27.5.19

Mhux ser naqtgħu qalbna




1.    M’aħniex ser naqtgħu qalbna wara l-vot tal-bieraħ.  Nifhmu li dan huwa l-aqwa mument elettorali għall-partit fil-Gvern.  Huwa hekk għal numru ta’ raġunijiet.  Huwa hekk għax dan huwa wieħed viċin ħafna l-aħħar elezzjoni ġenerali.  Ghħadu kif beda t-tieni leġislatura tiegħu.  Għadu għaddej b’dak li tah riżultat fl-aħħar appuntament elettorali.  Qiegħed fil-parti fejn l-iktar li jaqbillu.  Mhux biss, imma kellu l-vantaġġ tal-fatt li l-proċess tal-bidla li għaddejja fil-Partit Nazzjonalista għadu fil-bidu tiegħu.  B’dan, xorta waħda jrid jiġi reġistrat li l-partit fl-Oppożizzjoni, minkejja l-iżvantaġġi kbar, kważi sproporzjonati, għamel dak kollu li huwa possibbli għalih.

Żbilanċ qawwi

2.    Il-Partit Soċjalista kellu, għal darb’oħra f’dan il-mument, vantaġġi qawwija.  Veru li l-politika tiegħu hija bażata fuq klijenteliżmu qawwi, fuq l-arti ta’ kif tixtri l-vot.  Imma l-vuċi tiegħu fil-medja kienet waħda li tiddomina b’saħħa.  Tiddomina sforz is-saħħa ekonomika u d-dominanza diretta u indiretta ta’ diversi mezzi.  B’dan, xorta, il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jwassal il-vuċi tiegħu.  Xorta rnexxilu jkun effettiv bl-użu tar-raġuni.  Irnexxilu juri li l-istampa sabiħa li kien qed ipinġi l-Gvern, fir-realtà teżisti biss għal ftit.

Ir-reazzjonijiet jikxfu

3.    Għal dak li kien qed jgħid il-Partit Nazzjonalista ma kienx hemm tweġibiet loġiċi.  Il-fatt li nqabdu diversi temi, anzi, urew preparazzjoni fuq naħa tal-Oppożizzjoni.  Meta tkellimna fuq il-ħajja, fuq l-ambjent, fuq is-saħħa, fuq il-kwistjoni tat-taxxa, fuq id-demokrazija, fuq l-indafa politika, il-Gvern kien nieqes minn argumenti tajba.  Ġie dahru mal-ħajt diversi drabi.  Daħal f’dak li akkużana bih, paniku politiku, meta sab ruħu f’pożizzjoni fejn l-Oppożizzjoni qed tkun ċara, mentri l-Gvern le.

Id-dibattiti

4.    Kien kapitolu frisk f’sistema politika tajba li erġajna rajna liż-żewġ mexxejja tal-partiti jiddibattu wiċċ imb’wiċċ .  Mhux il-bogħod minn xulxin, imma quddiem.  Dan serva sabiex ġieb klima awqa, iktar kalma, fejn min segwa seta’ jifhem l-argumenti.  Seta’, mingħajr vantaġġ għal ħadd jgħarbel, u seta’ jara direttament kif kap jew ieħor kien qed iġib ruħu.  Kien tajjeb li seħħ darbtejn, kien jimmerita li jsir it-tielet darba fil-programm ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa li seta’ jiġi segwit aktar.  Il-Kap tal-Oppożizzjoni rnexxielu jwassal ħafna messaġġi.  Irnexxielu wkoll iġib lill-Prim Ministru fil-bżonn li jiddibatti u jmur għal eżerċizzju politiku li kien dara joqgħod ‘il bogħod minnu.

X’sistema politika?

5.    Jista’ jkun li ma kellux l-effett li wieħed jista’ jaħseb li kellu jseħħ meta fl-aħħar ġimgħa rajna wiċċ il-Prim Ministru ma’ pajjiżna.  Litteralment, ma’ kull kantuniera kien hemm l-istess immaġini.  Dikjarazzjoni sempliċi f’appell wieħed sabiex wieħed jerġa’ jkun miegħu ġiet pass lura għax diversi impressjonaw rwieħom.  L-ewwel li nħass il-“bżonn” elettorali li tippersonalizza.  It-tieni, li bih riedu jitneħħew l-argumenti li kienu qed isiru, u allura ġġib il-vot fuq jekk tarax “isbaħ” mexxej jew ieħor.  It-tielet, fil-fatt li ma kienx komdu jkollu la ministri, la deputati u wisq inqas kandidati ħdejh fir-ritratt.

