7.4.15

ABBOZZ TA' LIĠI LI JIMPLIMENTA MIŻURI TAL-ESTIMI – ABBOZZ NRU. 74


                       

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Sur President, jien nieħu pjaċir nisma’ dawn it-tipi ta’ diskorsi li jsiru min-naħa l-oħra tal-Kamra però rrid nistaqsi:  Jekk kemm-il darba s-sitwazzjoni hija daqshekk sabiħa u daqshekk tajba, allura l-Ministru għall-Finanzi kif ħass li għandu jiġi hawnhekk u jippreżenta Abbozz ta’ Liġi li fih madwar mitt faċċata ta’ miżuri finanzjarji?  Mhux se ngħid li dawn huma kollha miżuri ġodda imma bażikament hawnhekk qed inżidu l-ispejjeż u t-taxxi li jridu jħallsu n-nies. 

Ngħid aktar dan għax is-sena l-oħra l-Gvern għamel żiemel tal-battalja mill-kwestjoni taċ-ċittadinanza u dendel il-karotta li ċ-ċittadinanza għandha prezz ukoll u m’għandniex għalfejn inkunu daqshekk nies ta’ prinċipju bħalma qed ikunu dawk tan-naħa tal-Oppożizzjoni.  Qalilna li hemm triq fin-nofs u li ċ-ċittadinanza nistgħu nġibu ħafna flus minnha.  U fuq dik l-aspettattiva ttieħdu numru ta’ deċiżjonijiet għaliex kienu qed jaraw il-flus li se ndaħħlu minn fuq iċ-ċittadinanza bħala s-soluzzjoni għal diversi problemi finanzjarji li kellna fil-pajjiż. 

Inkun onest u ngħid li jien bqajt skantat meta l-Ministru għall-Finanzi ġie u ppreżenta l-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna għax jien pretendejt li b’dak li smajna fuq iċ-ċittadinanza ma kienx se jkun hemm bżonn li jitressaq Abbozz ta’ Liġi li jitlob lill-Parlament idaħħal fis-seħħ kwantità kbira ta’ tikkek u anke taxxi ġodda biex jagħmlu tajjeb – din hija l-interpretazzjoni tiegħi – għad-diversi miżuri li l-Gvern qabad u ħa fuq l-aspettattiva li se jdaħħal kwantitajiet kbar ta’ biljuni fuq iċ-ċittadinanza u fir-realtà baqa’ ma daħħalhomx.

Barra minn hekk, jinkwetani l-fatt li f’dan l-Abbozz ta’ Liġi hemm diversi affarijiet li ma sarux kif għandhom isiru.  Ma rridx nikkritika u jkun hemm min jieħu għalih, però meta taqbad l-Abbozz ta’ Liġi u tidħol fih fid-dettall, u jien hekk imdorri nagħmel, issib li hemm ħafna cut and paste.  Issib li hemm miżuri li fihom xi forma ta’ tibdil u hemm miżuri oħra li ma fihom ebda tibdil mil-liġi kif inhi llum.  Dan l-Abbozz ta’ Liġi tressaq quddiemna bħala dokument kbir mimli miżuri li l-Gvern se jieħu biex iżid ħafna tikkek ʼl hemm u ʼl hawn li permezz tagħhom se jkun jista’ jibbilanċja l-baġit tiegħu.

Sur President, ma rridx ngħid li f’ċerti setturi qed naraw atti ta’ disperazzjoni jew atti ta’ malajr jew nuqqas ta’ esperjenza għax dan huwa baġit ieħor f’din il-leġiżlatura, però rrid ngħid li jien ninkwieta meta nara li m’hemm l-ebda linja ta’ ħsieb fiskali li biha wieħed jista’ jara li l-Gvern għandu raġun li qiegħed iżid id-dħul fuq ċerti linji, jew li l-Gvern għandu raġun li qabad ma’ żewġ setturi partikolari u qed iżid fuqhom.

