1. Tul din il-ġimgħa għaddejna
għall-vot malajr malajr dwar l-emendi għall-Att dwar il-Protezzjoni
tal-Embrijuni. Dak li kien, illum, kif
qed naraw, m’aħniex aktar. Mument iswed
fil-ħajja ta’ pajjiżna. Biss, proprju fid-19
ta’ Ġunju, filgħaxija bdejn ngħid ġewwa qalbi: “Hawn aħna, ftit inqas minn
sebgħin embrijun imsawwar u mrobbi (għall-grazzja t’Alla u bl-imħabba,
t-tbatija u s-sabar ta’ dawk li ġġenerawna) sakemm sirna nisa u rġiel, miġbura
f’din il-Kamra tad-Deputati bil-prokura ta’ dawk li tellgħuna biex nagħmlulhom
liġijiet sewwa. U issa, bil-vot tagħna,
ser nagħmluha ta’ allat: niddeċiedu li ċerti embrijuni jistgħu jkunu żejda;
niddeċiedu aħna min għandu jgħix u min għandu jitqies superfluwu, żejjed.”
L-allat żgħar ta’ qabilna
2. U l-allat żgħar tal-ġenerazzjoni
ta’ qabilna ddeċidew, u sewwa ħafna, li jneħħu minn pajjiżna l-piena
tal-mewt. Ippropona Duminku Mintoff,
meta kien Prim Ministru u l-Prim alla żgħir, u l-allat żgħar Nazzjonalisti qablu
miegħu, li l-Istat m’għandux ikollu dritt li joqtol lill-bnedmin, anke jekk
ikunu qatlu bnedmin oħra. Almenu, dik
il-ġenerazzjoni ta’ allat politiċi ħasset li l-ħajja u l-mewt kellhom jitħallew
f’idejn Alla veru, u mhux f’idejn dawk li huma xbiha, anzi kultant, imitazzjoni
xejn fidili tiegħU. Aħna l-bnedmin aħna kreaturi tiegħU, imma meta nippruvaw
niddispensaw mill-ħajja aħna, kultant insiru karikaturi ta’ Alla.
Dawk l-allat żgħar li jilgħabu mal-embrijuni
3. Ix-Xjenza hija l-glorja
tal-bniedem. Għaliex bix-xjenza nindunaw
x’hawn. Għadna qegħdin niskopru dawk
ir-regoli tan-natura: dak li m’għamilnihomx aħna. Għadna qegħdin insibu r-rimedji għal meta,
għal xi raġuni li ma fhimtx għal kollox, ikunu qegħdin jaħdmu żmerċ. Ix-xjenza tavvanza, iżda kultant jinqala’ xi
alla żgħir li jrid jgħaġġilha: bħal meta alla żgħir misħut bħal Hitler, ried
joħloq razza Ġermaniża pura, billi
joqtol lill-immankati, lill-omosesswali u jiċħad id-dritt taż-żwieġ lil min
kellu xi mankament jew kien ta’ razza, skont huwa “mniġġsa”, bħal dik Lhudija
jew b’ġilda sewda. Bħalissa hawn ħafna,
mad-dinja kollha, li jixtiequ jbagħbsu jew jesperimentaw bil-ġenetika
tal-bniedem. Hawn diversi oħra li baqgħu
me fehmux kemm kien żbaljat in-Nażiżmu, u flok jieħdu l-lezzjoni biex ma
jiżbaljawx iridu, minflok, jimitaw.
Id-dinja għaddejja minn mument ikrah hawn ukoll.
Il-progress isir meta ma jiġux issagrifikati l-bnedmin
4. Jiena ma nemminx, bħalma milli
jidher li kien jemmen Kajfa, li jeħtieġ tissagrifika ‘l-bnedmin
għall-poplu. (U ma nemminx li meta kienu
jagħtu l-forka, kien hawn inqas delitti).
