1.8.16

Dak li ħallejna



1.      Kull min ikollu l-poter ta’ pajjiż fdat f’idejh jaf li, minkejja l-isforzi u l-intenzjonijiet tiegħu kollha, hemm passi li ser jirnexxilu jibda u jlesti u oħrajn li jibdew u ma jispiċċawx.  Sa issa għad ma twelidx gvern magħmul mill-bnedmin fuq wiċċ din id-dinja li kien perfett.  Seta’ ħadem lejn li jkun, kemm jista’ jkun, tajjeb.  Biss, il-limitazzjonijiet huma hemm.  Kull tmexxija, għalhekk, twettaq u tħalli għal ta’ warajha xogħol f’postu, dak li qiegħed jiġi f’postu u dak li għad irid jinbeda.  Ikun żbaljat min imur jgħid barra li “ma sab xejn”.  Anqas ma jkun korrett min jagħti l-impressjoni li sab l-affarijiet mhux f’posthom, meta ma jkunx hekk, biex jaħbi dak li ma jkunx għadu wettaq hu.



Aħdem u aħseb it-tajjeb



2.      Hemm min illum jitkellem b’dan il-mod u jinsa li triqtu tħajjar oħrajn warajh jagħmlu l-istess lilu.  Dan għax diġà qegħdin f’sitwazzjoni politika li fiha qatt ma konna.  Fejn diġà għandek kampanji biex iċekknu lill-oħrajn.  L-għażla hija f’idejn kull politiku li jew isegwi l-eżempji l-ħżiena, jew imur kontra l-kurrent preżenti.  Jew ikun xhud għal-linja politika t-tajba li fiha jkun hemm rikonoxximent u rispett, inkella le.  Faċli, ovvjament, il-linja li ċċekken u iktar diffiċli l-oħra.  Nistqarr li għalkemm it-tentazzjonijiet jiġu lili wkoll, għażilt li ma nitkaxkarx milli nipprova nkisser dak li għamel ħaddieħor.  Għax il-politiku għandu jaħdem u jaħseb it-tajjeb biex jibni.



Ħafna mix-xogħol ma jidhirx



3.      Kull min għandu, jew kellu r-responsabbiltà tal-poter, u moħħu jħares lejn dawn il-prinċpji jagħraf li ma jistax jingħata ġieħ għal dak kollu li jwettaq.  Hemm min jaqleb l-affarijiet u qabel kull ħidma jrid ikun ċert li ser jidher fuq il-gazzetti, eċċetra, qabel jidħol għal xi ħaġa.  Il-vanaglorja hija waħda mit-tentazzjonijiet qawwija fuq naħa.  Fuq l-oħra hemm min jirraġuna li, jekk ma jidhirx, ikun hemm min jaħseb li ma huwa jagħmel xejn.  Għaddejt jien ukoll min dan l-eżami.  Għażilt li naħdem biss f’isem il-poplu u r-riżultati joħorġu waħdehom.  Għażilt li nwettaq dak li fil-ġudizzju uman tiegħi, daqqa korrett u daqqa inqas, li b’din l-attività nżid fil-wirt tal-ġid komuni.  Ma kinetx għażla faċli.  Biss, fuqha għadni nara r-riżultati t-tajba.  Għadni nara dak li twettaq ikompli jagħti l-frott u jikber.



Tħares fit-tul



4.      Fil-politika trid sabar u paċenzja kbira, jekk trid tibqa’ tkun strument għas-sewwa.  Taf li hemm mumenti meta ħidmietek titkasbar minn oħrajn għar-raġunijiet strambi tagħhom.  Però, taf ukoll li ser ikun hemm diversi oħra meta jdur ir-riħ.  Għalkemm bħala Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern kien hemm min ma qabilx miegħi fuq il-linja umana li ħadna fis-settur tal-immigrazzjoni irregolari, xorta bqajna naħdmu u nħarsu fit-tul.  Bħala pajjiż sostnejna b’intelliġenza u għaqal il-ħidma fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li permezz tagħha din l-isfida ma tkunx biss waħda nazzjonali, imma ssir iktar Ewropea.  Kontra kull kurrent intern u estern, wettaqna ħafna passi li fuqhom l-istess Unjoni, iffaċċjata b’iktar persuni, illum qegħda issa ssegwi.



Immigranti bnedmin



5.      Kien hemm diskussjoni preċedenti fuq il-kunċett ta’ ċentru minn fejn l-Unjoni Ewropea seta’ jkollha strateġija u ħidma komuni fis-settur tal-immigrazzjoni u l-ażil.  Kelli x-xorti li, taħt il-Presidenza Franċiża tal-2008, it-twaqqif ta’ Uffiċċju Ewropew għall-Ażil tressaq ‘il quddiem fil-prijorità.  Dan l-uffiċċju, li huwa iktar magħruf bħala l-‘EASO’, beda konkretament taħt il-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil.  Il-Kummissjoni, dak iż-żmien immexxija minn Jacques Barrot, li llum ingħaqad lura mal-Ħallieq, u iktar tard minn Cecilia Malmström, tellugħ fuq l-aġenda u sostnewh.  Mill-ewwel laqgħat, ħadna ħsieb li niddikjaraw li ridna li dan l-uffiċċju jiġi ġewwa pajjiżna.  Saret ħidma diffiċli li permezz tagħha dan ġie vvutat, mill-maġġoranza tal-membri, biex jitwaqqaf f’pajjiżna.



