xi ħadd jibgħat email jew b’kull mezz jippretendi li ma jdumx ma jsib soluzzjoni għall-problema li jkun qiegħed jiffaċċja.

Mhux biss

7. Mhux biss fis-settur pubbliku, imma anki f’dak privat irridu nżidu l-kultura li hemm bżonn. Ġestjoni aqwa tar-riżorsi ekonomiċi, ta’ tixrid ta’ informazzjoni korretta, ta’ simplifikazzjoni, ħeġġa, imparzjalità u trasparenza fil-ħidma. Bħalma hemm it-tentazzjonijiet fiċ-Ċivil, hemm daqshekk ieħor fil-privat u jolqot direttament lill-ekonomija kollha. Biss, dan jista’ wkoll jitjieb jekk kull min jitlob assistenza jingħata mill-ewwel ma’ persuna li tkun ser tieħu ħsiebu; it-tieni: li jingħata pjan taż-żmien li ser jittieħed u l-proċedura li huwa talab l-għajnuna dwarha; u t-tielet, li wieħed jingħata żmien stabbilit ta’ meta ser tingħalaq it-talba tiegħu.

Nimxu ’l quddiem

8. Pajjiżna għandu bżonn mhux li nduru nattakkaw inġustament settur jew ieħor tad-dinja tax-xogħol tiegħu, imma aktar. Għandu bżonn iktar preparazzjoni, edukazzjoni, tagħlim u trasmissjoni ta’ prattiċi tajba. Forsi aħjar, li jidħol iktar il-kunċett li ħaddiem jista’ jgħaddi miċ-Ċivil għall-privat u lura mingħajr ħafna diffikultajiet. Il-pajjiż jikber u jiggwadanja minn esperjenzi varji li jittieħdu għax bihom is-servizz jittejjeb inevitabbilment. Hemm, f’dan, bżonn ċertament ta’ iktar konfronti fejn iż-żewġ setturi jiltaqgħu u jiddiskutu temi li jassiguraw iktar effiċjenza u trasparenza nazzjonali. Ħafna drabi hemm preġudizzji miż-żewġ naħat li b’hekk jingħelbu. Biss, ċertament, hemm ħidma tajba miċ-Ċivil tagħna li m’għandniex inmaqdru imma li għandna nikkultivaw u nkabbru aħjar.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...