17.8.16

Mid-Dlam Lejn Iktar Dlam.


 
1.     Inżilna, sfortunatament, żewġ tarġiet iktar ‘l isfel tul dawn l-aħħar jiem.  It-tessut demokratiku tagħna, jingħad x’jingħad, oġġettivament ħa daqqa ta’ ħarta oħra.  Għandna diversi merti bħala pajjiż, u dawn ma ġewx mix-xejn, imma minn ħidma twila u kontinwa ta’ gvernijiet passati.  Anzi, għal min jiftakar, kien hemm mertu ċert fil-Partit Nazzjonalista li kien hu dak li emmen, ried u implimenta d-demokrazija.  U kien hemm f’dan kuntrasti kbar f’dak li seħħ fil-ħmistax-il sena ta’ soċjaliżmu.  Niftakru tajjeb dawk il-jiem meta l-ordni tal-ġurnata kienet li kull ma jista’ jiġi identifikat ma’ dan il-valur jiġi mkisser.



L-aduraturi tal-flus

2.     Gvern, hu min hu, jiżbalja meta jaħseb li l-pożizzjonijiet istituzzjonali li jipproteġu liċ-ċittadin mill-inġustizzji u l-illegalitajiet mhumiex importanti.  Li jistgħu jiġu injorati kompletament għax il-vojt jiġi determinat biss fuq kemm hawn flus jiġru mas-saqajn u fil-bwiet.  Hemm stati, li ma nistgħux insejħulhom “demokratiċi”, li jaħsbu li l-importanti huwa biss kemm l-ekonomija sejra tajjeb.  Ta’ dawk l-istati li fihom dawk li huma aduraturi tal-flus iħossuhom komdi f’dak li jridu jipperswadu ruħhom u lill-oħrajn li huwa tajjeb meta mhuwiex.  Il-flus, skont dawn, jitkellmu aħjar u kull bniedem għandu prezz biex jinxtara fl-opinjoni jew fil-vot.  Għalhekk, għal dawn huwa iktar importanti li jippruvaw u jiġġustifikaw it-tnaqqir tad-demokrazija għax uħud qed iħaxxnu l-but tagħhom.



Transparency International

3.     Sfortunatament, dan il-Gvern qed jassigura li jagħti l-opinjoni tiegħu nnifsu li qabad din it-triq għal dak li għalih huwa progress u suċċess.  Meta, kif ġie rappurtat mertu kbir tan-Nazzjon li l-istituzzjoni Transparency International tippronunzja ruħha fuq pajjiż fil-mod ta’ kif għamlet fuqna, is-sitwazzjoni mhix aktar tenibbli.  Meta din l-organizzazzjoni verament prestiġġjuża tgħid il-kliem ċar: “Malta needs to clean up its corruption mess before it heads for the Council of the EU next year”, naħseb li jkun żball jekk jiġu njorati.  Meta, terġa’, l-istess qegħda tikteb dan wara r-riżenja tad-Direttur tal-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) u l-ħames ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija, huwa ċar li trid tittieħed pożizzjoni għas-sewwa.  Jekk, kif qed jingħad fil-propaganda, li dan huwa Gvern li jiddeċiedi, hemm barra fit-triq ħafna qed jifhmu li ddeċieda proprju li ma jiċċaqlaqx u jħalli kollox nieżel iktar ‘l isfel.



Żwiemel tal-galopp

4.     Tant dan huwa minnu li, xjentement, tul il-ġimgħa bdiet il-kampanja tal-aljenazzjoni ġenerali bil-budget li ġej.  L-għażla strateġika, mimlija ħlewwa apparenti kienet dik imdaħħla u moħbija fil-kliem interessanti “Prosperità b’Ġustizzja Soċjali”.  Kliem li ġew deċiżi li jingħadu intenzjonalment mill-Ministru tal-Finanzi ligħandu reputazzjoni lejn il-korrettezza.  Huwa ċar li l-linja hija issa dik li ma għandniex naħsbu iktar fuq dak li qiegħed iseħħ fid-demokrazija tagħna fejn il-mertu ħareġ mit-tieqa, il-korruzzjoni qegħda tiġri ġiri ta’ żiemel tal-galopp u l-preferenzi u d-diskriminazzjoni ma jonqsux.  Kien hemm min ftakar f’meta, fl-aħħar leġislatura soċjalista l-kampanja kienet li aħjar ix-xogħol mid-demokrazija.  F’dik il-propaganda kienet tissemma’ ħafna l-ġustizzja soċjali.  Biss, kif l-esperjenza urietna, ma jistax ikollok soċjetà li tapplikaha verament jekk kemm-il darba ma jkunx hemm demokrazija b’saħħitha.



Theddida serja għas-suċċess tagħna

5.     Id-demokrazija trid tiġi difiża bl-għeruq u x-xniexel.  Għax f’ambjent verament demokratiku biss li tista’ tikber l-ekonomija, u wara tinxtered il-prosperità permezz ta’ iktar ġustizzja soċjali.  Dan il-Gvern hemm bżonn jirrikonoxxi li qiegħed, fl-ekonomija nazzjonali, jiġbor il-frott ta’ dak li ħallew warajhom diversi Gvernijiet Nazzjonalisti.  Gvernijiet li bnew l-istrutturi regolaturi u dawk għall-operaturi fid-dimensjoni u l-kontrolli li demokrazija għandha toffri li assiguraw li nikbru u mhux niċkienu.  Meta nneħħu din il-linja ta’ azzjoni, ta’ viżjoni, allura nibdew inżarmaw lilna nfusna u ġieħna.  Sewwa ħafna qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil, li din hija theddida serja għas-suċċess tagħna li ser tolqot ir-reputazzjoni li konna qegħdin ingawdu sa issa.



Iktar inġustizzji soċjali

6.     F’dan, għalhekk, id-direzzjoni hija iktar lejn id-dlam.  Min għandu l-esperjenza tal-ħajja jaf li n-nuqqas ta’ demokrazija, ta’ ordni u ż-żieda ta’ kriminalità u illegalità mhuwiex favur  min huwa minn taħt fis-soċjetà.  Għalhekk, wisq u wisq inqas ma huwa favur il-klassi tal-ħaddiema u min irid jimxi bis-sewwa u fis-sewwa.  Huwa, anzi, favur ħafna dawk li qed jissodaw il-but fil-korruzzjoni, fit-traffikar tad-droga, fit-traffikar tal-bnedmin għall-prostituzzjoni u li jridu jkunu komdi komdi jdaħħlu flus maħmuġin, bħallikieku nodfa, fl-ekonomija.  Żgur li dan mhuwiex ser ikun katalist ta’ ikar ġustizzja soċjali, anzi ta’ iktar inġustizzji soċjali.  Meta tneħħi l-gwardjani tal-bieb tas-sewwa tkun qed tiftħu għall-irjiħat kollha.  Tagħti lok għal inqas demokrazija, u magħha, inqas legalità.  Dan huwa li qed jingħad li dan il-Gvern, li jgħid li jiddeċiedi, jidher li ddeċieda li qed iwettaq.  Din hija t-triq li mid-dlam ser teħodna lejn iktar dlam.  Waħda li diġà ġarrabniha darb’oħra.




No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...