ONOR.
CARMELO MIFSUD BONNICI: Sur President, dan
l-Abbozz ta’ liġi huwa verament interessanti u jitlob ċerta riflessjoni u
attenzjoni biex wieħed jipprova jieħu l-aħjar benefiċċju minnu. Nittama li l-Gvern jieħu d-diskors li se
nagħmel bħala wieħed li jista’ jammeljora, imexxi ’l quddiem, jirranġa u jġib
aktar vantaġġi minn dan l-Abbozz. Bħala
rimarka ġenerali, wieħed irid jgħid li l-proċess kriminali, tul dawn l-aħħar
snin, jiġifieri mis-sena 2002 meta dak iż-żmien kien hemm il-Ministru Tonio
Borg fejn jien kont wieħed mill-membri tal-kumitat, inbidel b’mod qawwi u
għamilna differenzi kbar fil-proċedura kriminali b’mod u manjiera li daħal,
għall-ewwel darba, il-konċett tal-parti lesa li tkun parti mill-proċess. Mill-2002 l-affarijiet żviluppaw u mxew sew
’il quddiem u llum il-proċess jitlob aktar ħsieb għax m’għadux dak li l-proċess
li ġejna mgħallma fl-Unversità ta’ x’inhu u x’mhuwiex proċess kriminali. It-tieni rimarka għandha tkun li f’dak li se
ngħidu, fl-ebda mument ma naċċettaw li l-proċeduri kriminali, f’xi mument,
isiru proċeduri privati jiġifieri li naċċettaw dak li jagħmlu pajjiżi oħrajn
fejn il-proċeduri kriminali jiġu meħuda u mmexxija minn persuni privati. Proċedura kriminali trid tibqa’ dejjem waħda
li hija pubblika.
Fis-sena 2002, fl-artikolu 410 tal-Kodiċi
Kriminali, daħal il-konċett tal-injured
party li għandha dritt tkun preżenti fil-kawża, għandha dritt li tiġi
notifikata bil-kawża, għandha dritt li jkollha avukat li jassistiha u għandha
dritt ukoll li tista’ tagħmel sottomissjonijiet u f’ċerti mumenti, għandha
dritt ukoll, li tagħmel numru ta’ mistoqsijiet.
Dan kien pass kbir ’il quddiem.
Niftakar li fis-sena 2003, meta nħtart Segretarju Parlamentari, waħda
mill-ewwel affarijiet li kellna quddiemna kienet li naraw kif dawn l-emendi se
jidħlu fis-seħħ u jiġu implimentati u mħaddma fil-proċedura kriminali. Fortuntament din id-dispożizzjoni partikolari
- mhux id-dispożizzjonijiet kollha huma l-istess - ħadet in-nar u ħadmet tajjeb
ħafna. Fuq din id-dispożizzjoni aħna
mxejna passi oħrajn ’il-quddiem. Ta’ min
jgħid li ma’ dawn l-emendi tal-2002 tal-Kodiċi Kriminali kien hemm ukoll emendi
li saru lill-Att dwar il-Pulizija, senjatament għall-vittmi tar-reat li
jkollhom bżonn ta’ protezzjoni meta jiġu biex jixhdu jew inkella fil-ħajja
partikolari tagħhom. Dawn iż-żewġ punti
ġabu, għall-ewwel darba, ir-relevanza tal-persuna li tkun sofriet id-delitt li,
hawnhekk qed insejħulu l-vittma tad-delitt, bħala parti essenzjali tal-proċes
kriminali u bħala parti li hija relevanti.
Fi żmenijiet oħrajn, kellek sitwazzjoni fejn
il-parti lesa, jiġifieri l-parti li
tkun sofriet u allura tkun il-vittma tar-reat, kienet sempliċi xhud, jiġifieri
tiġi l-Qorti biex tixhed u daqshekk.