Dawk kollha li mexxew ix-xjenza ‘l quddiem, m’għamlux esperimenti fuq
dahar, jew agħar minn hekk, fuq il-ħajja tal-bnedmin. Ix-xjenza hi ‘konservattiva’ tal-ħajja
tal-bnedmin. It-tobba ma jistudjawx biex
joqtlu, la bnedmin magħmula, la bnedmin qegħdin isofru, lanqas embrijuni ta’
bnedmin, imma biex isalvaw. It-tobba
jistudjaw biex iżommu ‘l-bnedmin ħajja, u biex iwelldu bl-aħjar mod, biex iżidu
u mhux inaqqsu l-ħajja. Biex ineħħu
l-ostakli għat-tnissil u t-tkomplija tal-mixja tal-embrijuni tal-bniedem. Kif ukoll biex inaqqsu t-tbatija. Biex dawk is-seba’ ċelloli bażiċi tal-ħajja
jitħallew isiru dak li nħolqu għalih. U
l-progress fix-xjenza ġuridika sar
meta Beccaria wera li l-piena kapitali ma ġġibx is-sigurtà, iżda żżid
is-selvaġġerija. Mill-qtil, la
tal-embrijuni, kif lanqas tal-qattiela, ma tistenniex progress. Il-progress isir meta x-xjenza tintuża biex
issalva l-ħajja.
Progress, imma mhux alla
5. Jogħġobni t-tibdil, u mhux biss
it-tibdil fil-Gvern. Jien favur
l-innovazzjoni u t-tiġdid: biss f’ebda mument ma jogħġobni li nagħmilha ta’
alla żgħir fuq il-ħajja tal-bnedmin, mit-tnissil sal-mewt. Ma nħossnix li għandi xi ġurisdizzjoni dwar
min għandu jgħix u min għandu jitneħħa.
Meta wieħed iħares lura fl-istorja, l-agħar żminijiet kienu dawk meta xi
allat (xi Imperaturi Rumani, bħal Tiberju, Neruni u Caligola) mhux biss stennew
l-inċens, iżda wkoll li jissejħu “divus”,
għax kienu jgħidu li huma divini.
Ixxalaw bla rażan huma u jissagrifikaw il-ħajja ta’ ħaddieħor. L-istorja tgħallem. Mhux kull min huwa fil-politika jaf
l-istorja. Għalhekk jispiċċa jirrepeti
l-istess żbalji li għamlu bnedmin qablu.
Il-poter jibqa’ temporali u ma jsir qatt etern.
Fit-tielet stadju l-Fibra Morali qed titmermer
6. Wieħed japprezza, għalhekk, dan
kollu fid-dikjarazzjoni Presidenzjali mingħajr preċedent. Dik li segwiet l-aħħar stadju sfurzat ta’ dan
l-aġir żbaljat, meta qalet: “Jien nibqa’ nemmen li d-dinjità umana u
l-integrità fiżika ta’ kull bniedem għandhom jiġu rispettati u mħarsa
mill-mument tal-konċepiment sal-mewt naturali.
Kull bniedem, anke fi stat embrijoniku, m’għandu qatt jiġi użat bħala
oġġett jew li intenzjonalment jitpoġġa f’riskju li ma jkomplix jiżviluppa b’mod
normali. L-isfida tas-soċjetà tagħna hi
li tkompli tipproteġi lil kull min hu dgħajjef, inkluż l-embrijun. Il-fibra morali tal-Istat Malti titmermew
jekk titlef ir-rispett lejn il-ħajja umana fl-istadji kollha tagħha.” Kliem il-maġġoranza tal-poplu, li qegħda
f’dan tagħmel ċar li l-allat politiċi m’għandhomx, f’ebda mument, dritt fuq
il-ħajja.
Ġisem prezzjuż
7. Il-ġisem tal-bnedmin huwa
prezzjuż: minn mindu jibda jifforma ruħu sakemm jibda jitmermer. L-embrijun ma jibkix, kif ma jibkix
il-katavru. It-tnejn ħaqqhom
rispett. Min jirrispetta ‘l-bnedmin,
jirrispettahom sħaħ: ġisem u ruħ. Min ma
jirrispettax ‘l-embrijuni u l-katavri, lanqas jirrispetta lill-bnedmin ħutu.