Hawnhekk hawn minn kollox u hawn anke sitwazzjonijiet redikoli ma’ sitwazzjonijiet ta’ serjetà kbira.  Dan l-Abbozz ta’ Liġi fih kwantità kbira ta’ miżuri li huma biss bżar fl-għajnejn u naħseb li dan ma jagħmlilniex ġieħ, la lill-Ministru għall-Finanzi li huwa magħruf kemm huwa persuna tal-affari tiegħu u nieħu l-okkażżjoni biex ngħaddielu l-lunghi giorni tiegħi, u lanqas lill-Istat Malti.  Nittama li ħadd ma ressaq dawn il-miżuri quddiem il-Kummissjoni Ewropea – li l-kelliem ta’ qabli tant qal kemm din tiċċertifika u x’tagħmel u x’tgħid – bħallikieku dawn se jwasslu għall-bilanċ li permezz tiegħu wieħed jista’ jġib l-affarijiet tajbin! 

Jien imdorri nħares lejn il-liġijiet u anke nikkritikahom, u nikkritikahom b’sens tajjeb mhux b’sens ħażin, u allura ninkwieta meta nara li l-affarijiet f’ċerti postijiet saru bil-cut and paste, f’ċerti postijiet saru mingħajr ma wieħed kellu linja tajba u ċara ta’ dak li kellu jagħmel u f’20% ta’ dan id-dokument addirittura nsibu miżuri li bażikament dejjem tressqu separatament.  Qiegħed nirreferi b’mod partikolari għad-diversi emendi li saru għat-tariffi tal-Qorti. 

Saru numru ta’ emendi għat-tariffi tal-Qorti u mill-artiklu 6 ʼil quddiem hemm kwantità kbira ta’ tibdiliet f’dak li jiġi preżentat fil-Qorti.  Fuq dawn diġà kelli opportunità nitkellem meta konna qed niddiskutu l-liġi dwar il-vittmi ta’ reat u għedt li dan mhuwiex il-mod ta’ kif isiru t-tibdiliet fit-tariffi tal-qorti, jekk xi ħadd irid ibiddel dawn it-tariffi allura għandu jaqbad u jibdilhom għax ġol-Qorti hemm konfużjoni sħiħa bejn dawk li huma t-tariffi attwali u dak li qed jitlob dan l-Abbozz ta’ Liġi.

Jien tkellimt u l-Gvern injora l-affarijiet kompletament biex imbagħad sar protest ġudizzjarju minn kwantità kbira ta’ avukati, u għamlu sew għax ebda ebda avukat ma jrid jieħu r-responsabiiltà li jippreżenta xi dokument legali b’tariffa li mhix fis-seħħ u mbagħad dak id-dokument jiġi dikjarat null għax ma ġiex ippreżentat skont it-tariffa tal-Qorti, u partijiet mit-tariffi li hawn prodotti f’din il-liġi daħlu fis-seħħ u partijiet oħrajn le.  Mhux hekk biss, meta erġajt dort l-affarijiet sibt li t-tariffi marbuta mal-bord li jirregola l-kera, mal-bord li jirregola l-kontroll tal-kiri tar-raba’, mal-bord tal-arbitraġġ għall-artijiet li jiġu esproprjati, mar-reviżjoni tat-tribunal amministrattiv u mal-kwestjoni tal-ismall claims tribunal għadhom ma ġewx fis-seħħ.

Is-soltu t-tariffi jinbidlu b’emendi għal rashom mingħajr ma jiddaħħlu bħala miżuri tal-baġit u allura l-argument li aħna ressaqna, u li mbagħad ġie konkretizzat bi protest ġudizzjarju, jgħodd mhux biss għal parti mit-tariffi imma jgħodd għat-tariffi kollha tal-Qorti.  Għaldaqstant nerġa’ nieħu l-opportuntà biex ngħid li dawn id-diversi tariffi li hawn għandhom jiddaħħlu fis-seħħ għax meta tmur il-Qorti biex tippreżenta att diġà qed jintaxxaw skont dawn il-miżuri tal-Baġit. 