Kien hemm drabi wkoll meta lanqas kienet tissejjaħ biex tixhed,
speċjalment meta l-imputat, fl-ewwel seduta, jaqbad u jammetti. Hemm prassi - mhux tal-maġistrati kollha però
ta’ ħafna minnhom - li llum il-ġurnata din is-sitwazzjoni ma tirrepetix
ruħha. Meta jkollok xi ħadd li huwa
vittma ta’ reat, il-Qorti trid tassigura li jkun preżenti anke fil-mument li xi
ħadd qiegħed jammetti u trid tassigura wkoll li tisimgħu biex tara l-gravità o meno tar-reat inkwestjoni. Dan kif bdejna fl-2002. Wara l-2002 għamilna numru ta’ passi oħrajn
li permezz tagħhom mexxejna il-pożizzjoni tal-vittma tar-reat ’il quddiem.
L-ewwel punt importanti li jien kont għamilt bħala
Segretarju Parlamentari kien marbut mal-preżenza tat-tfal. It-tfal kellhom żewġ sitwazzjonijiet ta’
diffikultà li kienu qed jagħmluhom vulnerabbli.
L-ewwel l-kwestjoni kienet relatata mal-fatt li qabel ma kienx hemm video conferencing għar-rigward tat-tfal
u fis-sena 2003/2004, ħadna ħsieb li bħala l-ewwel miżura, nintroduċu li meta
tfal taħt is-16-il sena jixhdu ġol-Qrati tagħna, iridu jixhdu dejjem bil-video conferencing. Mhux biss, imma għamilna pass ieħor ’il quddiem
biex nipproteġu dawn il-vittmi l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna u
daħħalna miżura biex meta jkun hemm każijiet ta’ abbuż fuq it-tfal, ikun hemm
ġudikant wieħed li jisma’ l-każijiet kollha.
Qabel il-każijiet kienu jinstemgħu minn diversi maġistrati. Konna ddeċidejna din il-miżura mal-Prim
Imħallef li ħa d-direzzjoni li kull kawża relatata ma’ abbuż fuq it-tfal
tinstema’ quddiem maġistrat wieħed, li jisma’ dawn il-każijiet u jispeċjalizza
fuq dawn il-każijiet.
Daħħalna mbagħad punt ieħor importanti li ilu jiġi
wżat għal dawn l-aħħar 7 jew 8 snin fejn meta t-tfal jixhdu, ix-xhieda tagħhom
tiġi rekordjata kemm bil-vuċi kif ukoll fl-apparenza tagħhom. Dik ix-xhieda tibqa’ preservata u tkun dik
ix-xhieda li tiġi wżata fil-proċess kriminali kollu anke jekk kemm-il darba
l-affarijiet jiżviluppaw li wieħed imur għal ġuri. Is-sistema qabel kienet kompletament
differenti. Irrid ngħid dan speċjalment
la qed nitkellmu fuq il-vittmi tar-reat, biex nenfasizza ix-xogħol li għamilna
fl-aħħar żewġ leġiżlaturi marbut ma’ protezzjoni tal-vittmi tar-reat. It-tfal ġew protetti fix-xhieda, qed jixhdu
f’post appartat, qed jixhdu bil-video
conferencing u qed jiġu rekordjati għax inti jkollok tfal li meta jiġu
abbużati jkollhom ċerta età però mbagħad jikbru u allura min ikun qed
jismagħhom jieħu impressjoni kompletament differenti. Għandhekk ukoll ġudikant wieħed u allura
l-kejl tal-ġudizzju tas-sentenzi u l-esperjenza li tinġabar hemmhekk hija
unika.
Ma’ dawn daħħalna wkoll punti oħrajn intenzjonati
biex niddefendu u nsaħħu l-pożizzjoni tal-vittma tar-reat. Pereżempju daħħalna l-punt tad-danni
ċivili. Sfortunatament l-Artiklu 532 A
għadu mhux applikat biżżejjed ġol-qrati tagħna.
