23.2.17

Erbgħin sena ilu.


 
1.      Għandna f’din is-soċjetà, li hija differenti minn ta’ qabilha, id-dmir li nfakkru lil dawk li ġew qabilna u li b’għemilhom għenu biex id-dinja tkun waħda aħjar.  F’dan ma nistgħux ma nibdewx billi ma naċċettawx li l-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin kien u jibqa’ mument storiku.  Diversi fil-poplu tagħna dan għadhom jiftakruh.  Biss, biex dan seħħ, kien hemm passi varji li saru b’kuraġġ u sogru minn bnedmin.  Però issa għandna ġenerazzjoni tielgħa li hemm bżonn li tiġi nfurmata fuq dak li ma ġarrbitx u ma ħassitx.  Li ninfurmawha li biex inbidlet il-klima politika soċjali u biex spiċċat il-ħakma komunista diversi taw is-sehem tagħhom għall-bidla.

2.      Bnedmin ta’ fibra li jimmeritaw iktar mingħandna llum għax minkejja l-id iebsa tad-dittaturi li kienu qed jgħixu fihom xorta ma qatgħux qalbhom.  Anzi ħarsu u ttamaw fil-futur, u b’kuraġġ, b’determinazzjoni għamlu l-parti tagħhom kontra kull kurrent.  Mhux atti bla sens, anqas ħmerijiet imma aġir attent u preċiż li bih wasslu messaġġ f’art u żmien li kollox kien juri li dlam biss kien hemm.  Id-dlam tad-dittatorjat u tad-disprezz tal-bniedem u drittijietu.  Irnexxielhom xorta waħda jiżirgħu ż-żerriegħa li kibret u tkattret.

3.      F’dan ix-xahar, proprju fuq dan għandna iktar infakkru kif disa’ bnedmin iffirmaw u ppubblikaw dak li huwa magħruf bħala “Il-Manifest Charter 77”.  Fil-bidu ta’ Jannar ta’ erbgħin sena ilu, ġabra ta’ intellettwali li ma kienux jaqblu ma’ dak li kien għaddej ġewwa dik li kienet iċ-Ċekoslovakkja Sovjetika, u proprju għalhekk imsejħa “dissident”, sejħu lil dak l-istat sovjetiku sabiex jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem li kien huwa stess formalment iffirma u rratifika mingħajr ma kien qiegħed jirrispetta.  Dak li ġie msejjaħ bħala l-“Ftehim ta’ Helsinki” rabat gvernijiet varji sabiex jiggarantixxu drittijiet fundamentali bażiċi bħal-libertà tal-espressjoni, tal-kuxjenza u tal-assoċjazzjoni li f’dak il-pajjiż ma kienu irrispettati assolutament xejn.

4.      Dak li għalina huwa normali, f’dak iż-żmien kien verament straordinarju.  Dawn il-bnedmin kienu appellaw oriġinarjament favur il-maħfra ta’ ġabra ta’ żgħażagħ li ġew ikkundannati l-ħabs għax kienu daqqew u kantaw fil-pubbliku.  Biss, il-kontenut ta’ dak li kitbumar iktar minn daqshekk.  Fil-fatt, hemm kienu qalu: “The freedoms and rights of the people guaranteed by these pacts are important factors of civilization for which, throughout history, many progressive forces have been striving and their enactment can be of great assistance to the humanistic development of our society”.

5.      Mhux biss, imma fl-istess insibu dikjarazzjoni iktar interessanti marbuta mal-fatt li l-Istat, fl-ateiżmu tiegħu, kien jipprojbixxi l-libertà tal-kult.  Il-bnedmin ma setgħux jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom liberament.  Proprju fuq hekk insibu: “Freedom of religious confession is continually curtailed by arbitrary official action; by interference with the activity of churchmen who are constantly threatened by the refusal of the State to permit them the exercise of their functions, or by the withdrawal of such permission; by financial or other transactions against those who express their religious faith in word or action; by constraints on religious training and so forth”.

6.      F’dan il-Manifest, fuq quddiem tiegħu nsibu lil Vaclav Havel, li dak iż-żmien kien poeta, letterat, bniedem u ma kienx politiku, li però spiċċa l-mexxej ta’ din is-sejħa għas-sewwa.  Bniedem li minħabba l-fatt li ffirma dik id-dikjarazzjoni sabu ruħu kkundannat il-ħabs taħt ir-reġim u wara, fid-demokrazija, President tar-Repubblika ta’ dak il-poplu.  Bniedem li fl-aħħar tas-sena li għaddiet fakkarna l-ħames anniversarju mill-mewt tiegħu.  Bniedem mimli bi kwalitajiet u talenti, li b’kuraġġ semma’ leħnu, flimkien ma’ oħrajn, għall-oħrajn.