Ħidmet l-Uffiċċju



6.      Illum, l-Unjoni Ewropea għandha ċentru li jara dak kollu li huwa għaddej fis-settur tal-immigrazzjoni u l-ażil.  Għandha struttura li tassisti ‘l-pajjiżi membri li jsibu ruħhom iridu jwieġbu għall-isfida ta’ kif tagħti kenn, għajnuna u assistenza lil dawk li qed jiġu ppersegwitati u għandhom bżonn protezzjoni.  Minn dawn il-gżejjer, kuljum hemm informazzjoni dieħla u ħierġa li tippermetti strateġija loġika.  Hemm bnedmin ġejjin jitgħallmu u jitħarrġu x’għandhom jagħmlu, kif jistgħu jtaffu l-problemi li jinqalgħu u, fl-istess ħin, jagħtu soluzzjonijiet tajba.  Sirna ċentru qawwi ta’ attività.  Wieħed li jrendi u jiġi finalment apprezzat.  Wieħed li qiegħed jistabbilixxi “best practice” aqwa u li jqiegħed l-eżempju li oħrajn fid-dinja għandhom isegwu.



Ħames snin ilu



7.      Fid-19 ta’ Ġunju 2011 għalaqna l-proċess tal-ftehim, li permezz tiegħu dan l-Uffiċċju tal-Ażil seta’ jibda jopera u jitħaddem f’pajjiżna.  Kelli l-pjaċir li nagħlaq snin ta’ ħidma bil-firma f’isem u favur l-Istat demokratiku Malti sabiex l-operazzjonijiet jibdew.  Ma kellix dubju f’moħħi dak iż-żmien li l-isfida tal-immigrazzjoni u l-ażil kienet sejra tikber, u mhux tiċkien.  Konna fl-eqqel tat-taqlib li d-dinja Għarbija kienet għaddejja minnu.  Il-ġlieda għal-libertà u għad-demokrazija li bdiet mit-Tuneżija u nxterdet f’pajjiżi oħrajn fosthom, u l-iktar dirett lejna l-Libja, u iktar ‘il quddiem is-Sirja.  B’terġa’, problemi miftuħa fl-Etijopja, fl-Afganistan u fl-Iraq.  Kien għalhekk determinanti għalija li jkun hemm: l-ewwel, dan l-Uffiċċju stabbilit u jaħdem; u t-tieni, li jkun bażat f’pajjiżna.



Ġid u prestiġju



8.      L-Uffiċċju ġieb miegħu ġid soċjali u ekonomiku għalina fuq naħa, u prestiġju fuq l-oħra.  Hemm diġà mitt ruħ jaħdmu fih, jgħixu hawn b’salarji Ewropej.  Ma’ dan għandek kwantità kbira ta’ bnedmin ġejjin u sejrin minħabba fl-importanza u ħidmietu.  Dan sarraf u qiegħed jagħti lura lill-ekonomija u s-soċjetà tagħna l-ġid.  Ma’ dan għandek il-prestiġju li rnexxilu jġib għax sarraf fi strument dirett lejn din il-problema umana.  Diversi li kienu xettiċi u li kkritikaw preċedentement, illum qed jagħrfu li għamilna pass tajjeb ħafna ‘l quddiem.  Tant, li f’dawn l-aħħar ġimgħat, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li taqbad it-triq li żżid is-saħħa tal-Uffiċċju.  Iżżid ir-riżorsi umani, dawk finanzjarji, loġistiċi u operazzjonali.  Dan ser ifisser żieda ta’ ħames darbiet ta’ dak li kien hemm qabel.  Il-persuni li jaħdmu fih waħedhom, minn mija ser jitilgħu għal ħames mija.



X’għamilna f’25 sena



9.      Proprju għax m’għamilna xejn f’ħamsa u għoxrin sena, dan l-Uffiċċju qiegħed ikompli jikber fuq il-ħidma li għamilna qabel fih.  Nifhem li hemm min irid jaħbina wara l-kantuniera qisna ma għamilna xejn.  Biss, il-fatti hemm qegħdin.  Dan huwa wieħed mill-passi t-tajba li għamilna għal pajjiżna li jingħaqad ma’ diversi oħra u li huwa għad-dispożizzjoni ta’ dan u ta’ gvernijiet oħra iktar ‘il quddiem.  Anzi, jagħmel tajjeb dan il-Gvern jekk japprezza iktar l-importanza tiegħu u jħaddnu.  Għax hija għalija verament tal-mistħija kif il-kumitat b’saħħtu tal-Committee on Civil Liberties, Justice and Home Affairs kellu jiġi, b’terġa’ tlett deputati biss, l-ewwel darba wara ħames snin sħaħ ta’ ħidma.  Hemm bżonn li iktar Ministri u Membri Parlamentari Ewropej jinġiebu hawn biex jaraw b’għajnejhom dak li qiegħed isir u jifhmu direttament.  Ma nagħmlux l-iżball li fil-logħob tal-politika bla sens tagħna nitilfu minn dan il-vantaġġ, imma nibnu u nsarrfuh aħjar.  Dak li ħallejna bħala Partit Nazzjonalista qiegħed hemm għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd.  Għalhekk għandu jsir użu aqwa minnu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...