Aħna konna daħħalna miżura fejn il-vittma tar-reat m’għandiex bżonn
tagħmel kawża ċivili mal-kawża kriminali.
Jiġifieri l-prosekuzzjoni, l-Istat jiftaħ il-kawża kriminali, il-parti lesa, il-vittma tidher quddiem
il-ġudikant fejn tgħid x’danniu tkun sofriet, pereżempju li kissrulha ħġieġa,
għamlulha ħsara fid-dar jew fil-karozza u l-ġudikant fil-kawża kriminali jagħti
kumpens ċivili wkoll. Jiġifieri bħala
vittma tar-reat, b’din il-miżura qegħdin niffrankawlha l-bżonn li tidħol
f’kawża ċivili bl-ispejjeż u l-iskariġġ li ġġib tali kawża ċivili.
Punt ieħor li konna għamilna kien biex ikun aktar
faċli għall-vittmi tar-reat li jieħdu lura l-oġġetti li jkunu pereżempju,
insterqulhom. Fil-leġiżlazzjoni
preċedenti kien hemm li jekk xi ħadd jinsteraq, biex jieħu lura l-oġetti li
jkunu nstabu mill-pulizija, irid ikollu l-qbil tal-prosekuzzjoni, tal-avukat
ġenerali u anke tad-difiża. Jiġifieri
jekk id-difiża, min qed jiġi difiż joġġezzjona, allura dak l-oġett jibqa’ ma
jistax jittieħed. Aħna konna emendajna
l-liġi u mill-2005/2006 persuna li tiġi mċaħħda minn oġġetti tagħha, kulma
għandha tagħmel hija talba lill-Qorti, biex imbagħad il-Qorti tara li jekk
kemm-il darba l-oġġett ġie recorded u
jekk l-oġġett m’hemmx aktar bżonnu għal xi raġuni, tkun tista’ tagħti
l-awtoritazzjoni biex dak li jkun jieħdu l-oġġett. Din kienet miżura oħra favur il-vittma
tar-reat.
Għamilna mbagħad pass ieħor importanti li għadu
fil-pożizzjoni li jiġi żviluppat ferm aktar.
Qed nirreferi għall-konċett li jien kont ħassejt li huwa innovattiv fejn
inti tagħti kumpens lill-vittmi tar-reat.
Hemm artikolu fil-Kodiċi Kriminali 698 fejn permezz tiegħu persuna li
tkun sofriet dannu, pereżempju xi ħadd ikun seraqha, xi ħadd ikun għamlilha xi
agravju, jekk tfittex lill-persuna li għamlitilha din il-ħsara u ma titħallasx,
allura tkun tista’ titlob lill-Gvern biex il-Gvern ikun jista’ jagħtiha
l-kumpens tal-ħsara li hija sofriet.
Konna mxejna sew f’dan ir-rigward, għamilna l-avviż legali li ilu
operattiv fuq numru ta’ każijiet imma għad hemm lok li jiġi aktar żviluppat.
Għamilna wkoll punt ieħor importanti marbut
mal-proċessi verbali, li ma tantx huwa magħruf u qed insemmih biex ikun magħruf
aktar. Ħafna drabi wieħed ikollu l-idea
li l-vittma tar-reat m’għandux post fil-proċessi verabli. Konna għamilna emenda fejn għedna li jekk
jgħaddu l-ewwel xahrejn, li huma l-ewwel żmien li hu mogħti għall-proċess
verbal, u l-proċess verbal ma jkunx għadu magħluq, allura l-vittma tar-reat,
jekk trid, ikollha d-dritt li titlob li tintervjeni, li tkun preżenti jew
tressaq xhieda hija stess ġol-proċess verbal.
Dawn huma kollha passi ġodda li aħna konna għamilna.