7.      Illum, wara dawn is-snin, għandna naċċettaw li proprju mertu ta’ bnedmin bħal dawn id-dinja hija aħjar milli kienet.  Nies li jagħtu eżempju u lezzjoni.  Anke jekk dak li naraw madwarna jista’ jipprova jaqtagħlna qalbna, għandna nibqgħu nagħmlu dmirna, naħdmu u nittamaw għas-sewwa.  Il-futur tagħna ma nafuhx; nistgħu però naħdmu għalih b’passi favur is-sewwa b’determinazzjoni, bil-perseveranza u b’kuraġġ.


22.2.17

SEA MALTA – DIFFERENZA FL-IMGĦAX



31061. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29412, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-differenza fl-imgħax bejn 1% imħallas u dik li hija r-rata kummerċjali, hiex fi stadju li se titħallas lill-ex impjegati tas-Sea Malta?

13/02/2017

  ONOR. EDWARD SCICLUNA:  Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-qbil li sar u l-kumpens li ngħata huma finali.

Seduta  487
22/02/2017

WIED IL-GĦAJN – TRIQ IL-QALIET – KUNDIZZJONI TA’ TRIQ





31060. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stat u x’kundizzjoni tinsab Triq il-Qaliet Wied il-Għajn u jekk kemm-il darba huwiex se jsir xi xogħol fuqha tul din is-sena?

13/02/2017

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li inizjalment kien approva €70,000 għal Triq il-Qaliet, li mbagħad żiedhom għal €100,000. Infurmat ukoll li l-Kunsill ser japplika għall-fondi tal-Urban Improvement Fund (UIF) tal-Awtorità tal-Ippjanar, għal din it-triq.

Seduta  487
22/02/2017

ĦAL TARXIEN – TRIQ ANNETTO CARUANA – KUNDIZZJONI TA’ TRIQ








31059. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stat u x’kundizzjoni tinsab Triq Annetto Caruana Ħal Tarxien u jekk kemm-il darba huwiex se jsir xi xogħol fuqha tul din is-sena?



13/02/2017



  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li ma għandux rapport dwar il-kundizzjoni ta’ Triq Annetto Caruana. Madankollu infurmat mill-Kunsill li din it-triq mistennija li ssir din is-sena bit-tender ħiereġ fil-jiem li ġejjin.



Seduta  487

22/02/2017


ĦAL TARXIEN – TRIQ ANNETTO CARUANA – KUNDIZZJONI TA’ TRIQ




31058. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stat u x’kundizzjoni tinsab Triq Annetto Caruana Ħal Tarxien u jekk kemm-il darba huwiex se jsir xi xogħol fuqha tul din is-sena?



13/02/2017



  ONOR. JOE MIZZI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.



Seduta  487

22/02/2017

ĦAL TARXIEN – TRIQ IŻ-ŻEJTUN – KUNDIZZJONI TA’ TRIQ






31057. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stat u x’kundizzjoni tinsab Triq iż-Żejtun f’Ħal Tarxien u jekk kemm-il darba huwiex se jsir xi xogħol fuqha tul din is-sena?



13/02/2017



  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li l-perit tiegħu qed iħejji r-rapport ta’ Triq iż-Żejtun li mistenni jitlesta din is-sena.


Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 31150.



Seduta  487

22/02/2017

Sar ħin l-Arluġġar


 
1.      Soċjetà tiġi oskurata meta ssib ruħha mmexxija minn klassi politika li ma hemmx li toqgħod mar-regoli.  Hemm dell twil u skur li jikber meta din il-klassi tippersisti tidħol, il-ħin kollu, fi kwistjonijiet, polemiċi u imġieba żbaljata.  Ngħid dell, għax ilkoll nafu li l-poplu huwa fil-maġġoranza tiegħu magħmul minn bnedmin tal-affari tagħhom.  Nies ta’ fehmiet politiċi u soċjali varji li jirsistu u jistinkaw biex imexxu u jkabbru l-familja tagħhom.  Ċittadini li jagħrfu l-problemi u l-kumplikazzjonijiet ta’ ħajjithom u jittamaw li l-Gvern inaqqsilhom minnhom, u mhux iżidhomlhom.  Għax dawn huma parti mill-ġlidiet kbar tal-ħajja.