Demokrazija, oligarkija u tirannija

6.    L-iktar, però, jibqa’ l-messaġġ li numru ta’ nies stqarrew: dak li l-poter qiegħed ikollu f’idejh.  Dan huwa minnu fir-realtà, imma li tikxfu waqt li qed tiġi kritikat fuq hekk jista’ jkun li ma kienx proprju pass f’postu.  Iktar u iktar meta qed issir kritika fil-Kunsill tal-Ewropa li qed innaqqsu mid-demokrazija, anzi dħalna lejn l-oligarkija u li qed immissu mat-tirannija.  Ħafna ħassew ir-riħ iseħħ ta’ dak li kitbu diversi dwar persuni f’soċjetà li jiddominaw billi jsiru “big brother”.  Beda jimmaterjalizza ruħu.  Pożizzjoni inaċċettabbli, ċertament għalina, imma li ser iġġib kritika u nuqqas ta’ kredtu.

Il-linji huma rqaq

7.    Il-linja bejn tmexxija u oħra taf tkun verament żgħira.  Kollox jiddependi mill-bniedem li jkollu l-poter fdat f’idejh.  Nistgħu nżidu fil-paġni tal-liġijiet tagħna.  Nistgħu niktbu kapitoli ġodda, imma l-verità hija li s-sistema tiddependi mill-ispirtu demokratiku fil-bniedem.

Il-Kap tagħna

8.    Ċertament, f’dan, kredtu jrid jingħata lill-Kap tal-Partit, Dr Adrian Delia.  Daħal fl-iktar mument diffiċli u kumplikat tal-ħajja tal-Partit Nazzjonalista.  Ħa fuqu partit li kien tilef ħafna elettoralment.  Ħa fuqu partit li kellu diffikultà biex jifhem dak li jrid, u fejn irid imur, il-poplu.  Għalkemm ġej minn barra x-xenarju, f’dawn l-aħħar għoxrin xahar fehem ferm iktar x’irid isir.  Fehem xi tfisser il-politika u żamm sod, minkejja l-attakki nġusti li sarulu.  Ma qatax qalbu u baqa’ għaddej, jaħdem u jistinka.  Ma naħsibx li kien ser ikun hemm xi persuna oħra li jidħol b’tant determinazzjoni u kuraġġ biex jibdel għas-sewwa.

Il-kandidati tagħna

9.    Miegħu ngħaqdu diversi kandidati, sija għall-Parlament Ewropew, kif ukoll għall-Kunsilli Lokali.  Rajna entużjażmu u ġenerożità kbira.  Kampanja tajba ħafna minn kull wieħed minnhom.  Bnedmin li telqu kollox f’kampanja elettorali diffiċli ħafna.  Għandna nirreġistraw li ħadmu ħafna.  Għandna nirreġistraw li wrew li l-Partit Nazzjonalista għadu mimli b’persuni b’ideat u li kapaċi jidħlu għal dibattiti bi kritika effettiva.  Ċertament grazzi kbira għalihom.

Ir-riżultati attwali

10.  X’ser ikun ir-riżultat f’dan l-appuntament ma nafux bil-preċiż.  Nafu li l-partit fil-Gvern ser ikollu l-vantaħġġ fih.  Ser ikollu l-iktar siġġijiet u l-iktar voti.  Ikun xi jkun fin-numri, dan ir-riżultat xorta waħda m’għandux jaqtagħlna qalbna biex nieqfu mill-ħidma politika tagħna.  Irnexxielna ferm iktar aħjar milli ħaddieħor seta’ jaħseb.  Irnexxielna nibnu strutturi li qed iħarsu lejn l-elezzjoni ġenerali li ġejja.  Dik hija l-mira finali u dikjarata tagħna.  Hemm, f’dak il-mument, is-sitwazzjoni, il-kuntest politiku ser ikun ċertament differenti.  Proprju għalhekk li mhux ser naqtgħu qalbna.

     

Il-proċess legali ta’ Sidna Ġesù Kristu




1.    Ir-rakkont tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu huwa ċertament is-suġġett ta’ diversi testi miktuba minn awturi varji.  Kull wieħed, ġej minn liema sfond kulturali u reliġjuż, jintilef jiddibatti dak li seħħ elfejn sena ilu.  Tiskanta, forsi, l-iktar meta tiltaqa’ ma’ bnedmin li mhumiex neċessarjament Insara, jew teoloġi, jew avukati, x’jaħsbu u x’jgħidu.  Hemm varjetà ta’ filosfi u ġuristi li jittrattaw fil-fond, u li biex iwettqu dan jidħlu f’riċerka partikolari ħafna.

2.    F’dan, ftit snin ilu, wara li kont ġejt introdott għal Giorgio Agamben, li jonqosni naqra ħafna iktar minn kitbietu, kont ordnajt u qrajt librett tiegħu bit-titolu ‘Pilato e Gesù’.  Agamben huwa filosfu intelliġenti ħafna, forsi l-iktar magħruf għall-ktieb tiegħu ‘Homo Sacer’.