Imbagħad għamilna qabża ferm akbar bl-Att dwar
il-Ġustizzja Riparattriċi li qiegħed fil-Kapitlu 516 tal-Liġijiet ta’ Malta,
fejn konna għamilna kapitlu apposta mill-Artikolu 26 sal-Artikolu 41 ta’ dak
l-Att li fih daħħalna unita ta’ appoġġ għall-vittmi tar-reat. Qed insemmi dan b’mod partikolari għax kif se
nirrimarka aktar ’il quddiem, f’dan l-Abbozz ta’ liġi hemm konflitti bejn dak
li hemm fl-Att dwar il-Ġustizzja Riprattriċi u dan li qed jitressaq hawnhekk
illum. Qed insemmi dan biex wieħed
jagħmel ftit fine tuning
tal-liġi. Però hawn kellna konċett
kompletament differenti marbut mal-fatt li tagħti importanza lill-vittma
tar-reat f’tliet istanti, l-ewwel fil-bidu tal-proċess kriminali, it-tieni
fil-mument meta tingħata s-sentenza u t-tielet wara li jingħata l-proċess
kriminali.
Sur President, qed ngħid dan għax jien dejjem
nittama li l-Att dwar il-Ġustizzja Riprattriċi jimxi ’l quddiem u jkun hemm
aktar attenzjoni għalih. Forsi nitkellem
b’dan il-mod għax dan kien il-baby tiegħi
għal ħafna żmien u issa nittama li ħaddieħor qiegħed jadottah. Aħna konna daħħalna l-konċett li jkun hemm
reġistru għall-vittmi tar-reat u li jkun hemm analiżi ta’ jekk kemm-il darba
hemmx lok għal victim offender mediation. Il-konċett tal-Ġustizzja Ripatratriċi twieled
hemm. Dik kienet waħda mill-ħolmiet
tiegħi bħala avukat u rrid ngħid li nrexxieli nagħmilha u ndaħħalha fil-liġi
tagħna, mhux biss leġiżlattivament, għax tista’ sempliċement tiktibha, imma kont
ħadt ħsibt li amministrattivament ikun hemm il-preparazzjoni u t-tibdil
fil-kultura għaliha. Mhux biss imma
konna wkoll daħħalna diversi passi ta’ assistenza. Il-ħsieb tal-Att tal-Ġustizzja Ripratriċi
dejjem qiegħed biex meta għandek il-parole,
għandek l-offender assessment board u r-remission board, il-vittma tar-reat
qegħda tiġi l-ħin kollu mgħarrfa b’dak li qed jiġri. Jekk xi ħadd sawwatni u spiċċa l-ħabs,
għaliex m’għandix inkun informat jekk kemm-il darba l-aggressur għamel talba
għall-parole, jew inkella għaliex
m’għandix ikun informat li l-aggressur wasal biex joħroġ bir-remissjoni jew
inkella wasal biex joħroġ bis-sentenza tal-Qorti. Għaliex jien m’għandix ikolli l-possibbiltà
li nasal mal-persuna msemmija fuq mejda biex nifhem x’ġara u għaliex ġrat xi
ħaġa. Ħafna drabi jkollok każijiet ta’
nies li jkunu vittma tar-reat u jdaħħlu f’rashom li r-reat sar tort
tagħhom. Dawn huma kollha affarijiet li
aħna nrexxielna nagħmlu.
Qed ngħid dan għax hemm barra spiss nisimgħu
diskors vojt u ħmerijiet fuq x’suppost għamilna u m’għamilnix u għalhekk huwa
tajjeb li dan li qed ngħid jiġi rreġistrat minn min qiegħed jismagħna biex
jifhem li aħna għamilna diversi affarijiet b’attenzjoni. Fil-fatt għamilniehom b’attenzjoni għax
kulmin jaħdem il-Qorti jgħallimni li, il-Qorti għandu ċertu saturation jiġifieri għalxejn tagħmel
kwantità kbira ta’ emendi għax fil-Qorti ma jiġux implimentati kollha
f’daqqa. Jien li llum immur il-Qorti
nipprattika nsib li hemm dispożizzjonijiet li daħħalniehom fl-2004, 2005, 2006
u 2007 u għad hemm nies li għadhom lanqas biss jafu bihom. Hemm sitwazzjoni fejn il-prattika hi mod u
l-liġi hija mod ieħor u allura qiegħed nuża dan il-forum biex niddiskuti din
il-ħaġa.
