1.8.16

Kwistjoni ta’ Solidarjetà.


 
1.      L-eventi fir-Renju Unit iddominaw il-mezzi tal-aħbarijiet tul din il-ġimgħa.  Kien mill-iktar interessanti tara l-bidla fil-pożizzjonijiet ta’ politiċi li kienu qed iservu f’dak il-pajjiż.  Ta’ dawk li telgħu ‘l fuq, kif ukoll ta’ dawk li telqu mis-siġġijiet ta’ importanza għall-oħrajn.  Ftit setgħu, xahar ilu, jbassru li l-Prim Ministru David Cameron kien ser jirriżenja jew li Boris Johnson, li kien mistenni jieħu postu, l-ewwel jinqala’ l-barra mit-tiġrija u wara jispiċċa Ministru tal-Affarijiet Barranin.  Bħal ma anqas ħadd ma stenna anqas li George Osbourne, li għamel suċċess bħala Ministru tal-Finanzi, kien ser jitlef postu mill-Kabinett.  Biss, dik hija parti mill-effetti tar-referendum f’dan l-istadju politiku.

Mara oħra
2.      Ħadd ma kien, żgur mhux forsi, qiegħed jipprevedi li Theresa May, Ministru għall-Intern, kienet ser tispiċċa hi l-Prim Ministru ta’ dak il-poplu.  Id soda u determinata, attenta u ftit jaqbżulha mill-eventi li kienet responsabbli għalihom.  Waħda mill-iktar Home Secretaries li damet tokkupa siġġu li tradizzjonalment huwa mill-iktar diffiċli u jaħraq f’dak il-pajjiż.  Taħt amministrazzjoni Laburista, jekk m’jinix sejjer żball, fl-istess perjodu ta’ żmien inbidlu erba’ ministri li kienu lkoll tal-affari tagħhom.  Għalkemm, ma hemmx dubju li kull min b’xi mod sar jafha ferħilha, biss għandna ngħarfu li daħlet għal biċċa piż iebsa.  Il-vjaġġ minn issa ‘l quddiem ser ikun imħarbat waħda sew.

Bidla fid-direzzjoni
3.      Kelli l-opportunità li niltaqa’ magħha bħala Ministru tal-Intern u ma kinitx faċli biex tipperswadiha.  Anzi, kont ninnota li kienet attenta iktar mis-soltu b’dak li kont nipproponi jew ngħid.  Ma konniex naqblu fuq ħafna, imma kienet kapaċi tifhem pożizzjoni.  Taf xi trid u mhix lesta tikkonċedi xejn inqas minn dak li ddeċidiet b’kawtela kbira li ċċedi.  Speċjalment fuq kwistjonijiet marbuta mal-immigrazzjoni irregolari.  Rispett, però, qatt ma naqasha lejn l-oħrajn u mill-oħrajn lejha.  Meqjusa għall-aħħar kienet u kont nista’ ninnota li kellha pediment sod ta’ valuri nsara jduru fiha.  Dan ħareġ iktar biċ-ċar f’dawn il-jiem.

Attenzjoni ikbar
4.      L-ewwel diskors tagħha bħala t-tieni Prim Ministru mara tar-Renju Unit kien u għadu fonti ta’ tagħlim u direzzjoni.  Ma tkellmitx bis-soltu ringrazzjamenti u kliem ġenerali.  Kienet minflok ċara fil-linja differenti li trid tieħu mill-persuna li okkupa s-siġġu qabilha.  L-enfasi tagħha kien ċar: li qegħda twassal messaġġ ta’ solidarjetà u l-programm tagħha mal-pajjiż kollu.  Il-Partit Konservattiv iċċaqlaq pass ‘il bgħid mill-individwaliżmu liberali li ħonoq lilu u lil ħafna fl-Unjoni Ewropea wara l-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin.  Smajtha tgħid li trid tara tqassim iktar ġust tal-ġid nazzjonali.  Smajtha taqbeż għal dawk li huma l-iktar ‘l isfel fis-soċjetà bi strumenti u mekkaniżmi ekonomiċi kompletament differenti minn ta’ qabel.