3.    Din il-kitba ġibditni, sija għax insegwi b’ċertu attenzjoni l-proċess legali fil-konfront ta’ Sidna Ġesù Kristu, sija wkoll għax intlabt xi drabi biex niddiskuti pubblikament dan is-suġġett.  Nammetti li sibt dan il-librett verament sabiħ.  Mhuwiex fit-tul, imma jista’ jservi għal dawk li jew sejrin irtir, jew inkella li m’għandhomx ħin għad-dispożizzjoni tagħhom.

Żewġ uċuħ ta’ Pilatu

4.    Il-ktejjeb, li fih 67 paġna, jitlaq minn aspett storiku ta’ dan il-proċess.  L-ewwel jidħol fir-riċerka ta’ kitba li mhix daqshekk soda.  Jiddiskuti żewġ faċċati li ġew trasmessi fil-kelma li tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.  L-awtur iħares lejn żewġ aspetti ‘leġġendarji’.  Dan fis-sens li jaqbad l-ewwel dak marbut mal-allegata konverżjoni għall-Kristjaneżmu ta’ Pilatu.  Fil-proċess jiġi identifikat dan għax il-Gvernatur u l-mara jidhru li qegħdin fit-triq li jirrikonoxxu li Sidna Ġesù huwa innoċenti u ma għandux ħtija, u jikkonvertu.  Fuq l-oħra, il-ħażen ta’ Pilatu, dak li kkundanna u li ġie msejjaħ minn Tiberju l-Imperatur biex jagħti kont tal-għemil żbaljat tiegħu.  Jiġi kkundannat, imma l-kitba tgħid li ebda xmara jew art ma trid taċċetta ġismu.

‘Cognitio extra ordinem’

5.    Wara nsibu l-proċess legali analizzat f’iktar dettall.  F’seba’ partijiet jinqasam il-ġudizzju tal-Prefett tal-Ġudea, ‘l hekk imsejjaħ “Krisis”.  Il-proċedura prattikata f’dak iż-żmien fil-kamp tad-dritt penali Ruman, u ċioè Cognitio extra ordinem, fejn min jippresjedi jrid l-ewwel jistaqsi lill-akkużat, sabiex mit-tweġibiet jifformola att ta’ akkuża u wara jipproċedi u jiġġudika.  Il-kitba hija hawn sabiħa, spjegattiva, interessanti ħafna u tiddependi fuq il-Vanġelu skont San Ġwann.

6.    Agamben, għalkemm mhux ġurista, jsib ruħu maqsum dwar il-validità tal-proċess legali mingħajr ma jieħu pożizzjoni personali.  Bejn dak li jgħid Salvatore Satta, li jindika li dan huwa “mistero”, però m’għandux mil-liġi.  Jew ta’ Giovanni Rosadi, li jgħid: “Gesù di Nazareth non fu condannato, ma ucciso; il suo sacrificio non fu una ingiustizia, fuq un omicidio”.  Inkella dik ta’ Pietro De Francisci, li jgħid li l-proċess ġie korrettement segwit.  Opinjoni li aktar ma naqra, iktar naqbel magħha.

7.    Il-ġudizzju legali jidħol f’inkwadratura iktar qawwija meta jispjega fi kliem Sengler Oswald: “Quando Gesù viene portato a Pilato, due mondi stanno immediatamente e inconciliabilmente di fronte: quello dei fatti e quello delle verità e con tanta spaventosa chiarezza come mai altrove nella storia del mondo.  Ed è il mondo dei fatti che deve giudicare quello della verità, il regno temporale che deve pronunciare un giudizio sul Regno eterno.”

8.    Personaġġi f’din ix-xena riportata fl-isfond tad-differenzi fl-erba’ Vanġeli b’iktar dettall f’dak ta’ San Ġwann, fejn il-pożizzjoni ta’ Pilatu bħala dak li sal-aħħar jiddikjara lil Sidna Ġesù Kristu innoċenti diversi drabi tiġi minnu hekk deskritta: “Il canone ermeneutico cui ci atterremo è invece, che solo in quanto personaggio storico Pilato svolge la sua funzione teologica, e viceversa, che egli è un personaggio storico solo in quanto svolge una funzione teologica.”  FejnPersonaggio storico e persona teologica, processo giuridico e crisi escatologica coincidono senza residui e solo in questa coincidenza solo nel loro “cadere insieme” essi trovano la loro verita.  Għax jiġu f’daqqa.  Għax jinġabru tajjeb li jiġu iktar aċċettati u interpretati.