Sur President, nixtieq ngħid ħaġa oħra. Meta fis-sena 2008 sibt lili nnifsi
fil-pożizzjoni ta’ Ministru għall-Ġustizzja u l-Intern għax qabel kont
Segretarju Parlamentari, waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li kont ħadt kienet
marbuta mal-pakkett ta’ kif inti tistà tagħmel regoli ta’ protezzjoni aħjar
għall-persuna akkużata fuq livell ta’ Unjoni Ewropea. Niftakar fid-dibattitu oriġinali kien hemm
pakkett sħiħ ta’ interpretazzjoni, informazzjoni, dritt għall-aċċess u
affarijiet oħrajn li kienu qed jitressqu mill-Kummissjoni bħala pakkett wieħed
sħiħ, lock, stock and barrel. Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li jien kont
ħadt kienet li biddilt il-pożizzjoni ta’ pajjiżna għax oriġinarjament konna
qegħdin nopponu kompletament għal din il-linja.
Biss aħna konna lesti li jekk ikun hemm roadmap, jiġifieri li taqbad l-affarijiet biċċa biċċa, allura
kienet tkun aktar faċli biex is-sistemi ġuridiċi kollha tas-27 pajjiż tal-UE
jassorbu dawn it-tibdiliet. U dan hu dak
li sar. Però niftakar li fis-sena 2009
ġo Praga, fl-informal council kont
iltqajt mal-Kummissjoni, dak iż-żmien kien hemm, Alla jagħtih il-ġenna għax
il-bambin sejjaħlu, il-Kummissarju Jacques Baro - Irrid ngħid li f’Diċembru li
għadda, il-Kummissarju Jacuques Baro ġie hawn Malta u għamel ħafna ġid
lill-pajjiżna. Kien bniedem ta’
intelliġenza kbira, demokratiku kristjan, bniedem li kellu esperjenza kbira
f’dawn l-affarijiet, bniedem li pajjiżna fortunatament onorah ukoll – fejn kont
għedtlu u insistejt li bħala pajjiż dak li konna qed nagħmlu kien tajjeb, però
jrid ikun hemm counter balance ta’ xi
forma ta’ statement aħjar
għar-rigward tal-vittmi tar-reat. Huwa
tajjeb li tagħti aktar protezzjoni lill-akkużat, però fis-soċjetà moderna, trid
tagħmel bilanċ aktar qawwi għall-vittmi tar-reat. U dan li qegħdin niddiskutu llum huwa in
parti ma’ dak li kien ġie maqbul. Kont
nippreferi li jkun hemm sustanza ikbar u punti aktar qawwija però dan kien statement qawwi li l-protezzjoni
għall-vittmi tar-reat fil-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea se tkun
tajba u applikabbli. Allura f’dan kollu,
jien ma nistax ma neħdux pjaċir li llum din waslet ukoll fil-Parlament Malti. Però nixtieq li dan l-Abbozz ta’ liġi jiġi
rfinat għax hemm ħafna punti li jitolbu li wieħed jirfinahom biex l-Abbozz ikun
jista’ jagħti pakkett aktar sod minn dak li hemm bħalissa. Hemm affarijiet tajbin - ara ma jmurx xi ħadd
jinterpretani li, b’xi mod, jien qiegħed ngħid kontra dan l-Abbozz ta’ liġi -
però hemm affarijiet li naħseb li wieħed irid jiġbed l-attenzjoni dwarhom.
L-ewwel nett għandek il-kwestjoni ta’
terminoloġija. Fit-terminoloġija qed
ndunaw li, sfortuntament, min abbozza dan l-Att, qabad u reġà ivvinta ċerti
definizzjoijiet li aħna għandna diġà.
