21.4.15

Inqas ftaħir, iktar serjetà.



1.      Ħadd ma huwa jgħid li l-fatt ma għandhomx jiġu mxandra u mogħtija l-importanza tagħhom.  Anzi f’din is-soċjetà, fejn parti sostanzjali minnha qed tiddikjara li ma tridx taf b’dak li għaddej, huwa dmir li l-istituzzjonijiet jinfurmaw.  Proprju f’din il-linja ta’ pajjiż li qiegħed isir aktar xettiku, il-poplu huwa mill-iktar evidenti li qiegħed jibgħat messaġġi li wħud ma jridux jisimgħu.  Primarjament u prinċipalment li ma huwiex jemmen dak li qiegħed jingħadlu.  Ma huwiex jagħti affidament li l-istejjer ta’ ftaħir li qiegħed il-ħin kollu jisma’ huma fir-realtà minnhom.  Il-qasma li qegħda toħroġ ġejja minn fatt wieħed, u ċjoѐ li hemm diversi li llum jafu l-affr tagħhom u ma humiex konvinti li qed tingħadilhom il-verità.

2.      Tul dawn l-aħħar xhur, it-trumbetti ta’ Gvern li qiegħed ma’ kull jum jiddomina, jinfluwenza u “jixtri” l-mezzi tal-informazzjoni, żdiedu wisq fil-qawwa tal-esaġerazzjonijiet.  Dawk li qegħdin id-dar u l-ftit minn dawk li xi ġranet fis-sena jisimgħu u jsegwu l-aħbarijiet ma jarawx li l-Ministri qed jgħixu fuq l-istess biċċa art bħalhom.  Il-ftaħir fuq kemm pajjiżna mexa ‘l quddiem, fuq kemm hawn iktar persuni jaħdmu, fuq kemm tnaqqas id-defiċit, kemm tnaqqas il-qagħad u fuq kemm f’daqqa waħda suppost li kollox miexi sewwa ma huwiex jipperswadi.  Iktar u iktar bnedmin qed jibnu l-opinjoni li fl-aħħar tal-mazzita ta’ dan il-ftaħir ser isibu żbiba.  Hawn għajta interna u qawwija għal ferm iktar serjetà.

3.      Min huwa fil-kmand għandu wisq fiduċja qawwija fuq is-saħħa tal-propaganda, fuq is-saħħa tal-perċezzjoni u għalhekk qiegħed jagħfas u jafda kusu fuq dik il-linja ta’ ftaħir qawwi.  Hemm diversi, speċjalment dawk li huma parti sħiħa mill-klassi tal-ħaddiem, li qed jaraw affarijiet oħra, qed jaraw id-dinja minn lenti differenti.  Dan ġej għas-segwenti raġunijiet.  L-ewwelnett, dan is-suppost ġid materjali ma huwiex jinżel f’idejn u f’ħalq in-nies.  Dan jew għax qiegħed jibqa’ f’idejn dawk li għandhom diġà, inkella ma huwiex eżistenti fir-realtà imma parti biss minn transazzjonijiet fittizji.  It-tieninett, daħlet issa qasma bejn dawk il-ftit li ġew impinġija bħala privileġġjati u impjegati fit-tul jew fil-qosor mal-Gvern, għal dawk l-oħrajn li baqgħu barra.  Daħlet għira ġdida li qegħda tnissel inkwiet soċjali futur.  It-tieletnett, għandek iktar ħaddiema li kienu qed isalvaw bl-overtime xahar wara xahar u issa nqatagħlhom, b’mod u manjiera li ma jistgħux ikampaw proprju biex jidħlu iktar nies jaħdmu mal-Gvern.  Ir-rabanett u konsegwenza ta’ dan, għandna issa iktar minn qatt qabel diversi li qed jitolbu li jżidu d-dħul tagħhom biex jibqgħu għaddejjin b’impieg “part-time”.

4.      Ħafna jafu li ddur naħa jew oħra, tant l-istampa li qed titressaq hi tleqq u sabiha li huma iktar ċerti li s-serjetà politika marret il-baħar.  L-esperjenza, l-għaqal, il-valuri nsara li qabel kienu l-boxxla, issa nxeħtu ‘l barra.  Qed jiġu injorati minn min jitkellem b’biżgħat kbar fejn l-importanti huwa mhux li wieħed iwettaq dak li huwa verament sewwa, imma dak li jiġi identifikat li jrid il-poplu minn domandi nofs leħja li jsiru u li jixħtu lejn riżultati żbaljati.  In-nuqqas ta’ serjetà qed immissuha kuljum proprju għax il-poplu jrid fil-maġġoranza tiegħu dak li huwa sewwa mingħajr esaġerazzjonijiet.  Il-Gvern sab fl-aħħar snin poplu li kien lest li jemmnu fuq diversi wegħdiet.  Biss issa hemm ċar min qieħged jinforma uffiċjalment li jrid iktar sustanza.  Ħafna qed jinkwetaw, forsi għax hawn ħafna dixxendenti diretti tal-Appostlu San Tumas, li dak li qed jingħadilhom ma huwiex minnu.

5.      Il-Gvern jgħid, jiftaħar u f’mument sejjer, kif jgħidu, jaqa’ l-baħar.  Il-pajjiż jaf li l-istabilità ekonomika li bena ġiet minn diversi sagrifiċċji li saru.  Jaf ukoll li l-frott ta’ dan ma huwiex jiġi msarraf tajjeb.  Hawn uħud li qed jieħdu l-benefiċċji u l-wiċċ tal-borma, mentri oħrajn baqgħu l-istess jew almenu ma jħossuhomx li avvanzaw.  Jafu ukoll li l-pedamenti li saru minn gvernijiet Nazzjonalisti hemm qegħdin, però qed titneħħielhom is-saħħa tagħhom proprju għax tieħu mingħajr ma trodd is-swar tħott.  Dak li qiegħed isir biex jaqdi, biex jissodisfa lil dak u lill-ieħor iriduna nħallsu għalih ilkoll aħna għada pitgħada.  Il-kriterju ta’ dak li huwa ġust, ta’ dak li jkun ħaqqu qiegħed jitmermer u jintilef.  Il-poplu ta’ dawn il-gżejjer, fil-maġġoranza tiegħu dan jafu u proprju għalhekk li ma’ kull jum qed tikber iktar u iktar is-sejħa biex jonqos l-iftaħir u tikber is-serjetà.





No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...