25.1.16

Schengen m’għandhiex titneħħa




1.      Proprju għax il-Partit Nazzjonalista ma għamel xejn f’ħamsa u għoxrin sena fil-Gvern li pajjiżna sar membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea, daħal iħaddem huwa wkoll is-sistema monetarja tal-ewro u kif ukoll dik magħrufa bħala “Schengen”.  Proprju minħabba dan illi l-Maltin u l-Għawdxin ilhom dawn l-aħħar tmien snin sħaħ igawdu minn mekkaniżmi legali ġodda li ppermettewlhom ħajja aħjar milli kellhom.  Hawn ekonomija aħjar milli kellna u l-bnedmin f’dawn il-gżejjer għandhom drittijiet u dinjità ferm ikbar.

2.      Hekk hu proprju u mertu ta’ dak li ma sarx qabel illum nistgħu nsiefru f’diversi stati ewropej oħra, membri bħalna ta’ din is-sistema, b’libertà kbira.  Ma għandniex bżonn nippreżentaw il-passaporti f’serbuti twal ta’ bnedmin bħalna fejn kienu jħarsu lejna qisna ħriġna jew ġejna minn wara l-muntanji.  Ngħaddu l-fruntieri mingħajr diffikultà jew kumplikazzjonijiet.  Għandna ftuħ ġdid għan-negozju lejn u minn pajjiżna.  Neħħejna ħafna burokrazija żejda, inutli u antikwata.

3.      Għadu qisu l-bieraħ meta dan il-proċess beda, proprju għax stajna napplikaw għalih bħala membri sħaħ fl-Unjoni Ewropea.  Dak li huwa bħala “Schengen Information System (SIS)” kien u għadu sallum mekkaniżmu ta’ sigurtà nazzjonali ferm aqwa milli kellna, ta’ kontroll iktar effiċjenti tal-fruntieri u ta’ kif tinforza l-liġijiet.  Sfortunatament hemm min ma jafx sewwasew x’vantaġġ din is-sistema sarrfet għal pajjiħna u għall-Ewropa u hemm min jaħrab bil-ħsieb li tlifna mis-sigurtà għal-libertà.  M’huwiex minnu għax għandna sistema li taghti ferm iktar libertà fis-sigurtà.

4.      L-Unjoni Ewropea llum għandha 42,673 kilometru ta’ fruntieri marittimi u 7,721 kilometru ta’ fruntieri fuq l-art.  Għalhekk bniet biċċa biċċa bl-użu tat-teknoloġija moderna din is-sistema biex tnaqqas il-periklu li jiġi mill-kriminalità organizzata u minn diversi attivitajiet illegali oħra.  Għadni niftakar meta pajjiżna, fis-27 ta’ Marzu 2007, iffirma f'Lisbona fil-Portugall sabiex bdiet titħaddem dik li ġiet imsejħa “SIS one4all” u kif wara, fil-21 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena, bdejna nsiefru bil-baħar lejn l-Unjoni mingħajr il-kumplikazzjonijiet u dewmien li kellna qabel.

5.      Is-sena ta’ wara, fil-bidu tas-sena 2008, bdejna wkoll insiefru bl-ajru bl-istess mod.  Illum dan kollu ndara sew u ngħid li sar issa parti vitali u essenzjali mit-tessut nazzjonali tagħna.  Naħseb li diversi bħali ma jimmaġinawx il-ħajja differenti milli hija.  Nafu li kif is-Schengen bdiet titħaddem, l-informazzjoni u l-kontroll intern żdiedu sabiex min qiegħed fuq in-naħa tal-kriminalità wieħed seta’ jilħqu ferm iktar.  Kull pajjiż qagħad għal sistema riġida ta’ kontroll li regolarment kienet u għadha tiġi sorveljata sabiex il-protezzjoni taċ-ċittadin ewropew u li qiegħed fuq l-art ewropea tikber.

6.      Ma morniex lura biha imma avvanzajna ‘l quddiem.  Tant huwa hekk li din is-sistema, fid-9 ta’ April 2013 mxiet iktar fil-livell tas-sigurtà u daħlet tiffunzjona s-sistema tas-“SIS II”, li hija aqwa.  Tul is-sajf li għadda però rajna numru ta’ pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea jaġixxu żbaljatament.  Quddiem l-isfida ta’ diversi bnedmin li fittxew u għadhom ifittxu kenn fl-Ewropa ċivilizzata, għax kif nafu diversi Sirjani u refuġjati oħra biex jaħirbu minn gwerer ċivili ħabbtu l-bibien u safu minflok ċerti fruntieri magħluqa.  Uħud għarfu li qed jissospendu l-libertà li s-sistema Schengen tagħti proprju għalhekk.

7.      Dan kien u huwa aġir żbaljat.  Huwa hekk għax jerġa’ jeħodna lura lejn dak li konna, wara t-Tieni Gwerra Dinjija kif ukoll għax inaqqas mill-kummerċ, mit-turiżmu, mil-libertà u fuq kollox mill-vantaġġi għas-sigurtà li s-sistema bniet.  Għadna sal-lum nisimgħu b’pajjiżi ewropej jaqgħu fit-tentazzjoni li, biex jidhru li qed iżommu xi forma ta’ interess nazzjonali, qed jagħlqu l-bibien tagħhom.  L-iskuża evidenti hija dik tas-“suppost” sigurtà, mentri hija biss biex tipprova żżomm bnedmin oħra milli jsibu rifuġju.  Wieħed ma jistax ma jgħidx li dawn li huma ikbar minnu fi fi drabi waslu anke biex jikkritikawna fil-passat issa li ġew għall-prova ma tantx qed ifendu tajjeb.

8.      Tul Novembru u Diċembru li għaddew kien hemm min tħajjar jimxi fuq din it-triq żbaljata anke f’pajjiżna.  Il-Kap tal-Oppożizzjoni ġustament wissa u kkritika din il-mossa mimlija populiżmu li ġiebet biss kumplikazzjonijiet, dewmien u dħul mill-ġdid tal-burokrazija.  Fortunatament, il-pożizzjoni nbidlet f’dawn il-jiem u issa qegħdin lura għan-normal.  Dan huwa li għandu jsir u jkun żball li aħna nitilfu minn dak li ġie ggwadanjat qabel.

9.      Daqshekk ieħor ikun żbaljat jekk aħna ma nsemmgħux leħinna b’saħħa kbira fl-istituzzjonijiet ewropej u ninsitu mal-oħrajn li ma għandhomx imorru lura.  Dan għax is-sistema Schengen hija essenzjali għalina u għall-Ewropa.  Fuqha llum tiddependi ħafna s-sigurtà, il-libertà, il-paċi u l-prosperità tagħna.  Nittama li fil-jiem li ġejjin, fil-laqgħat li hemm programmati dan isir bis-serjetà mill-Gvern preżenti.  Għax hemm bżonn li ma nitilfux dak li konna akkwistajna meta kellna Gvern li suppost li ma kien għamel xejn.




No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...