11.1.16

Sejħa għall-għaqal.




1.      Kien hemm min qabl u kien hemm min kien kontra li pajjiżna jsir parti mis-sistema monetarja unika magħrufa bħala l-Ewro.  Il-proċess li nbeda preċiż wara li pajjiżna sar membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea kien sarraf mill-ewwel fi sfida xejn faċli.  Waħda li uħud kienu konvinti li kapaċi nilħqu, oħrajn direttament il-kontra.  Niftakar ċar id-dubji li ġew espressi u l-validità tal-argumenti li nġiebu.  Kienu verament imqanqla.  L-istorja llum però, seba’ snin wara l-1 ta’ Jannar 2008, turi biċ-ċar li d-deċiżjoni kienet tajba u li sarrfet f’ġid għall-poplu u l-ekonomija tagħna.

2.      Il-munita Ewro għandha l-vantaġġi ekonomiċi li aħna qegħdin nieħdu, speċjalment meta wieħed iqabbilna ma’ dak li konna bnejna qabel.  L-istabilità li ġiebet mhijiex waħda żgħira.  Saret ankra qawwija li kompliet qegħdet lilna f’ċentru ta’ settur finanzjarju li kif qed naraw qiegħed il-ħin kollu jespandi.  Minkejja dak kollu li kien inbena qabel l-2008, xorta waħda kellna ferm iktar riskji li nsibu ruħna esposti għall-inkwiet li ekonomiji ikbar ma jħossux.  Dħalna għall-irdoss fil-mument preċiż u dan serviena fl-inkwiet li d-dinja għaddiet minnu ftit snin ilu.

3.         Mhux biss, imma l-munita servietna biex inħossu f’idejna simbolu taċ-ċittadinanza ewropea tagħna.  Għax iċ-ċertifikat tagħna huwa ħaġa, imma li jsarraf f’fatti konkreti u tanġibbli huwa f’livell ogħla.  Hemm rabta umana li tikber magħha u tagħti identità li ebda dikjarazzjoni verbali ma tista’ tibdel.  Il-fatt li aħna nafu li l-ewro hija mhux tagħna biss imma użata b’saħħa fl-Ewropa u fid-dinja minn miljuni fuq livelli tad-dollaru hija oħra.  Il-kuntratti, ix-xiri minn fuq l-internet, il-faċilità li wieħed jitla’ f’pajjiżi oħra u jakkwista mingħajr ma jkollu l-biża’ li ser jitlef fuq il-kambju biddlu fil-konkret.  Żiedet il-kompetittività u d-drittijie tal-konsumatur.

4.         Il-ħajja tagħna hija f’dan iktar faċli.  Bħal ma hija għal dawk li jsiefru.  Pajjiżna ggwadanja fit-turiżmu għax tiġi u titlaq bl-istess munita mingħajr il-kumplikazzjoni ta’ kemm ser issarraf u x’ser tagħmel b’dak li jibqagħlek fil-but.  Magħha ħadmet hawn iktar u iktar is-sistema tas-sigurtà Ewropea Schengen.  Il-faċilità biex taqsam il-fruntieri ġiebet iktar turisti u iktar kummerċ magħha.  Naqsu t-tariffi, dazji fil-kummerċ u kbirna iktar b’inqas, anzi ferm inqas, burokrazija.  Verament qabżiet kbar għall-gżira tagħna.

5.         Qabżiet għax mhux biss ma ġejniex maħkuma imma anzi dħalna parti mis-sistema finanzjarja Ewropea, fil-Bank Ċentrali, fid-deċiżjonijiet li qabel konna suġġetti passivi.  Issa aħna sirna attivi.  Għandna vuċi daqs l-oħrajn u bl-istess vot u kontroll.  Risposta diretta u qawwija lil dawk li kienu wisq fuq in-naħa tal-biża’ u neqsin mill-fiduċja fl-abbiltajiet tal-bnedmin fuq dawn il-gżejjer.  In-negozjant tagħna, il-poplu kollu llum jafu li hemm min qiegħed iħares l-interessi tagħhom direttament.  M’għadniex fl-istadju fejn il-barranin, l-ewropej jiddeterminaw il-futur tagħna mingħajr ma jikkunsidraw dak li għandna bżonn.  Il-kumdità u vantaġġ tagħhom jiġi żvantaġġ tagħna.

6.         Kienet parti minn viżjoni sħiħa fit-tul tipika u li l-mertu tagħha huwa l-Gvern preċedenti.  Dak li ġie akkwistat mill-pajjiż seba’ snin ilu ftit kienu jaħilfu li ser iseħħ fit-tkabbir li għandna.  Illum l-ewro, flimkien ma’ passi oħra kuraġġużi li ttieħdu, jifforma parti mill-pedamenti u l-pedestalli tas-sistema ewropea u demokratika li lkoll b’xi mod ingawdu minnha.  Irridu però noqogħdu attenti għalihom.  Irridu nipproteġuhom u nassiguraw li jkomplu jaħdmu tajjeb.

7.         Nafu li ħadna drabi min jaħdem, ibati, jistinka u jseffaq wiċċu japprezza ferma iktar minn min isib l-affarijiet diġà lesti f’ħoġru.  Il-poplu jippretendi li dak li għandna ma jintilifx.  Jippretendi li jkun hemm kontroll ikbar milli għandna u jispiċċa l-isparpaljar, l-infiq bla rażan u t-tixrid fuq dak li m’aħna nieħdu xejn lura minnu.  Kull bir għandu l-qiegħ, il-griegi u oħrajn jafu b’dan.  Il-politika monetarja li konna qbadna kienet deċiżjoni għaqlija.  Nittamaw li ħaddieħor iżommha u ma jitlifx dak li ġie akkwistat.  Dan għax ilkoll nafu li bħal ma bużżieqa tista’ tintefaħ, daqshekk ieħor tista’ tinfaqa’.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...