Dan huwa ta’ inkwiet għalina, bħalma huwa wkoll ta’ inkwiet il-fatt li hawn kwantità kbira ta’ emendi biex jiżdiedu t-tariffi ta’ dawk li huma ċertifikati ta’ twelid, ċertifikati li għandhom x’jaqsmu ma’ żweġijiet, meta wieħed jagħmel awtentikazzjonijiet ta’ dokumenti għal skopijiet ta’ affarijiet barranin u fir-reġistrazzjoni tal-passaporti.  Hawn kwantità kbira ta’ miżuri li se jolqtu lin-nies u se jolqtuhom fil-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum.  Aħna ma nirrealizawx kemm in-nies ikollhom bżonn ta’ ċertifikati, bħaċ-ċertifikat tat-twelid, jew iċ-ċertifikat tal-mewt eċċ. u dawn ma jiġux bżonnhom darba u daqshekk iżda jiġu bżonnhom fuq bażi kontinwa. 
L-istess għal dak li għandu x’jaqsam maż-żidiet fit-tariffi tal-passaporti.  Din hija verament inkredibbli għax meta kienu fl-Oppożizzjoni kienu jikkritikaw iż-żieda li kien hemm biex issa mhux talli regġħu żdiedu talli daħlu kriterji ġodda li qabel ma kenux jeżistu.  Fl-opinjoni tiegħi dawn qegħdin iżidu l-piż fuq in-nies inutilment u bir-rispett kollu, ma naħsibx li kienu neċessarji.  Daħħalna kwantità kbira ta’ kategoriji li huma marbutin mal-passaporti u ma naħsibx li se jolqtu lil dawk li se jikkwalifikaw għall-iskema taċ-ċittadinanza imma se jolqtu lin-nies komuni u b’mod partikolari lil dawk il-Maltin ta’ barra li bl-emendi li konna għamilna għandhom il-possibilità li japplikaw biex jingħataw passaport Malti.  Naħseb li dawn l-emendi qegħdin iżidu għal xejn piżijiet kbar fuq in-nies komuni. 

Mhux biss, apparti l-passaporti, apparti l-Qorti u apparti ċ-ċertifikati għandna wkoll żidiet marbuta mar-reġistrazzjoni tad-dokumenti, kemm fir-Reġistru Pubbliku kif ukoll għar-reġistrazzjoni tal-artijiet.  Jekk il-Gvern qiegħed jipprova jagħmel miżuri biex iħeġġeġ li jkun hemm aktar bejgħ u xiri ta’ kuntratti, kif iddaħħal aktar miżuri li jżidu fil-piżjiet ta’ min se jidħol f’kuntratt?  Għaldaqstant naħseb li dawn il-miżuri mhumiex neċessarji u kif kienu, kienu tajbin, ma kienx hemm il-bżonn li wieħed iżidhom.

Hemm ukoll ħafna tibdil fil-liċenzji tal-Pulizija.  Jien rajt il-liċenzji li jaqgħu taħt il-Police Act u nista’ ngħid li apparti li dawn saru bil-cut and paste u kwantità kbira minnhom bejn wieħed u ieħor kulma qed jiżdiedu huma 40c jew 50c, iż-żidiet huma mifruxa fuq kollox.
Li hemm ukoll interessanti, u fl-opinjoni tiegħi ta’ inkwiet, huwa li ċerti affarijiet tħallew l-istess meta ladarba xi ħadd kien qiegħed idurhom kellu jew imisshom jew għall-inqas ineħħihom kompletament. 