Inġbar lura mal-Ħallieq

2.      Tul din il-ġimgħa nġbart, flimkien ma’ diversi oħrajn, fil-knisja parrokkjali ta’ Ħ’Attard biex nagħtu l-aħħar tislima lis-sur John Bugeja.  Bniedem bħall-oħrajn però, għal min kellu x-xorti li jsir jafu mill-viċin, kien wieħed mimli b’doni mill-isbaħ.  John kien fost l-aqwa arluġġara fil-Belt, fejn kien iservi għal snin twal.  Kien il-bniedem li tmur għandu jekk trid issewwi arloġġ jew tixtri wieħed, għax kellu s-sengħa fih.  Parir tajjeb jagħtik mill-ewwel, u sirt nafu tajjeb ħafna jien ukoll anki fuq il-ħajja inġenerali.  Għal snin twal kont nibda l-jum flimkien miegħu b’kafè għand Cordina.

Bl-arloġġ f’idu

3.      Hemm kien jafdali u jirrakkuntali t-tbatijiet kbar li għadda minnhom jum wara jum sabiex imexxi ‘l quddiem in-negozju, u jaqla’ x’jiekol għal familtu.  John kien jagħmel kollox fil-ħin, b’attenzjoni u bi preċiżjoni.  Kien mimli b’enerġija, tbissima u nerviżiżmu san li jmexxi mill-ewwel dak li jkollu f’idejh.  Kien jaf x’inhuwa jagħmel u jistinka b’għaqal kbir għalih.  Ma hemmx dubju li pajjiżna tilef ċittadin den tiegħu.  Bniedem li, għalija, jirrappreżenta l-imġieba korretta u mistennija minn dawk li tul ħajjithom ħadmu ma’ oħrajn għall-oħrajn.

Arloġġ tar-ramel

4.      Pajjiżna huwa, fil-verità, magħmul minn diversi persuni li jħaddmu kull ġurnata s-solidarjetà mal-oħrajn.  Għandna ħafna nies li huma tal-affari tagħhom li isimhom ma jissemmiex, imma ħidmithom tinħass.  Hemm xibka ta’ għajnuna, ta’ assistenza, ta’ rispett reċiproku li jżommu u jservu s-sewwa.  Bnedmin li jafu lil xulxin, jaħirbu milli jwettqu azzjonijiet żbaljati u jippruvaw ikunu ta’ spalla lid-diversi li jsibu ruħhom f’diffikultajiet varji.  Poplu li baqa’ jżomm il-bandiera soċjali tperper ‘il fuq.  Li jagħraf li f’kull ħajja, fil-bidu hemm it-tmiem.  Jaġixxi fuq il-fatt li hemm arloġġ tar-ramel speċjali għaddej għal kull bniedem li, fl-aħħar tiegħu, irid jagħti kont lill-Ħallieq tagħna.

Arloġġ tal-knisja

5.      Il-bnedmin f’din is-soċjetà jgħixu u jaħdmu mingħajr ma jkunu għad-dawl.  Ftit ħafna ħidmiethom tiġi għad-dawl tal-gazzetti jew tal-medja l-oħra.  Biss, min qiegħed fil-ħajja politika jaf li dak li jwettaq, u dak li jagħmel jinstema’ sew, sija dak li jsir mal-jum, kif ukoll dak li jsir mal-lejl.  Bħall-arloġġ tal-knisja għandu jkun jaf li ma’ kull kwarta hemm it-tokki għaddejja.  Biss, kif qegħdin sfortunatament naraw, il-każijiet ta’ aġir żbaljat flok jisparixxu qegħdin jikbru ferm u ferm aktar.  Min għandu bħalissa l-poter f’idejh m’huwiex jifhem kemm irid joqgħod attent.  Kemm għandu responsabbiltajiet f’kull ħin u f’kull mument tal-ħajja.  Fejn f’għajnejn il-pajjiż ma hemmx distinzjoni bejn il-ħajja pubblika u dik privata.