Proprju għalhekk huwa importanti li jkun hemm fine tuning. Dan għaliex
fil-Kodiċi Kriminali fl-Att dwar il-Pulizija fil-Ġustizzja Riparatriċi għandek
użat diversi terminoloġiji, l-ewwel vittma tar-reat, xhud u mbagħad injured party. Naħseb li għandna nużaw biss it-terminoloġija
“vittma tar-reat” li tkun tapplika kullimkien.
It-tieni nett, fil-Ġustizzja Riparatriċi diġà hemm definizzjoni ta’
x’inhi vittma tar-reat, fejn aħna konna għedna hekk:
“Victim
means an identified natural person who has suffered physical or psychological
and or material damages directly caused by the offenders criminal act and or
ommissions or a respresentative society in the case where a victim cannot be
identified.”
Jiġifieri aħna daħħalna wkoll il-konċett li
s-soċjetà tkun aggravata minħabba f’reat li ġie kommess lill-persuna li mhijiex
identifikata. Hawnhekk f’dan l-Abbozz
ta’ liġi 66 insibu definizzjoni li tinjora din id-definizzjoni li diġà teżisti
fil-liġi tal-Ġustizzja Riparatriċi u li, fl-opinjoni tiegħi, hija ċ-ċavetta
għall-unità. Taħt il-probation and parole department li twaqqaf fl-aħħar leġiżlatura u nieħu pjaċir li
għadu għaddej, hemm unità apposta biex tipproteġi l-interessi tal-vittmi
tar-reat. F’dan l-Abbozz qegħdin
indaħħlu konċetti kompletament differenti.
Proprju għalhekk naħseb li għandna nagħmlu fine tuning.
Għandek ukoll kwestjoni oħra li jien nħoss li hija
importanti, li tirrigwarda fejn inti għandek tagħmel dawn l-artikoli tal-liġi. F’dan l-Abbozz insibu li se mmorru biex
ikollna dawn l-artikoli tal-liġi f’att separat meta diġà għandna kwestjonijiet
li jipprovaw jiddefendu l-vittmi varji tar-reati mxerrdin ma’ diversi atti
oħrajn. Naħseb li diversi minn dawn
id-dispożizzjonijiet jistgħu jidħlu jew fl-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi
jew fil-Kodiċi Kriminali, inkella fil-Kodiċi tal-Pulizija. Jien naħseb li tajjeb li nevitaw li kull
darba jkollna din il-konfużjoni ta’ x’hemm u x’ma hemmx.
Hemm ukoll l-Artikoli 5 u 6 li huma tajbin
ħafna. Artikolu 5 qiegħed jitlob li
l-pulizija tibgħat acknowledgement
meta xi ħadd jagħmel rapport. Dan
ifisser li meta inti tagħmel rapport lill-Pears,
jibgħatlek acknowledgement. Din hija miżura tajba Imbagħad f’Artikolu 6 għandek id-dritt ta’ informazzjoni
dwar il-każ. Meta l-każ huwa plain sailing, pereżempju se tressaq lil
xi ħadd il-Qorti u jinstab akkużat jew meta tgħid lil xi ħadd li ma nistgħux
insolvu l-każ, huwa faċli, però hemm ħafna każijiet fejn ir-reat isir u
l-investigazzjoni tal-pulizija ma tkunx tista’ tingħalaq. Allura hemm bżonn li f’Artikolu 6 jiddaħħal
mhux biss il-bidu, it-tmiem u s-sentenza finali imma tiddaħħal ukoll l-aktar
ħaġa spinuża u diffiċli li hija l-ispjegazzjoni lin-nies tax-xogħol li jkun
qiegħed isir mill-pulzija. Ħafna drabi,
jien sibt li dan huwa punt nefralġiku bejn il-pulizija u l-vittmi
tar-reat. Diversi drabi jien kont nitlob
lil min hu inkarigat biex il- prosecuting
officer jiltaqa’ mal-vittma tar-reat u jinformaha li għalkemm il-każ għadu
ma ġiex solvut imma l-Pulizija ma ttraskuratx il-każ.