Hemm tnejn partikolari li laqtuni lili u nibda bil-kwestjoni tal-badges tal-kundutturi tal-karozzi tal-linja.  Jien naħseb li l-badges tal-kundutturi tal-karozzi tal-linja ilhom li spiċċaw żmien twil u llum m’għadniex naraw kundutturi fuq il-karozzi tal-linja bħalma konna naraw qabel, però fil-paġna 953 għandna li biex wieħed jagħmilha ta’ kunduttur ta’ omnibus bil-mutur irid iħallas 58c fis-sena, biex wieħed jagħmilha ta’ spettur tal-biljetti ta’ omnibus bil-mutur irid iħallas €1.16c u għal badge biex tintlibes minn spettur tal-biljetti għal omnibus bil-mutur wieħed irid iħallas 47c.  Apparti l-fatt li dawn għadhom l-istess kif inhuma llum, se mai dawn lanqas kellhom jidħlu f’dan id-dokument u jitneħħew kompletament. 

Però l-aktar waħda li ma nistax nifhem hija t-tariffa biex wieħed jagħmilha ta’ pumpier fiċ-ċinematografija.  Din kienet tagħmel sens fi żmien it-talkis!  Din qabel kienet €1.16c u llum saret €1.30c.  Mela jekk hawn xi ħadd li jrid jagħmilha ta’ pumpier fiċ-ċinematografija dan il-Gvern ukoll qiegħed jieħu ħsieb li jżidlu l-ħlas!  Jien xħin rajtha din ħsibtu li kien żball ta’ cut and paste imma le, il-Gvern qiegħed jagħmel żieda għal min irid jagħmilha ta’ pumpier fiċ-ċinematografija.

Tan-naħa l-oħra tal-Kamra jgħidulna kemm kollox sejjer ʼil quddiem u kemm qed jiżdied ix-xogħol però l-verità hi li hemm kwantità kbira ta’ nies li daħlu mal-Gvern.  Issa nittama li l-Gvern m’għandux f’moħħu li jdaħħal anke pumpiera taċ-ċinematografija għax dak kien l-ewwel ħsieb li ġieni meta rajt dik it-tariffa!  Però li rrid ngħid huwa li din għalija hija indikattiva ta’ ħaġa waħda, mhux se ngħid ta’ nuqqas ta’ serjetà biex ħadd ma jieħu għalih però qed tindika nuqqas ta’ attenzjoni għad-dettall. 

Hawn ukoll numru ta’ passi oħrajn li, fl-opinjoni tiegħi, huma perikolużi fihom infushom u li għandhom jingħataw attenzjoni partikolari.  Qed nirreferi għal dak li għandu x’jaqsam mal-emendi għall-Ordinanza tad-Dwana fejn qed nagħtu poteri ġodda lill-persuni fid-dwana.  Fi klawsola 26 qed jingħad hekk:

“M’hemm ebda jedd ta’ azzjoni kontra l-Kummissarju għal danni kkaġunati bil-ħlas tad-depożitu jew billi jkunu nżammu l-bastimenti, il-vetturi jew mezzi oħra ta’ ġarr, żwiemel jew annimali u ħwejjeġ oħra taħt dan l-artikolu.

Dan ifisser li l-Gvern, li suppost jagħti eżempju liċ-ċittadini u li għandu jagħti eżempju għall-mod ta’ kif iżomm l-affarijiet, qiegħed idaħħal artiklu fil-liġi li permezz tiegħu qed jeżenta lilu nnifsu milli jerfa’ r-responsabilità tal-oġġetti li jkunu qegħdin fdati f’idejh?  Jiġifieri jekk kemm-il darba f’xi ċirkostanzi partikolari jkun hemm xi ħadd li jniżżel żiemel, jew li jqiegħed bastiment jew vettura jew xi mezz ieħor f’idejn il-kontrollur tad-dwana, b’dan l-artiklu l-kontrollur tad-dwana qed jeżenta ruħu kompletament minn kwalunkwe responsabilità? 