Magna tal-arloġġ

6.      L-azzjonijiet li din il-klassi politika twettaq, u dawk li iktar tard insiru nafu bihom, qegħdin jixħtu dell ikrah fuq is-soċjetà tagħha.  Hemm komportament li kull ministru għandu jġib ruħu fih.  Hemm dak li huwa miktub u dak li m’huwiex, imma mistenni minnu.  Preżentement,f’din l-amministrazzjoni ma hemmx attenzjoni għal dan.  Dan ma jfissirx li ma kienx hemm diversi bnedmin oħra li ġew qabilna u servew fit-tajjeb.  Li ħadmu sabiex jgħinu lil dawk li jbatu kull ġurnata biex jaqilgħu l-ewro tagħhom.  Għandna diversi Prim Ministri u politiċi passati li kienu magni ta’ arloġġ, eżemplari u l-imġieba tagħhom kienet korretta fil-privat u fil-pubbliku.

Għandna arloġġ minnu

7.      Proprju lbieraħ sellimna l-memorja ta’ wieħed mill-aqwa Prim Ministri ta’ pajjiżna u tal-Partit Nazzjonalista, Sir Ugo Mifsud.  Avukat magħruf mad-dinja, bniedem li serva lil pajjiżu għal snin diffiċli u li ħadem għall-proxxmu.  Ma sarx sinjur fil-politika, anzi ħa mrar varju minnha.  Kien bniedem li l-poplu, anzi, seta’ jiddependi minnu.  Korrett, onest, preparat, b’reputazzjoni mill-aqwa u li, mar fejn mar u tkellem ma’ min tkellem, ħalla wirt għalina.  Kellna arloġġ minnu, li anke jekk kien ressaq huwa wkoll każijiet ta’ libell, ma wasalx biex jippreżenta mandati kontra min kien uża l-pinna kontrih.  Kien, fuq kollox, il-bniedem li ħamsa u sebgħin sena ilu ħalla din id-dinja waqt li fil-Parlament kien qiegħed jiddefendi u jitkellem kontra azzjoni ħażina u żbaljata li kienet qegħda tinħema kontra politiċi oħra.

Arloġġ politiku wieqaf

8.      Il-kuntrasti bejn il-mod ta’ kif wieħed iġib ruħu fil-politika u kif le hemm qegħdin, għal għajnejn il-pajjiż.  Kif l-istess huwa l-kuntrast bejn il-linja politika li ma’ kull jum qegħa toħroġ li l-Gvern, li għamel issa arti mill-klijenteliżmu, mill-preferenzi u l-korruzzjoni u diversi oħra li kien hemm qabel.  Il-fatt li għandna politiċi li m’humiex isegwu l-eżempji tajba tal-passat ma jfissirx li għandna nieqfu milli naħdmu għas-sewwa.  Ħafna minna qegħdin fil-politika għall-oħrajn, u nifhmu li b’din it-tmexxija qegħdin immorru lura u nitilfu f’ħin prezzjuż għalina lkoll.  Nifhmu li l-arloġġ tal-politika tas-sewwa huwa preżentement wieqaf.  Proprju minħabba dan li nkomplu bil-persistenza u bl-insistenza kostanti tagħna ta’ arluġġari għas-sewwa sabiex is-sitwazzjoni tinbidel.


Dun Ġużepp Zammit.


 
1.      Tul il-ġimgħat li għaddew attendejt għall-funeral ta’ saċerdot Bormliż, fejn bi pjaċir smajt il-priedka mill-isbaħ u studjata li niseġ in-neputi dirett tiegħu, it-Tereżjan Patri Juan Debono.  Dun Ġużepp Zammit, wara ħajja ddedikata totalment għas-saċerdozju, għadda għall-ħajja ta’ dejjem.  Ġie msejjaħ lejn il-pajjiż li dejjem għaraf li huwa ċittadin tiegħu.  Kien bniedem magħruf sewwa ġewwa pajjiżna, b’mod partikolari u anke uniku ġewwa din id-dinja Bormla.  Persuna li tul din l-eżistenza ma abbandunax, kienu x’kienu l-avversitajiet, il-missjoni tiegħu, anke speċjalment lejn l-aħħar snin meta kien ċar li l-forzi fiżiċi tiegħu kienu qed jonqsulu.

