4.1.16

Għall-bnedmin ta’ Rieda tajba.



1.      Wasalna fl-aħħar tas-sena.  Għal uħud kienet diffiċli ħafna, għal oħrajn inqas.  Kull persuna kellu jerfa’ s-salib jew iġorr id-domna tiegħu.  Uħud setgħu qatgħu qalbhom, oħrajn le.  Uħud komplew jikkumbattu l-forza kuntrarja għas-sewwa, oħrajn marru sfortunatament magħha.  Uħud għaddew mit-travalju tal-mard u jirdu jirbħuh, oħrajn le.  Id-dinja tibqa’ wied tad-dmugħ, però mhux dejjem nifhmu dan.  F’mumenti naqbdu naqtgħu qalbna, f’oħrajn nifhmu li dmirna huwa li nikkumbattu u nikkumbattu b’iktar saħħa għas-sewwa f’servizz tas-sewwa.

2.      Il-ġranet li għaddejjin minnhom huma fihom infushom sejħa qawwija u profonda għal dawk li għandhom ir-rieda t-tajba li jaħdmu għas-sewwa u jikkumbattu kontra dak kollu li mhuwiex.  Huwa dmir, u fl-istess ħin ukoll unur li wieħed jingħaqad ma’ oħrajn favur il-ġustizzja, favur l-onestà, favur il-verità u kontra l-banalità tal-ħażen.  Huwa x’inhuwa l-post, huwa x’inhuwa s-settur, il-mixja tagħna hija taħt din il-bandiera.  Taħt dawn l-ideali, valuri nsara li nħaddnu u nissieltu għalihom ma’ kull jum tas-sena.

3.      Ċerti drabi niżbaljaw li nippretendu li bnedmin oħra fuqna jew taħtna japprezzaw din id-direzzjoni.  Nibbażaw ħidmietna naħa jew oħra, ‘il fuq jew ‘l isfel skont kemm ser iċapċpulna jew iżidulna fl-approvazzjoni, fil-“Like” tagħhom.  Dan mhuwiex neċessarjament kejl tas-suċċess jew effettività ta’ dak li nkunu qed nagħtu sehemna fih.  Anqas ma hemm bżonn li jkun hemm effetti dirett immedjat ta’ din il-linja għas-sewwa.  Ilkoll nafu li l-progress veru jieħu ħinu u l-effett veru tas-soċjetà jimxi b’passi żgħar imma determinanti.  L-importanti jibqa’ kemm aħna bnedmin ta’ rieda tajba, kemm dak li qed inwettqu qed nagħmluh għax huwa tajjeb u ġust.

4.      Anzi, kull min iġarrab, kull min jiġi mbaskat jaf li hemm diversi mumenti meta ser isib ruħu jimxi waħdu fid-deżert lejn is-sewwa.  Ma jfissirx li miexi ħażin, anqas li mhuwiex miexi.  Ladarba jrid jaħdem għas-sewwa tal-proxxmu, ladarba jħaddan il-kurrazza tal-prinċipji nsara, allura l-abbnadun, is-solitudni, id-disprezz, id-diskors kontrih jew l-insulti tal-oħrajn ma jbiddluhx fi triqtu.  Irid jimxi mingħajr ma jħares lura.  Iħares biss ‘il quddiem lejn dak li ġej u dak li jrid li jinbidel sabiex is-sewwa tikber għall-oħrajn u għas-soċjetà li jifforma parti minnha.

5.      Dawn huma l-bnedmin ta’ rieda tajba li l-anġli fuq l-għar tat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu jibqgħu jsejħu u jgħajtu għalihom mhux biss f’jum il-Milied jew f’dawk preċiż warajh, iżda tul is-sena kollha.  Is-sejħa għal dak il-bniedem li inevitabbilment isir skomdu għall-oħrajn u mal-oħrajn.  Li jaf li jrid jibqa’ jżomm il-kolp fl-avversità.  Li jrid jiġbed bl-eżempju tiegħu bnedmin oħra li għandhom l-istess linja f’qalbhom.  Għax il-kelma tqanqal, imma l-eżempju jkaxkar.

6.      Kull min irid jidħol għall-ħajja pubblika jaf x’inhuma l-għażliet li għandu quddiemu.  Jaf li jista’ jkun impopolari f’mument, però jekk jibqa’ persuna ta’ rieda tajba allura jaf li f’mument jew ieħor ser jiġu superati l-ostakli, l-intoppi li qabel tant dehru formidabbli.  Kif jgħidu: id-dinja ddur.  Bħalissa is-sewwa, l-integrità, ir-rettitudni mhumiex l-ewwel fil-klassifika.  Bħal mhuwiex anqas fuq quddiem nett in-nisrani.  B’danakollu, xorta jaf li jrid jibqa’ għaddej għal triqtu għax il-pendlu tal-ħajja jiċċaqlaq.  Dan huwa l-bank tal-prova tiegħu.

7.      Ftit jiem oħra nitilqu s-sena l-antika u nidħlu fil-ġdida.  Ftit jiem oħra napprezzaw iktar li aħna għandna skop speċifiku li ġejna maħluqa għalih.  X’inhuwa nifhmuh biċċa biċċa fit-triq, kif jgħidu oħrajn “strada facendo”.  L-importanti li fuq naħa ma naqtgħux qalbna u fuq l-oħra li nibqgħu fidili u determinati li naħdmu għall-ġid tas-soċjetà.  Li nibqgħu altruwisti, rilevanti, aġġornati biex nagħtu lura lil ħutna dak li aħna ingħatalna.  F’kelma, irridu nibqgħu bnedmin ta’ rieda tajba.

8.      Inħajjar f’dawn l-aħħar jiem tas-sena sabiex iktar bnedmin ta’ rieda tajba jingħaqdu fil-ħidma għas-sewwa tul is-sena li ġejja.  Mill-qalb nawgura s-sena t-tajba lilkom qarrejja kostanti tagħna kollha, b’mod speċjali lilek, sur Editur u lill-ħaddiema li jagħtu servizz taħtek.







No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...