Sentenza jew konsenja

9.    B’dettalji interessanti u ċioè jekk Sidna Ġesù Kristu ġie sentenzjat, ġudikat minn Pilatu, jew inkella “konsenjat”, mgħoddi mingħajr sentenza.  Fejn jingħad: “Non è nemmeno chiaro chi giudichi se il Giudice legalmente investito dal potere terreno o il Giudice per schermo (Kristu mlibbes il-porpora u mżeblah).  Che rappresenta il Regno che non è di questo mondo.  È possibile, anzi, che nessuno dei due pronunci veramente un giudizio.”

10.  Il-kwistjoni tal-konsenja lil-Lhud turi iktar profondità fil-ħsieb u riflessjoni tal-awtur.  L-ewwel: proċess li m’għandux ġudizzju, sentenza finali.  It-tieni: l-effett ta’ piena esegwita mingħajr ma ġiet inflitta.  It-tielet: il-qtil li jseħħ, mhux skont id-dritt, imma fil-verità huwa responsabbiltà diretta ta’ dawk il-Lhud li nġabru.  Ir-raba’, għalhekk, il-konsegwenza hija li mhix deċiżjoni Rumana waħedha, imma waħda li hija esegwita konġuntement.  Kif jgħid l-awtur: “qui tuttavia nulla appare a un processo senza giudizio segue una pena capitale senza condanna.”

11.  Huwa ktejjeb mill-isbaħ, interessanti u li jimmerita l-attenzjoni tagħkom.





San Ġwann il-Battista




1.    Għandna f’pajjiżna wirt storiku, kulturali, li mhux dejjem napprezzawh fid-dimensjonijiet sħaħ tiegħu.  Ngħid dan quddiem żewġ punti ta’ riflessjoni.  L-ewwel: il-knejjes tagħna, dedikati għal qaddisin varji, li huma mimlija b’pitturi li għalkemm f’ħafna mumenti jieħdu fuqhom l-aspett ta’ tisbiħ, fil-kuluri, fil-forom, fil-kreattività ta’ id u moħħ l-artist, irridu naċċettaq li hemm ferm iktar warajhom.  L-għażliet ta’ missirijietna, fejn tqegħdu dawn l-opri, liema xeni ġew kummissjonati u rappreżentati minn ħajjet dawn il-qaddisin, ħafna drabi ġejjin minn ħsieb preċiż.  Wieħed intenzjonat.  Kemm napprezzaw dan u, jekk iva, fuq liema livell ma nafx.

2.    It-tieni, fil-wirt letterarju li għandna.  Hawn kwantità ta’ kitba tajba nieżla fil-ġenerazzjonijiet.  Hemm ukoll l-għażliet li wettqu ta’ qabilna meta xtraw ċerti kotba partikolari, meta mlew il-libreriji pubbliċi u privati tagħna u tagħhom.  Hemm ukoll, ċertament, ma napprezzawx dak li għandna għad-dispożizzjoni tagħna.

3.    Ngħid dan quddiem, u wara li qrajt ktieb tal-magħruf Ġiżwita Jean Danielou (1905-1974) bit-titolu “The Work of John the Baptist”.  Fortunatament teżisti kopja fl-ikaxef tal-Università ta’ pajjiżna, u daqshekk ieħor li ġie f’idejja.  Ngħid hekk għax jekk wieħed jipprova jfittex biex jixtrih ser ibati sew.

4.    Il-ktieb huwa mill-isbaħ.  Miktub b’mod ċar, fejn kull sentenza ssegwi l-oħra bil-preċiż.  Id f’id, u qisa saffi ta’ ġebel ta’ dar li jidħlu ma’ xulxin f’daqqa, mingħajr xquq ta’ xejn.

5.    Ngħid li huwa mill-isbaħ għax jispjega ferm u ferm iktar dak li jidentifika u jispeċifika bħala “il-vokazzjoni” ta’ dan il-qaddis kbir.  Jeħodna fil-kuntesti storiċi tal-Esseni, u jiftaħ għajnejna għal diversi punti li qabel ma kellniex.  Ħafna drabi, San Ġwann għadu f’moħħna mmarkat fi tlett mumenti importanti.  L-ewwel, it-twelid tiegħu mħabbar lil Żakkarija u Eliżabetta.  It-tieni, il-magħmudija ta’ Sidna Ġesù Kristu.  It-tielet, il-mewt tiegħu.

6.    Dawn huma determinanti, imma hemm ferm iktar li wieħed jista’ jsib mertu ta’ dan l-awtur tant tajjeb.  Ibda mill-kuntest storiku.  Dan il-profeta għex verament, u dan kif attestat minn kitbiet ta’ awturi mhux evanġeliċi, bħal Josephus.  Imma, iktar minn hekk, jiġi spjegat dan kollu fil-kuntest tal-kurrenti reliġjużi Lhud ta’ dawk iż-żminijiet.