L-istess ninkwieta ruħi għar-rigward ta’ klawsola 27 sabiex jidħol l-artiklu ġdid 70A u din tgħid jekk:

“Uffiċjal tad-dwana li jkollu tassew għaliex jaħseb li persuna tkun ħatja ta’ reat taħt din l-Ordinanza, jista’ jitlob lil dik il-persuna li tagħtih:
(a) isimha u kunjoma, l-indirizz, u dettalji oħra,
(b) dokument ta’ identifikazzjoni, u
(ċ) kull informazzjoni bħal dik dwar l-oġġetti dazjabbli inkwestjoni, li jkunu fil-pussess ta’ dik il-persuna jew miksubin minnha, skont ma jista’ jkun raġonevolment meħtieġ minn dak l-uffiċjal tad-dwana.”

L-ewwel nett hawnhekk qegħdin inkissru regola fundamentali tal-liġi għax qed nagħtu dawn il-poteri meta jkun hemm suspett raġonevoli li xi ħadd għamel reat, jew li għandu f’idejh oġġetti li għandhom reat, u t-tieni nett qed inkissru wkoll il-linja li dejjem ħadna li għandhom ikunu biss membri tal-Korp tal-Pulizija li jkollhom f’idejhom dawn il-poteri straordinarji. 

Jien li tagħti dawn il-poteri lill-uffiċjali tad-dwana naħseb li huwa legalment żbaljat u l-mod kif inhu qiegħed miktub dan l-artikolu qed nagħtu poteri kbar u poteri eżekuttivi li tradizzjonalment kienu jingħataw biss lill-Pulizija u hekk għandu jkun għax hemm iċ-checks and balances fi ħdan il-Kodiċi Kriminali u fi ħdan il-Police Act biex nassiguraw li dawn il-poteri ma jiġux abbużati.  Għalhekk, li ngħidu li uffiċjal tad-dwana, meta “jkollu tassew għalxiex jaħseb li persuna tkun ħatja ta’ reat,” naħseb li qegħdin noħorġu barra mill-binarju tad-dubju raġonevoli u dan lili jinkwetani ħafna għax tista’ tiġi abbużata u tista’ tiġi użata għal skopjiet oħra.  Hija diġà diffiċli biex poteri bħal dawn nagħtuhom lil nies li nhumiex ċittadini komuni u jekk nagħmlu hekk, inkunu qed niżbaljaw.  Biex ninqeda bl-Ingliż nikkwota:

An officer of customs may require any person whom such officer has reasonable cause to beleive guilty of an offence…”

Jiġifieri hawnhekk qed ngħidu meta l-uffiċjal jaħseb li xi ħadd ikommetta delitt jista’ jitolbu l-isem u d-dettalji u d-dokumentazzjoni tiegħu.  Naħseb li dan huwa kompletament żbaljat u huwa poter li m’għandux jingħata.

Fuq ton differenti rrid ngħid li ninkwieta ruħi meta nara li qegħdin indaħħlu forma ta’ żidiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-poloz ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja.  Qabel fis-sistema ġudizzjarja tagħna ma kellniex liġi li titkellem fuq il-life insurance u konna niddependu fuq l-interpretazzjoni u fuq dak li jingħad fil-poloz ta’ assigurazzjoni skont kif jiġu interpretati fil-liġi Ingliża.  Fil-leġiżlatura preċedenti mbagħad konna għamilna l-emendi neċessarji fil-Kodiċi Ċivili sabiex nissudaw u nkabbru l-liġi tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja.

Fi klawsola 78 u klawsola 79 qegħdin inżidu l-ħlas fuq il-poloz tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja u naħseb li m’għandniex għalfejn.  Naħseb li hija kontra indikata li l-Gvern minflok jgħin biex ʼil quddiem ikompli jikber is-settur tal-assigurazzjoni matul il-ħajja jagħmel miżura li permezz tagħha jżid fil-piż fuq dawn it-tip ta’ poloz.  Ilna tant niddiskutu u nitkellmu fuq il-kwestjoni tas-second pillar u mhux second pillar u fuq il-kwestjoni ta’ kif inġiegħlu n-nies iġemmgħu l-flus u jidħlu fi skemi ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u mbagħad inżidu dan?!

