7.9.16

Kumplikazzjonijiet oħra



1.      Tul din il-ġimgħa, il-mistrieħ tipiku li jġib Awwissu għall-Unjoni Ewropea ta sinjali ċari li kien diġà għadda.  Għax għad hemm fl-arja l-kwistjoni tal-ħruġ tar-Renju Unit minnha.  Hija sitwazzjoni politika li trid tiġi konfrontata llum jew għada, dejjem jekk dak il-pajjiż jibqa’ hekk deċiż li jiċċaqlaq.  Dan għax jidher li min-naħa tal-istess Renju Unit ma hemmx, f’dan l-istadju, wisq għaġġla.  F’din il-pożizzjoni, li fuq naħa tidher apparentement ċara, fil-verità hija ferm iktar ikkumplikata milli wieħed jista’ jaħseb.  Kien jixraq għalhekk li jibda proċess intern fi ħdan l-Unjoni sabiex wieħed jipprepara ruħu dettaljatament għal dak li jista’ jiġi fuqna.

Disentangle
2.      Il-kumplikazzjonijiet huma fil-fatt varji.  Min-naħa tal-poplu li ddeċieda li jitlaq hemm il-bidu tal-għarfien ta’ kemm hemm xogħol biex dan ikun jista’ jsir.  Il-ġurnal “The Economist”, fl-aħħar ħarġa tiegħu spjega hekk: “Nobody has ever before tried to disentangle a large and sophisticated economy like Britain’s from an intricate and regulated a body as the European Union, after it has been a member for 43 years.  F’dan għalhekk qegħdin iqumu żewġ linji li jiddependu fuq il-futur.  L-ewwel, meta r-Renju Unit ser jiddeċiedi li jibda formalment il-proċess legali tal-ħruġ taħt l-Artikolu 50 tat-Trattat, u t-tieni, kemm ser idumu għaddejja dawn in-negozjati għall-ħruġ meta t-Trattat jindika ċar li jrid isir fi żmien sentejn, mentri diġà hemm min qiegħed jgħid li ser jieħu għaxar snin.

Nuqqas ta’ ftehim
3.      Wieħed jifhem iktar dan meta jara x’qiegħed jiġri preżentement f’dak il-pajjiż u dak li l-Prim Ministru Theresa May trid tikkonfronta.  L-għażliet tagħha fil-Kabinett kienu evidenti.  Ħatret lil Boris Johnson bħala Foreign Secretary, lil Liam Fox bħala Secretary of State for International Trade u lil David Davis bħala Secretary of State for Exiting the European Union, magħrufa bħala dawk li riedu l-Brexit f’pożizzjonijiet determinanti biex dan jitwettaq.  Biss, hawn hawn żewġ kumplikazzjonijiet oħra.  L-ewwel: qiegħed jingħad li żewġ ministeri għadhom mhux preparati.  Jingħad li dak immexxi minn Davis, li huwa fir-realtà kruċjali, għandu bżonn 400 ruħ u sa issa għandu biss 150.  Dak ta’ Fox irid 1,000 ruħ u għadhom lura.  It-tieni, l-mod ta’ kif tfasslu l-Ministeri qegħdin iġibu kunflitti bejn dak li huwa ta’ kompetenza ta’ wieħed u dak li huwa ta’ l-ieħor.  Nuqqas ta’ ftehim li flok qed jiġu diskussi fil-Kabinett qed isiru fil-pubbliku.

Wait and see
4.      Wieħed jifhem ferm iktar għala diversi mezzi tax-xandir qed jgħidu li Theresa May m’għandhiex għaġġla u tippreferi iktar “Wait and See” fejn jidħol dubju kbir fuq l-intenzjonijiet illum wara l-ewwel effetti negattivi.  Fuq dan issib sentenzi bħal “The Brexit will take longer than British voters imagined in the June referendum – and there’s a good chance it will never happen.”  Din l-inċertezza tar-Renju ma tistax titħalla mill-bqija tal-membri fl-Unjoni Ewropea.  Għax huwa ċar li għaġġla żejda tkun dejjem żbaljata għaż-żewġ naħat.  Biss, linja ċara trid tiġi meħuda.  U hawn huma l-kumplikazzjonijiet għall-Unjoni Ewropea, li trid tagħżel hija x’ser tagħmel fin-nuqqas preżenti tan-naħa l-oħra.