7.    Il-kitba tibda b’kapitolu dwar il-missjoni ta’ dan il-qaddis kbir.  Il-vokazzjoni ta’ San Ġwann, dan l-aħħar profeta tat-Testment l-Antik, ġie msejjaħ għalih minn qabel ma ġie konċepit.  Danielou jgħid, b’mod tant sabiħ, hekk: “Thus John’s vocation was announced in the setting of the temple liturgy - in that temple which served as the dwelling place of God among his people, but which was merely a figure of another temple. With the coming of Jesus, the new temple would be inaugurated and the former temple would be deprived of the divine presence.”[1]

8.    Iktar ċar: “He was chosen by God for the mission entrusted to him, not in virtue of any previous merits of his own, but even before his birth.  ‘He will be filled with the Holy Spirit even from his mother’s womb’ as the angel said to Zechariah (Lk. 1:15).[2]  Akkumpanjata iktar ‘il quddiem b’din ir-riflessjoni qawwija: “Not only is election not dependent on previous merits; it is not hampered by human limitations.  In fact, it is always above human powers.  And He who gives the grace of vocation also gives the power to accomplish the task to which one is called.”[3]

9.    L-awtur imiss ukoll taqbiliet bejn ħajjet San Ġwann u l-Esseni ta’ Qumran, b’diskussjoni li ċertament tqiegħed il-pożizzjoni f’perspettivi differenti ħafna għall-‘perċezzjoni’ tagħna tiegħu.  Iktar interessanti huma dawk marbuta mal-magħmudija ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Diskussjoni mill-iktar sabiħa u interessanti, li tiftaħ bibien ġodda.  F’att ikkunsidrat bħala wieħed mill-umiljazzjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu, mument ta’ bidla “turning point in the history of Salvation.”[4]  Fejn, b’abbiltà jispjega iktar fil-fond dak li, sena wara sena, fortunatament nisimgħu jgħid hekk: “Before John bore witness to Jesus, Jesus first bore witness to John.  He confirmed him in that role which belonged to him alone.  He gave him a position in relation to his own mission.  And here we see the true greatness of the Baptist; his respect for the times fixed by the Father, in which every event must happen at the required moment.”[5]

10.  Il-ktieb huwa mimli b’ideat u riflessjonijiet mill-isbaħ.  Tajbin għal min qiegħed jipprepara għall-festi li ġejjin.  Tajbin bis-sempliċità dritta tagħhom, bħal meta jgħid hekk: “The encounter with Christ must certainly be prepared for.  Every hill must be brought low and every valley filled; the deficiencies of hope must be filled up and the heights of pride brought low.  Despair and pride are certainly the two fundamental obstacles of faith.  There are people who are overburdened with themselves, and that closes them off from Christ; there are people who do not have enough hope and that keeps them from reaching Christ.  Thus, it is necessary to bring down the mountains and raise up the valleys, to plug up the holes and break down the walls.  This is what John the Baptist did.”[6]

11.  Wara li qrajt dan il-ktieb, li xtaqt li ma jispiċċax, apprezzajt ferm iktar dak li writna bħala poplu.  Apprezzajt, l-ewwel, li hemm ferm iktar milli kont qed nara qabel fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, u t-tieni, iddikjarajt li ma naħsibx li hemm post isbaħ minn dan biex ifakkar ħidmet San Ġwann il-Battista.




[1] The Work of John the Baptist, Jean Danielou S.J., pġ. 10
[2] Pġ 13
[3] Pġ 13
[4] Pġ 74
[5] Pġ 76
[6] Pġ 148

20.5.19

Fl-interess nazzjonali.

 
1.    F’din il-ġimgħa tiġi fi tmiemha din il-kampanja elettorali.  Appuntament politiku importanti li minnu wieħed jitlaq lejn oħrajn.  Wieħed li ġieb impostazzjoni ġdida u differenti f’dak li konna qed naraw fil-passat.  Wieħed li jappella min-naħa tagħna l-iktar għall-forza tar-raġuni.  Naċċettaw li għall-Partit Nazzjonalista dawn mhumiex elezzjonijiet li fihom kellu, fil-passat, riżultati qawwija.  Mill-bidunett, anke jekk kien il-partit li mingħajru pajjiżna ma kienx isir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea, xorta l-maġġoranza tas-siġġijiet u l-voti marret għand il-Partit Soċjalista.