Hemm ukoll Artikolu 9 li qiegħed jitkellem dwar
l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi fejn naħseb li hawn overlapping għaliex fl-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi, jekk
m’iniex sejjer żball f’Artikolu 41, għandek diġà x’għandu jsir mal-vittma
tar-reat mentri hawn qegħdin nivvitaw affarijiet li huma differenti u li,
fl-opinjoni tiegħi, mhumiex strettament relevanti. Għandna mmorru lura għal dak li hemm fl-Att
tal-Ġustizzja Riparatriċi biex ma jkunx hemm overlapping. L-Att dwar
il-Ġustizzja Riparatriċi jipprovdi li jkollok ċerta informazzjoni mogħtija
min-naħa u minn oħra.
Hemm ukoll il-kwestjoni ta’ Artikolu 14 li jgħid
li meta vittma tiġi identifikata bħala minorenni u jitqies li jeżisti konflitt
bejn l-interess tad-detenturi ta’ responsabbiltà, jiġifieri tal-ġenituri u
l-interessi tal-minorenni, għandu jinħatar tutur skont il-kodiċi ta’
organizzazzjoni u proċedura ċivili biex jirrappreżenta u jaġixxi fl-aħjar
interessi tal-minuri. Din tista’ tidher
li hija tajba, però meta tiġi biex tapplikaha tista’ mbagħad ssib
diffikultà. Dan għaliex biex tappunta
tutur hemm proċedura. Ħafna drabi, tutur
irid jagħmel tajjeb għall-amministrazzjoni tiegħu billi jagħmel ipoteka fuq
il-proprjetà tiegħu u naħseb li dik tista’ taqta’ qalb ħafna nies. Għalhekk għandna mmorru biex ngħidu li dan ikun sempliċement kuratur ad letem, jiġifieri waqt li jkunu
għaddejjin il-proċeduri, huwa jista’ jkompli segwitu ċivili u jkun hemm dan
il-kuratur speċjali. Ngħid id-dritt, ma
kellix l-opportunità li nidħol aktar fil-fond anke dwar dak li aħna għamilna
mill-aspett soċjali. Naħseb li
mill-aspett ta’ liġijiet li saru mill-ministeru tal-politika soċjali, illum
hemm persuni inkarigati apposta biex ikunu jistgħu jagħtu attenzjoni aħjar,
bħala guardian, lil persuna li ssib
ruħa f’din il-pożizzjoni.
Taqsima 2 dwar il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin
mill-Artiklu 15 ’il quddiem hija tajba, però naħseb li hemm bżonn ta’ żewġ
affarijiet li partijiet minnhom jidħlu fil-kodiċi kriminali wara Artiklu 248(a)
sa Artiklu 248(x) biex ikunu magħqudin u jekk hemm bżonn issir riferenza wkoll
għal dak li hemm fl-Att dwar il-pulizija biex tingħata protezzjoni lin-nies
involuti. Dan mogħti, Sur President,
wieħed ma jistax ma jeħux pjaċir li mxejna pass ieħor ’il quddiem biex
nipproteġu l-vittmi tar-reat. Naħseb li
llum il-ġurnata tant għamilna affarijiet li għandna npoġġu ftit bilqiegħda -
forsi jkollna l-opportunità fil-Kumitat – fejn ikun hemm l-Avukat Ġenerali li
jagħmel l-eżerċizzju li jdur għad-diversi postijiet fejn qed jissemma l-vittma
tar-reat u jagħmel l-artikoli neċessarji biex ibiddel l-affarijiet. B’mod partikolari, dan għandu jsir għaliex
ċerti drabi jingħarax l-aspett kostituzzjonali fir-rigward ta’ x’pożizzjoni
għandu l-vittma tar-reat fil-proċess kriminali.
