24.8.16

Lejn it-Torrijiet ta’ Babel.




1.      L-approvazzjoni ta’ numru ta’ torrijiet fl-Imrieħel u f’Tas-Sliema mill-Awtorità tal-Ippjanar ħalliet il-maġġoranza tal-poplu b’togħma xejn tajba.  L-opinjoni ġenerali hija kontra dan l-iżvilupp.  Kontra li fil-pajjiż tagħna tidħol din il-linja ta’ bini għal diversi raġunijiet.  Mill-iktar fil-qosor għax: l-ewwel, minħabba l-estetika; it-tieni, il-karattru sħiħ tal-art; it-tielet, għax bżonn veru ma hemmx għalihom.  Rajt reazzjonijiet differenti minn numru ta’ bnedmin ta’ rieda tajba.  Uħud fuq naħa ħassewha iktar għax kienu daħħlu lilhom infushom biex jemmnu li dan il-Gvern Laburista ġdid dawn l-affarijiet mhux ser jippermettihom, iktar meta kienu jisimgħu li Malta hija tagħna lkoll.

Maħduma minn qabel
2.      Ħafna drabi, ulied is-sewwa ma jkollhomx il-ħażen li għandhom oħrajn.  Minflok sabu l-kontra.  Sabu fil-verità r-riżultat ta’ snin ta’ ħidma biex naslu hawn.  Il-kontrolli kollha li kien hemm qabel issa tneħħew u l-bieb infetaħ beraħ għal dawn it-tip ta’ proġetti.  L-ewwel mossa determinanti saret appena l-Awtorità tal-Ippjanar infirdet minn dik tal-Ambjent.  Minkejja dak kollu li ngħad fil-Parlament mill-Ministru ta’ dak iż-żmien Leo Brincat, din ma servietx biex tissoda iktar l-aspett ambjentali, imma deċiżament il-kontra.  Ċert li min kien qiegħed jippilotaha ma kienx qiegħed jagħmel dan b’intenzjonijiet żbaljati.  U l-affarijiet ġew iktar bizzilla kif min kien deċiż li jwettaq dak li kien qal, issa tneħħa konvenjentement minn nofs f’limbu politiku interessanti.  Ikolli ngħid, ma naħsibx li qabel wisq.

Min kien hemm warajha?
3.      L-ambjent, bl-Awtorità tiegħu, issa tilef kull saħħa li kien akkwista taħt amministrazzjonijiet differenti.  Kien fil-qalba tal-punt u mhux qiegħed jilgħab away, imma home huwa wkoll.  Dak il-gwardjan tal-post fejn ngħixu, tal-pajjiż li nħobbu ġie deċiżament żarmat.  L-id warajha ma kienet ta’ ħadd salv tal-Gvern preżenti.  Għadda biż-żmien lil diversi persuni ta’ kwalità li jiktbu spiss ukoll.  Uża l-pinna tagħhom meta kien fl-Oppożizzjoni; uża wkoll il-kunsens tagħhom biex għamel preċiżament u direttament il-kontra ta’ dak li ħasbu huma fl-innoċenza tagħhom.  Kien hemm mewġa li ħakmitna.  Illum, però, it-tort ta’ dan kollu huwa ta’ din l-Amministrazzjoni.  Sa issa, forsi żbaljat, imma għadni ma qrajt b’ebda ministru jew segretarju parlamentari jingħaqad mal-poplu u jikkundanna dawn it-Torrijiet ta’ Babel.  Smajt, minflok, diversi jistaqsu dwar fejn spiċċat il-kuxjenza soċjali ta’ dan il-Kabinett.

F’min sejrin inwaħħlu?
4.      Kemm kienet iktar komda u konvenjenti li minn meta ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet żbaljati, il-gazzetti kienu mimlija b’ta’ min huwa t-tort.  Fejn smajna kif il-membru Timmy Gambin, li l-ewwel qalulna li rċieva ittra li ma qrahiex u wara qalilna li ma kienx obbligat jagħmel dan.  Wara, kif weħel iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent, il-Profs. Victor Axiaq.  Għax messu, minkejja li kien għadu kif ħareġ mill-isptar, jattendi.  Weħlu fin-nofs diversi oħra f’forma ta’ telenovela aqwa minn dawk l-Ispanjoli, immarkata biex taljena u twaħħal f’min proprju m’għandux tort.  Bniedem ta’ dik l-integrità u esperjenza mhuwiex ser jinxtara proprju minn ħadd.  Fuq dan anzi, ħafna fehmu li sija ġewwa l-Awtorità tal-Ippjanar u fil-Gvern ċertament li hemm min jaf li kien ma jiflaħx jattendi.  Allura wieħed jistaqsi: jekk għall-Gvern il-vuċi tal-Ambjent hija daqshekk importanti, kif il-membri maħtura minnu ma ħadux ħsieb li fl-assenza tiegħu, flok jibqgħu għaddejjin, jiffissaw minflok il-laqgħa għal meta seta’ jattendi?