Dik hija r-realtà

2.    Dik hija l-verità.  F’ebda wieħed mill-appuntamenti preċedenti ma kellna iktar.  Kellna biss ix-xorti li fl-aħħar appuntament il-partit żied siġġu, mhux għax kellu l-voti għalih, imma għax bis-sistema tagħna kandidata tagħna fl-aħħar kellha fuqha iktar voti minn kandidati tal-partit l-ieħor.  Dawn il-fatti ma jżommuniex lura, però, milli nagħmlu l-parti sħiħa tagħna.  Ċertament, il-programm elettorali li ġie mfassal u apparovat mill-Kunsill Ġenerali huwa mimli b’ideat.  Proposti li jistgħu jitwettqu, bil-ħsieb li nieħdu l-aqwa ġid, mhux deni, mill-Unjoni Ewropea.  Nassiguraw li l-interess nazzjonali li ħadna dejjem ħsiebu jkompli jiġi aċċertat.

Id-dibattitu politiku

3.    Dan l-appuntament serva sabiex ġieb iktar normalità fil-klima politika.  Diversi apprezzaw l-impenna ta’ diversi kandidati sabiex jiġu dibattuti pożizzjonijiet politiċi varji marbuta mas-suġġett.  Il-Partit Nazzjonalista, f’dan ikkontribwixxa ċertament b’kandidati validi, intelliġenti, jafu fuq ponot subgħajhom l-Unjoni Ewropea u baqgħu jirrispettaw dawk ta’ kandidati oħra.  Mhux biss, imma aktar minn hekk, il-fatt li l-mexxejja politiċi fuq programm u ddibattew għamel ħafna iktar ġid.  Ma hemmx dubju li l-Kap tal-Partit, Dr Adrian Delia, wera li kapaċi ferm iktar milli l-propaganda tal-partit fil-Gvern tgħid li hu.  Tkissret ħafna l-immaġini negattiva tagħhom tiegħu.  Ħareġ ta’ dak li għandu ġewwa fih.  Kalma, attenzjoni għall-batut, direzzjoni u moderazzjoni.  Fuq kollox, l-interess nazzjonali f’qalbu u f’moħħu.

Nifhmu f’dan

4.    Nifhmu f’dan li l-Prim Ministru ma setax jerġa’ jidħol għal tali eżerċizzju li kien jerġa’ jwettaq il-ġid elettorali lil Adrian Delia, u qagħad pass kbir ‘il bogħod mit-tieni round.  Fehem li mal-Kap tal-Oppożizzjoni jrid joqgħod iktar attent f’dak li jsib ruħu miegħu fih.  Mhux biss, imma l-esperjenza politika tiegħu f’dawn is-snin kienet konċentrata u f’dan, għalhekk, limitata f’diskorsi pubbliċi fejn ħadd ma jista’ jew jazzarda jmerih.  Fil-fatt rajna “aggressività” iktar wara.  Rajna reazzjonijiet esaġerati, b’diskorsi li jersqu viċin ta’ politiċi fuq il-lemin qawwi.

Arroganza politika

5.    F’dan wieħed jifhem li hemm dożi awqa ta’ “arroganza” politika.  Meta partit u mexxej ikun imdorri f’ċertu poter f’idejh isir iktar familjari miegħu u jinħakem aktar.  Fil-passat, diversi mill-elettorat kienu jagħrfu li għandhom jibgħatu messaġġi lill-Partit Nazzjonalista sabiex irażżnuh u jiftħulu għajnejh.  Dan, taħtna, kien proċess normali.  Illum irridu naraw il-Ħadd li ġej jekk, kif, u kemm hemm dan l-għarfien.  Hija opportunità unika u importanti sabiex wieħed iġib lill-Gvern lura fl-art jisma’ l-problemi li jeżistu verament, mhux dawk biss li jrid jisma’ dwarhom.  Huwa fl-interess nazzjonali li dan iseħħ.

Serviet sew

6.    Fuq dan, il-Partit Nazzjonalista kien ferm iktar attent.  Kull jum tkellimna fuq suġġetti varji.  L-ambjent, il-ġustizzja soċjali, il-ħajja, it-taxxa, l-immigrazzjoni irregolari, il-mard kiefer tal-kanċer, il-persuni li qed ibatu mid-dimensja, in-nuqqas ta’ pagi tajba, in-nuqqas ta’ djar għall-klassi tal-ħaddiem kienu fost diversi.  Ma konniex marbuta ma’ arblu wieħed.  Ħadna ħsieb invarjaw, għax il-pajjiż għandu numru ta’ sfidi, ta’ problemi, li dmirna huwa li nitkellm dwarhom.  Ma esaġerajniex.  Konna korretti ħafna.  Proprju għalhekk li l-aġenda nazzjonali ħadna ħsieb niffissawha aħna għall-vantaġġ tal-poplu.  Proprju għalhekk li, almenu, bdejna nisimgħu lill-Prim Ministru stess jammetti li hawn in-nuqqasijiet, u hawn inqas attenzjoni għall-ġustizzja soċjali.