Niġi issa għal żewġ setturi tradizzjonali f’pajjiżna li wkoll qed jaraw żidiet.  Qed nirreferi qabelxejn għall-kmamar tan-nar.  Fil-paġna 951 għandna numru ta’ żidiet li jolqtu direttament lin-nies li jmexxu l-kmamar tan-nar.  Forsi jkun hemm min jgħid li ż-żidiet huma żgħar, kollox sew, però għandek affarijiet li huma rikorrenti.  Jien ma nafx jekk is-settur tal-kmamar tan-nar ġiex ikkonsultat fuqhom dawn, però żgur u mhux forsi li se jolqtuh.  Is-settur l-ieħor huwa dak tas-soċjetajiet tal-banda.  F’paġna 953 qed naraw li l-liċenzji fis-sena għad-daqq ta’ strumenti mużikali jew għall-użu ta’ loud speaker jew amplifiers qed jiżdiedu.  Dawn huma żewġ setturi sensittivi ħafna fis-soċjeta Maltija u naħseb li diversi persuni se jiġu affettwati minn dawn iż-żidiet.  

Hemm ukoll il-liċenzji marbuta mal-annimali.  Naħseb li hemmhekk għandek settur ieħor li ma jidhirx li b’xi mod ġie kkonsultat.  

Sur President, meta tara dan l-Abbozz ta’ Liġi tirrealizza li warajh hemm raġuni.  Jien naħseb li jew il-Gvern forsi ġie dahru mal-ħajt u b’xi mod irid juri li se jdaħħal kwanitajiet kbar ta’ flus u naħseb li għalhekk qed iżid ċertu affarijiet bħal, pereżempju, it-tariffi tal-Qorti.  Jien laqtitni b’mod partikolari ż-żieda fil-ħlas ta’ meta wieħed jagħmel kawża fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar.  Bħalissa għal kawża li ma taqbiżx l-€1,500 wieħed irid iħallas €23.29 u  issa kważi rduppjawha għal €40. 

Hemm imbagħad il-punt rigward il-kwestjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva.  L-emendi li qed jiġu proposti hawnhekk se jbiddlu l-ħsieb oriġinali li kellna bħala żewġ naħat tal-Kamra li meta ċ-ċittadin jiġi biex jikkontesta deċiżjonijiet amministrattivi meħuda miċ-Ċivil, iċ-ċittadin għandu jkollu ammont żgħir ta’ flus biex ikun jista’ jiftaħ kawża kontra l-Gvern u jikkontesta dawk id-deċiżjonijiet amministrattivi.  Dawn l-emendi għadhom ma ġewx fis-seħħ iżda n-nies ġol-Qorti diġà bdew japplikawhom u hawn żiediet interessanti fl-ammonti tat-tariffi.  Naħseb li l-Ministru għall-Finanzi jrid jagħti spjegazzjoni ta’ x’wasslu biex jagħmel dawn it-tibdiliet kollha li fil-maġġoranza tagħhom huma ʼl fuq u mhux ʼl isfel, u jgħid dawn il-miżuri lejn xiex se jwasslu. 


Wieħed jinkwieta meta jara dan l-Abbozz ta’ Liġi għax juri li l-Gvern m’għandux strateġija politika finanzjarja tajba dwar id-dħul mit-taxxi u l-finanzi.  Forsi jien kont iebes mal-Gvern u għedt li anke l-pumpiera fiċ-ċinematografija żidilhom il-liċenzja, imma meta tara dan l-Abbozz ta’ Liġi tirrealizza li l-affarijiet ma sarux kif kellhom isiru, anzi saru b’mod mgħaġġel u b’mod li fl-opinjni tiegħi huwa żbaljat.  Fl-aħħar mill-aħħar dan jirrifletti ħażin mhux biss fuq il-Gvern tal-ġurnata imma anke fuq l-Istat Malti aħħar għax dak li jsir hawn ġew imur quddiem l-istituzzjonijiet Ewropej.  Grazzi.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...