Politika soċjali
5.      Meta smajt mill-ġdid id-diskors tal-Gvernijiet ta’ Cameron stajt ninnota li fl-aħħar budget nazzjonali ta’ pajjiżna kien hemm ħafna partijiet li ġew ikkupjati.  Il-Ministru tal-Finanzi tagħna ispira ruħu fuq ħafna minn dak li kien hemm qabel fir-Renju Unit.  Hemm taqbil interessanti bejn dak li qal wieħed u dak li rrepeta ieħor.  Din il-politika, fir-realtà serviet sabiex tassigura li jkun hemm maġġoranza li jridu joħorġu mill-Unjoni Ewropea.  Serviet għax diversi ħasbu li l-miżuri xejn popolari u anti soċjali li kienu qed isiru kienu ġejjin jew sforz, jew b’konsegwenza ta’ Unjoni Ewropea li tilfet il-valur tas-solidarjetà, tal-bniedem u  marret il-kontra.

Min huwa tajjeb
6.      L-esperjenza umana turi li ħafna drabi, min qiegħed f’pożizzjoni soċjali u ekonomika tajba ma tantx jiċċaqlaq.  It-taljani jgħidu “Chi sta bene non si muove”.  Il-mewġa tal-maġġoranza biex toħroġ mill-Unjoni fir-Renju hija indikazzjoni evidenti li kien hemm fosthom ħafna li ma ħassewx li qegħdin f’post li jirrispettahom u li għandu futur għalihom.  Il-Prim Ministru May naħseb li fehmet dan u qegħda tinterpreta tajjeb, f’dan l-istadju, il-polz tal-poplu.  Il-fatt li l-politika liberali li tħaddnet f’dan il-pajjiż u f’ħafna, anki tagħna, u li ġiebet differenzi kbar bejn min huwa fuq umin niżel iktar taħt titlob reazzjoni.  Titlob li mmoru f’pożizzjonijiet taċ-ċentru bażat fuq il-bżonn li min huwa fil-poter jassigura li kull min huwa fis-soċjetà jimxi ‘l quddiem u ma jitħalliex lura waħdu.

L-esperjenza politika
7.      Ta’ disgħa u ħamsin sena, Theresa May, skond ċerti persuni kienet fl-impossibilità li tilħaq f’din il-kariga.  Biss, hawn seħħ proprju l-kontra għax l-esperjenzi politiċi li ġabret tul dawn is-snin qed iservu sabiex jagħtu stabilità u direzzjoni.  Ma hemmx dubju li llum hija differenti u ferm iktar matura politikament minn dak li kienet fl-2010.  Politiku, kull wieħed li jkollu sens u sustanza fih, jibni fuqu nnifsu.  Jibni fuq l-iżbalji u s-suċċessi li jkun wettaq. Jifhem aħjar iż-żmien, isir ferm iktar sensittiv u attent għas-setturi kollha tas-soċjetà.  Il-Ministru tal-bieraħ mhix il-Prim Ministru tallum għax l-esperjenza politika, jingħad x’jingħad, hija vitali u ebda pajjiż demokratiku u f’sensih ma jista’ jarmi.

Il-valuri nsara
8.      Ma hemmx dubju li l-eventi li ġejjin ser ikunu diffiċli għas-soċjetà ingliża.  Biex taqleb minn sistema ġewwa l-Unjoni għal waħda barra fiha ħafna kumplikazzjonijiet.  Ser ikun hemm tbatijiet li l-iktar li ser jiġu effettwati minnhom huma dawk li qegħdin minn taħt.  Dan Theresa May tafu sewwa minħabba l-esperjenza politika tagħha.  Biss, ir-rimedju, is-soluzzjoni għaliha rajtu li qiegħed jiġbed iktar lejn il-lezzjonijiet li l-valuri nsara taw minn żmien għal żmien f’kull soċjetà.  Diskorsha, ħidmietha diġà jidhru li qegħdin fuq dik il-linja proprju biex is-solidarjetà ma tonqosx.  Għax din il-kriżi soċjo-ekonomika ġiebet magħha wkoll waħda ta’ identità.  Waħda li trid iddur lejn l-ankri l-antiki tagħha u tassigura li s-solidarjetà tikber u tiġi prattikata aħjar.  Dak li ser jiġri f’dak il-pajjiż fix-xhur u s-snin li ġejjin ser ikun għalhekk interessanti u influwenti.  Għalkemm ma naqblux mad-deċiżjoni tal-ħruġ mill-Unjoni Ewropea, nawgura minn qalbi l-ħidma t-tajba lill-ex kollega.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...