4.1.16

Sena ġdida


1.      F’din l-ewwel ġimgħa tas-sena diversi jsibu l-ħin biex jaħsbu u jaraw fejn ser ikomplu jmorru fil-ħajja tagħhom.  L-esperjenza tal-ħajja ħafna drabi sservi sabiex dan isir tajjeb.  Għax huwa f’postu u għaqli li wieħed iħares ‘il quddiem billi jagħraf dak li ħadem u tħaddem ġewwa fih.  Iħares li jibni rapport aqwa ma’ ta’ madwaru u fl-istess ħin jikkoreġi dak li jkun naqas fih.  Mhux faċli.  Hemm it-trapass taż-żmien.  Dak li kien ma jistax jinġieb lura.  Wieħed jista’ biss jittama fil-futur.

2.      Mingħajr it-tama l-bniedem jitlef ħafna minn dak li kapaċi jagħti lill-oħrajn.  Jittama fil-jiem li ġejjin, f’dak li jixtieq jara jseħħ u fl-istess jitlaq għal għonq it-triq biex iwettqu.  M’għandniex u m’aħniex minn dawk li kull ma naraw inqisuh ħażin.  Anqas li kollox huwa perfett.  Il-ħajja turi u tkompli li hemm triq fin-nofs li trid tagħżel mid-diversi li jkollok quddiemek.  Waħda li tieħdok għas-sewwa għax bażata fuq valuri u prinċipji ċari, sodi.

3.         Nibdew l-ewwel jiem tas-sena mhux  minn bidu assolut imma bħala wieħed ġewwa proċessi differenti.  Hemm dawk tal-ħajja kollha, l-istorja sħiħa tal-iżvilupp tal-bniedem.  Hemm dik li tifforma parti mill-eżistenza tagħna.  Hemm dik marbuta ma’ termini partikolari fl-isport, fid-dinja tax-xogħol, fil-politika.  Nafu lkoll li dak li ser inwettqu mhuwiex ġdid imma fih innifsu jsegwi ma’ dak li kien hemm biex iwassalna għal dak li aħna rridu.

4.         B’dan hemm xorta sfumaturi ta’ ħidma differenti.  Wieħed li jeħodna iktar ma nersqu lejn dak li rriduh aħjar.  Aktar ma nimmotivaw ruħna billi napprezzaw iktar li aħna għandna sehem determinanti fil-ħajja tas-soċjetà li ngħixu fiha, iktar nimxu u nixprunaw lil xulxin ‘il quddiem.  L-aġir tagħna, il-ħsieb, ir-riflessjonijiet, l-awtokritika jittempraw iktar ma nifhmu għala qed naħdmu f’linja u x’irridu nilħqu biha.

5.         Nidħlu f’din is-sena għalhekk fil-kamp politiku bil-wirt li qiegħed jiżviluppa tul din il-leġislatura.  Irridu nistaqsu iktar lilna infusna jekk dak li qed naħdmu għalih huwiex tajjeb u jekk aħniex f’pożizzjoni li nilħquh.  Nittempraw il-ħidma mhux abbażi ta’ kliem li huma vojta, ta’ sentenzi mixħuta biex jingħaqdu ma’ oħrajn li ħadd ma jħoss u ħadd ma jifhem imma fuq il-valuri nsara li s-soċjetà trid u li aħna mibnija fuqhom.  F’soċjetà fejn tlaqna s-sena li għaddiet b’xettiċiżmu fuq il-politika, il-futur għandu jkun li nasserixxu l-kontra, bi provi konkreti u mhux bi kliem li ftit huma konvinti minnhom.

6.         Hemm differenza bejn id-dinja li ċerti politiċi qed jgħixu fiha, fejn ifittxu fid-dlam b’idejhom fuq stħarriġ kommissjonat li qatt ma jolqot verament il-polz u t-tastiera tal-poplu tagħna u dik ta’ veru.  Biex wieħed ikun għas-servizz ta’ dawk li jirrappreżenta jrid jgħix magħhom, jimxi magħhom, joħroġhom mid-deżerti li jsibu ruħhom fihom.  Hemmg għeruq li wieħed irid iqis u jisqi jekk irid jara l-frott.  Ma jistax jinjora kollox għax hemm dawk artifiċjali barra.  Wieħed irid imur iktar lejn il-veru, lejn il-ġust, lejn dak li jġib il-paċi u l-ġustizzja soċjali inkella jintilef.

7.         Is-sena l-ġdida hija bank ta’ prova għalina lkoll.  Hija parti minn eżami sħiħ li rridu nersqu għalih u ngħaddu minnu.  Iktar ma nkunu determinati, aktar naslu.  Iktar ma nkunu demokratiċi, anzi għalina demokristjani u mhux makkjavellani, iktar naslu tajjeb u fil-ħin.  Dawn huma lezzjonijiet tal-ħajja.  Mhux qed ngħid xejn ġdid, biss huwa tajjeb li wieħed ifakkar lilu nnifsu u jfakkar lill-oħrajn.  Proprju fuq dak li nħares iktar ‘il quddiem lejn ix-xhur li ġejjin.  Inħares li nassiguraw li nkunu vuċi għall-ġustizzja u għall-verità f’soċjetà li qed tara dawn il-valuri jonqsu b’rapidità.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...