Konna pożittivi

7.    Ċertament, il-partit kien pożittiv ħafna u realistiku.  Ma kellux kandidati li ntilfu jistudjaw u jikkwotaw biċċiet mit-Testment l-Antik.  Il-kliem “għajn għal għajn u sinna għal sinna” kienu stunati għall-aħħar.  Mhux biss, imma kontradizzjoni ċara ma’ dak li kien qiegħed jiġi dikjarat mill-Partit Soċjalista barra.  Li taqla’ għajn jew sinna ta’ ħaddieħor hija pożittiva, jew ta’ tama, jew ta’ aspirazzjoni, jew ta’ għaqda?  Proprju l-kontra.  L-agħar f’dan kien li l-amministrazzjoni tal-partit, flok sikktet dan kompliet tappoġġja u tieħu pjaċir bih.  Diskors bħal dan ma jagħmilx ġid, anzi ħsara jwettaq fil-klima politika li qed nippruvaw nibnu.  Aġir li jmur kontra l-interess nazzjonali.

Il-Partit tal-Ewropa

8.    F’dan ħadd ma jista’ jmeri li aħna nibqgħu l-partit tal-Ewropa.  Nibqgħu dawk li tul is-snin bqajna nemmnu fil-vantaġġi li l-kontinent Ewropew jagħtina.  M’aħniex, f’dan, li nħallu l-affarijiet imorru l-kontra.  Nibqgħu dik l-omm li welldet u dehret quddiem l-għaref Salamun.  Li tippreferi t-tarbija tgħix għand id li ma ridithiex, milli li din ma tibqax ħajja.  Nibqgħu, ikun xi jkun ir-riżultat, il-partit pożittiv.  Il-partit li ma jridx li jkun hemm mibgħeda fil-politika.  Li jrid li jkun hemm rispett u attenzjoni lejn il-poplu.  Li jkun hemm ħidma soda u verament tajba għall-ġustizzja soċjali.  Li jkompli jkun hemm ħidma li tħares l-interess nazzjonali.


16.5.19

L-isfidi futuri

 
1.    Ma hemmx dubju li din il-kampanja elettorali qed issir fi sfond kompletament differenti.  Għalkemm ċertament iktar ma naslu viċin jista’ jkollna diskors mhux proprju preċiż, f’postu jew ħaġa waħda mal-verità, hemm pożizzjoni ġdida.  Mertu tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Adrian Delia, hawn linja differenti ta’ kif wieħed jersaq lejn il-politika u kif jaffronta ideat differentement.  Kien pass tajjeb li ż-żewġ mexxejja tal-partiti l-kbar iddibattew pubblikament.  Kien daqshekk ieħor li sar fil-kalma u f’sitwazzjoni fejn wieħed seta’ jispjega u juri l-pożizzjoni politika tiegħu.  Il-kummenti fil-pajjiż f’dawn l-aħħar jiem kienu ta’ kredtu għal dan l-eżerċizzju ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet.



Pass ieħor ‘il quddiem



2.    Dawn l-elezzjonijiet, fir-realtà qed jaffermaw iktar il-linja politika li l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista qiegħed jieħu.  Għal min isegwi dan is-settur uman jagħraf li l-mexxejja jsiru, jissawru u jitbasktu.  Ikollhom elementi interni, talenti partikolari, imma wara huma ċ-ċirkostanzi tal-ħajja li jsonnuhom.  Dawn l-aħħar xhur, minn meta daħal fir-responsabbiltajiet li għandu, it-triq ma kenitx fit-tajjar.  Kienet mimlija sfidi.  Waħda wara l-oħra.  Tgħallem iktar fihom.  Għaraf iktar dak li hemm bżonn isir.  Għaraf iktar kif inhija l-politika illum f’pajjiżna, u f’liema direzzjoni hemm bżonn li tittieħed biex isservi aħjar għall-poplu kollu.  Mhux għal ftit persuni jew allejanza ta’ dawk li jinsabu tajjeb, imma lejn waħda popolari.



Inħarsu fit-tul



3.    Dak li qiegħed isir mhuwiex wieħed iżolat jew limitat.  Huwa, anzi, parti sħiħa minn strateġija li tħares fit-tul.  Dak li qiegħed jingħad fil-kampanja elettorali Ewropea mhux ser jibdel il-Gvern tal-ġurnata, imma qiegħed jibgħat direttament il-punti li fuqhom ser inkomplu nibnu.  Kull jum, il-Kap tal-Partit qiegħed jindirizza suġġetti li huma rilevanti ħafna għall-Parlament Ewropew, imma huma daqshekk ieħor għall-pajjiż tagħna.  F’soċjetà fejn ir-realtà hija li l-Gvern tal-ġurnata għandu f’idejh kważi l-monopolju tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista nagħrfu li jieħu iktar ħin biex jasal.  Fil-fatt, l-ikbar kumplikazzjoni għall-Partit mhix fis-sens u s-sustanza tal-ideat, tal-proposti tal-pożizzjonijiet politiċi, imma biex dawn jaslu direttament għand il-votant.