Bħalissa hemm għaddejjin kawżi kostituzzjonali proprju fuq dan, bħal
meta pereżempju, il-prosekuzzjoni jew id-difiża jdumu biex iġibu il-provi
f’kawża.
Sur President, finalment nixtieq nagħlaq billi
niġbed l-attenzjoni tal-Ministru - jippermettili li jkolli din il-libertà li
nitkellem - li preżentement ġol-Qorti hemm sitwazzjoni fejn l-emendi
għat-tariffi l-ġodda - mhux se nidħol fil-mertu jekk humiex tajbin jew le -
għadhom ma daħlux fil-kodiċi ta’ proċedura ċivili, jiġifieri għadhom ma sarux
l-emendi, però diġà qegħdin jiġu applikati ġol-Qorti. Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Ministru dwar
dan il-fatt biex jara jekk kemm-il darba aħniex legalment koperti, għaliex
is-sinjorija tiegħu tgħallimna li meta inti tippreżenta il-Qorti, li fih
it-tariffa li tkun ħallast ma tkunx it-tariffa vera li hija indikata
mill-proċedura, għandek possibbiltà kbira li l-Att li inti qed tippreżenta
jista’ jiġi ddikjarat null. Naħseb li
jekk kemm-il darba, fl-emendi li qed nagħmlu tal-baġit, hawn ukoll emendi li
qed imissu mat-tariffi, il-Gvern irid jiddeċiedi jew li jdaħħal it-tariffi meta
dan l-Att jiġi fis-seħħ, inkella jaqbad u jġibhom mill-ewwel fis-seħħ għaliex
llum, 14-il ġurnata mis-sena, għandek atti li ġew ippreżentati u li xi ħadd
jista’ jattakkahom, pereżempju, ittra uffiċjali biex jinterrompu
l-preskrizzjoni, ittra uffiċjali biex jitolbu l-eżekuzzjoni ta’ ċerti
affarijiet jew inkella għal konvenji, kawżi li jiġu ppreżentati u fir-rigward
tal-parti l-oħra hemm sentenzi li jgħidu li jekk ma tħallasx id-dritt
tar-reġistru, allura dak l-att jiġi ddikjarat null u oħrajn. Qed niġbed l-attenzjoni biex wieħed jieħu
deċiżjoni jew li jaqbad u jġibhom fis-seħħ mill-ewwel inkella li wieħed
iżommhom sakemm dawn jiġu fis-seħħ.
Għandek ukoll atti li l-Ministru neħħielhom
id-dritt tar-reġistru, jiġifieri ma jitħallas xejn, speċjalment fil-kawżi
kriminali. Dan huwa benefiċċju, però
jista’ jkollok lil xi ħadd li jgħidlek dak l-Att huwa null għaliex inti ma
ħallasx id-dritt tat-tariffa meta t-tariffa għadha mhijiex minsusa. F’dan il-każ, inti ma tistax tmur il-Qorti u
tgħid li trid tippreżenta dan l-att skont it-tariffa li hemm għax jgħidulek li
mhux possibbli għax għandhom direttiva li t-tariffi se jinbidlu. Qed niġbed l-attenzjoni għaliex jista’ jkun
li għadha pitgħada jkun hemm aktar konfużjoni.
Diġà għaddew 14-il ġurnata u nispera li din il-ħaġa ma tkomplix. Inġenerali, wieħed jittama li dan l-Abbozz
ta’ Liġi jiġi ammeljorat fl-istadju ta’ Kumitat, però huwa żgur ta’
sodisfazzjoni għaliha personalment, li qiegħed nara dan l-Abbozz jidħol
fil-port. Nirringrazzjak.
1 comment:
Diskors impeccabbli li jaghti elenku tal-ligijiet li ghaddew mill-Parlament fis-snin imghoddijja. Jien ma ilhaqthomx pero naghraf u napprezza dawn il-ligijiet.
Post a Comment