2.      Ta’ nisrani veru u eżemplari, minkejja li ħajtu qattagħha f’ħidma attiva u dinamika, meta daħal l-istaġun tax-xitwa aċċettah u għannqu b’imħabba.  Il-ġenerazzjoni tiegħi, dawk li tbaskatna flimkien il-Parroċċa u Santa Tereża jafu b’dan.  Minn mindu kont tifel żgħir niftakru jqaddes, iqarar u jservi.  Il-bniedem li bħal anġlu kustodju ħassejtu jarani nitla’ t-taraġ tal-preċett, tal-griżma u taż-żwieġ.  Ħafna drabi bi tbissima u ħafna iktar b’dik l-għaġġla distinta li kienet taħlita ta’ nervożiżmu, imħabba u eżekuzzjoni immedjata ta’ dak li kellu jsir.  Kien, fir-realtà, bniedem dixxiplinat miegħu nnifsu.  Iżomm il-ħin u kostanti.  Ma kellux burdati, dak li għandu jsir jitwettaq, imma fuq kollox isir b’ferħ.  Dik il-kwalità li tidentifikana li qisha qegħda tonqos fost l-insara.

3.      Niftakru għal snin twal, għall-ħabta ta’ nofsinhar, is-siegħa, tielgħa minn quddiem id-dar wara li jkun niżel minn tal-linja.  Dejjem bl-istess enerġija u determinazzjoni sabiex wara l-ħidma ta’ filgħodu jipprepara ruħu għal dik ta’ filgħaxija.  Ovvjament, wara li jkun niżżel ftit petrol essenzjali biex jibqa’ għaddej.  Kien iffukat f’dak li sejjer jagħmel.  Ma kienx ikun hemm attività reliġjuża fuq livell nazzjonali jew ġewwa beltu li ma kienx ikun preżenti għaliha.  Iktar u iktar meta miegħu kienu jservu saċerdoti oħra Bormliżi oriġinali, addottati u  naturalizzati bħal Dun Gustav Barbara, Dun Ġużepp Bonello, Dun Ġorġ Abela, Dun Joe Abela u Dun Victor Cilia.  Kien, flimkien magħhom, ta’ eżempju għal diversi, speċjalment dawk li iktar tard qabdu huma wkoll l-istess triq li kien daħal għaliha huwa.

4.      Ma kien ikkumplikat xejn.  Kien, però, persuna li jżomm ruħu aġġornat b’dak li kien ikun għaddej fid-dinja; ma taqbiżlux waħda.  Sija fil-knisja, kif ukoll f’dak tal-pajjiż.  Bniedem li ma qagħadx lura, imma żamm ruħu jaqra kotba varji biex jibqa’ jifhem id-don u l-misteru li kien ingħatalu jservi fih.  F’din il-missjoni unika li huwa ħa ħsieb iwettaq b’ħeġġa u fl-ispirtu tal-evanġelizzazzjoni kostanti.  Anki fl-avversità kien kapaċi jsir ir-raġġ tad-dawl u jispjega dak li qiegħed isir għaż-żmien li ġej.

5.      Waqt li kont qiegħed nipprova nispjega lili nnifsi Dun Ġużepp x’ifisser għalija, mingħajr ma ridt, proprju waqt li pajjiżna kien qiegħed jiċċelebra l-bidu tal-Presidenza Ewropea, reġa’ ġie f’moħħi l-librett mill-isbaħ ta’ San Ġwanni Pawlu II, “Dono e Mistero”.  Ktieb li diversi saċerdoti ta’ dik il-ġenerazzjoni, huwa inkluż, xtraw u qraw bil-qalb.  Ġew lura quddiem għajnejja l-kliem tal-bidu tiegħu, fejn il-Papa jgħid hekk:  “La storia della mia vocazione sacerdotale? La conosce soprattutto Dio. Nel suo strato più profondo, ogni vocazione sacerdotale è un grande mistero, è un dono che supera infinitamente l’uomo. Ognuno di noi sacerdoti lo sperimenta chiaramente in tutta la sua vita. Di fronte alla grandezza di questo dono sentiamo quanto siamo ad esso inadeguati.”

6.      Dan kollu huwa u kien minnu għalih.  Fl-umiltà u fis-servizz kontinwu u totali għall-proxxmu, Dun Ġużepp għamel ħafna ġid lil pajjiżna.  Servizz u ħidma li ħafna sfortunatament jinjoraw, jew agħar, jippruvaw iċekknu li però, jgħidu x’jgħidu hemm tibqa’.  Dan għax ulied il-Knisja Kattolika huma ċittadini eżemplari, li jagħtu u jiddedikaw ħajjithom kompletament għall-oħrajn, hu x’inhu l-istat tagħhom.  Dun Ġużepp Zammit kien u ser jibqa’ jiġi mfakkar proprju għal dan.  Kemm aħna fortunate li għandna aktar saċerdoti u reliġjużi li huma donaturi tal-eżistenza tagħhom lil ħajjet l-oħrajn.





UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...