Proposti u ideat



4.    Nifhmu li huwa iktar faċli li tieħu t-triq politika li tgħid lill-poplu biex iħares lejn dan l-appuntament elettorali fid-dimensjoni ta’ għażla sempliċi ta’ liema mexxej politiku jridu li jkompli jmexxi ‘l-pajjiż.  Nifhmu li, għall-partit fil-Gvern, din hija l-aqwa u l-iqsar.  Ma hemmx bżonn proposti ġodda.  Ma hemmx bżonn li wieħed iċaqlaq l-aġenda nazzjonali minn dik li ġiet issiġillata fl-aħħar elezzjoni ġenerali.  Biss, din fiha żewġ konsegwenzi.  L-ewwel: trid iġġib lill-mexxejja jiddibattu.  U hemm, kif rajna, kien hemm bidla determinanti.  Adrian Delia, b’dan inqala’ min-niċċa dispreġjattiva li wħud fil-Partit Soċjalista ilhom jippruvaw jibnulu.  L-opinjoni komuni u ġenerali kienet, anzi, pożittiva.  Dik il-linja tal-kampanja, hawn falliet.  It-tieni: li ma tistax titkellem fuq x’ser twettaq fl-ispeċifiku, imma f’linja ġenerai.  B’diskors li jista’ jfisser ħafna u jibgħat messaġġi differenti lil diversi mingħajr ma neċessarjament tkun ċar u dirett.



Problemi tal-Gvern



5.    Dawn huma problemi tal-Gvern tal-ġurnata.  Jagħraf minn dak li sa issa qed naraw li qed jiġu użati mal-ħajt kliem li ħafna kellhom ukoll imorru jfittxuhom fid-dizzjunarju biex jifhmuhom.  Negattività, għaqda, aspirazzjonijiet huma mixħuta hemm, imma huma f’dan il-mument partikolari barra mill-kuntest.  Nifhmu, għal partit li jħossu daqshekk b’saħħtu elettoralment, li ma jarax skont l-istħarriġ tiegħu l-bżonn li jipprova jgħid iktar.  Daħlet ma’ dan ukoll forma ta’ letarġija politika.  F’dan, però, irid jingħad li jidher iktar evidenti li l-polz tal-poplu qed jintmiss minn dak li qiegħed jgħid il-Partit Nazzjonalista.  L-ambjent, it-traffiku, il-korruzzjoni, il-protezzjoni tal-ħajja qed jibgħatu u jolqtu f’moħħ dawk li qed jaraw li qed jifhem x’inhuma l-problemi veri tal-pajjiż, u għalhekk fejn trid issir il-ħidma nazzjonali.



The Gathering Storm?



6.    Jista’ jkun f’dan li oġġettivament wieħed iħares lejn din in-nuqqas ta’ ħajra bħala l-konsegwenza ċara ta’ dak li ser iseħħ fil-Partit Soċjalista.  Dak li qed jingħad minnhom stess, mhux ivvintat minn ħaddieħor.  Min ser jidħol għar-responsabbiltà politika wara l-mexxej tal-lum huwa parti mill-fatturi li kull min jimmilita fil-politika jagħraf.  Ser ikun hemm tibdiliet f’direzzjoni jew oħra, jew kollox ser jibqa’ l-istess?  Din id-domanda qed tinfluwenza għax ftit jistgħu jagħtu tweġiba ċerta għaliha.



Jibqa’ l-fatt



7.    Jibqa’ f’dan il-fatt li din il-kampanja politika qed issir f’ċirkostanzi iktar ċivilizzati.  Qed issir f’kuntest partikolari.  Imma fiha qed naraw proċess ta’ bidla.  Wieħed li minnu l-Partit fl-oppożizzjoni qiegħed jibgħat tama ċara, mhux ġenerali, għall-futur ta’ dan il-pajjiż.  Wieħed li qiegħed jirnexxilu jispira aktar bnedmin jifhmu li l-affarijiet jistgħu jsiru aħjar.  Li l-ekonomija tista’ titmexxa differenti.  Li m’għandhiex bżonn il-korruzzjoni biex tikber.  Li tista’ titħaddem b’aktar ġustizzja soċjali.  Waħda li tħares li tagħti futur aqwa lis-soċjetà kollha, mhux lil ftit privileġġjati.








MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...