Karozza tal-linja
5.      Fuq in-naħa tal-Unjoni hemm linji varji.  Hemm min, bħall-Franċiżi, li jridhom barra malajr kemm wieħed jista’ u hemm min min-naħa Ġermaniża li qed jieħdu linja inqas iebsa.  F’dan għamel ħafna sens li l-Ġermanja, immexxija minn Angela Merkel, Franza minn François Hollande u Matteo Renzi għall-Italja, jiltaqgħu minn qabel.  Laqgħa interessanti seħħet ġewwa Ventotene, li hija gżira żgħira ftit ‘il-barra minn Napli fejn Altiero Spinelli, wieħed mill-fundaturi tal-Unjoni kien waqt li kien arrestat mill-gvern faxxist fil-ħabs ta’ Santo Stefano kiteb manifest għall-Ewropa federali.  Dan għax hemm bżonn strateġija u għaqda interna iktarminn qabel f’dan il-mument diffiċli.  Il-karozza tal-linja Unjoni Ewropea ma tistax tiġi pparkjata, tistenna f’limbu, jekk passiġġier huwiex effettivament ser jinżel jew le wara li daqq il-qanpiena.

Voglia di scrivere il futuro
6.      Il-ħsieb, il-kumplikazzjonijiet diversi jafuhom speċjalment dawk li kienu fundaturi tal-Unjoni Ewropea.  Is-separazzjoni mhux ser tkun faċli u ser ikun hemm bnedmin li ser isofru soċjalment u ekonomikament.  U f’dan huwa iktar evidenti meta l-battuta prinċipali ta’ Renzi kienet: “Molti hanno pensato che dopo la Brexit l’UE fosse finita.  Non è così: abbiamo voglia di scrivere il futuro.”  Dak li attwalment ġie diskuss bejn dawn il-mexxejja, kif jiġri diversi drabi, ħafna minnu ma ħariġx barra.  Il-punti prinċipali li ħarġu kienu iktar marbuta mal-immigrazzjoni, mas-sigurtà, il-kontroll tal-fruntieri u t-traġedja ta’ Aleppo fis-Sirja.  Biss, il-pedament beda jsir sabiex it-triq tiġi mfassla u nimxu lkoll fiha.  Anzi, kif jingħad aħjar minn Rendi li kkwota lil Spinelli: “La via non è facile, non è sicura, ma deve essere percorsa e lo sarà.”

Presidenza Maltija
7.      F’dan kollu pajjiżna ġie f’diffikultà u kumplikazzjoni akbar minn presidenzi oħra, hekk kif fl-1 ta’ Jannar 2017 il-mazz jiġi f’idejna.  Bħala ministru stajt nara d-differenzi fil-presidenzi.  Stati Membri jirnexxilhom iċaqilqu d-dinja, oħrajn ma tantx.  Uħud iħallu l-marka tagħhom, oħrajn le.  Fin-“normalità” hemm l-intoppi u m’hemmx dubju li għal dak li ġej hemm ferm u ferm iktar.  Ma’ dan hemm in-nuqqas ta’ esperjenza li pajjiżna ser jaffronta.  M’għandniex bnedmin li għaddew minnha qabel għax qed issir għall-ewwel darba.  Nittamaw f’dan, l-ewwel li kollox jgħaddi għat-tajjeb għax dan ser ikun eżami qawwi; u t-tieni, li min jiġi magħżul imexxi fis-setturi varji jkun, biex ngħidu, tal-inqas ippreparat sa snienu u kompetenti.  Għax għalkemm nafu li fl-Unjoni Ewropea għandna diġà ħafna kumplikazzjonijiet, nisperaw li aħna stess ma nżiduhomx fix-xejn.



1 comment:

Unknown said...

This attitude by British Politicians is not unusual. They seem to be precise in tactics referring to Theresa May. Putting the culprits in the lead may not mean panic to Britain but a ploy to steer Britain into stability from a European point of view . The delay could be seen as advantageous for Britain seeking to find a realistic political position and by that as always supremacy in Europe and a balancing act with France and Germany. This is all my penny's worth on the situation.

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...