Il-Knisja difensura
5.      Il-Knisja llum immrakat iż-żminijiet u qegħda tieħu l-pożizzjonijiet għas-sewwa, differenti minn qabel.  Spikkat bil-vuċi tal-mexxej, l-Arċisqof Charles Scicluna, li ħadd ma jista’ jmeri li kienet ċara, preċiża, diretta u mhux politika.  L-artikolu tiegħu “The Midas Curse”, li deher f’diversi gazzetti, huwa sejħa qawwija favur il-ġid komuni u li jmiss il-kuxjenza.  Il-kliem tiegħu: “Shame on the Planning Authority that seems to be insensitive to the visual impact of these cement monstrosities on the soft rambling contours of our countryside and traditional townscapes.  Shame on the government authorities that chose to include Mrieħel at the last moment in the list of earmarked for high rises without giving civil society the opportunity to voice any sort of concern” huma prova ta’ dan.  Kliem li għalihom, sa issa, ma rajtx wisq tweġibiet. Rajt, anzi, li l-pożizzjoni tal-Knisja mhix ma’ dawk li għandhom il-flus, imma għadha d-difensur ta’ dawk li huma minn taħt.  Aqwa minn hekk, il-Knisja ma hija fil-but ta’ ħadd.

It-tort tal-Gvern

6.      L-artikolu jistaqsi iktar fil-fond u b’saħħa: “Who will defend us from those who took the solemn oath to defend the common good without fear or favour?”  Il-proċess kollu qiegħed, għal diversi jidher li huwa mimli b’makakkeriji u irregolaritajiet.  Il-mossi, il-ħbula nġibdu direttament minn fuq, minn naħa tal-Gvern, li huwa ċar li ried li dawn it-torrijiet jiġu approvati.  Ma kien hemm ebda kundanna, anqas dikjarazzjonijiet, li ser jittieħdu xi passi biex il-Kabinett iwaqqaf dan.  Kien hemm biss strateġija maħduma li bdiet, bl-ewwel li titwarrab min-nofs l-Awtorità tal-Ambjent, u wara ġġib dik tal-Ippjanar għas-servizz ta’ sidien ta’ torrijiet bħal dawn.  Wara twaħħal f’min m’għandhiex.  It-tort mhux ta’ bnedmin li smajna isimhom, imma tal-Gvern.

Din l-Art għadha ħelwa
7.      Tul din il-ġimgħa qrajt artikolu li jgħid ħafna, fejn is-sub-titolu kien “Din l-Art Kerha: Malta’s new national anthem”.  Nifhem u napprezza r-reazzjonijiet oġġettivi ta’ Martin Scicluna, iktar u iktar x’ħin kiteb: “These are vanity projects unworthy of a Prime Minister who was elected to office promising “to protect environmental standards ... because our children deserve this.”  Biss, pajjiżna preżentement għadu wieħed sabiħ, għadna Din l-Art Ħelwa.  Għax nistgħu ninbidlu jekk it-Torrijiet ta’ Babel isiru u mhux jaqgħu.  Għalhekk, appell mill-aspett legali għal din id-deċiżjoni għamel sewwa li ser jagħmlu l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, u miegħu nittamaw li jingħaqdu l-Awtorità tal-Ambjent u diversi għaqdiet oħrajn.  Biss, appell iktar deċiżiv u ta’ prova jista’ jsir mill-Gvern biex jibdel dan l-iżball kbir tiegħu.  Għax irid jingħad li jekk iħalli kollox għaddej ser jiżdiedu dawk li diġà qegħdin jifhmu li Malta, Din l-Art Ħelwa, kienet diġà tagħna lkoll qabel l-Elezzjoni Ġenerali, mentri llum inbidlet u hija tal-ftit.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...