21.4.15

L-Għid jibqa’ Kbir.



1.      Il-ħajja fis-soċjetà tagħna tista’ tidher li qegħda tara xi bidliet li qabel ma ratx.  Biss hemm pedamenti sodi u permanenti li fortunatament qed inżommu.  Dawn il-jiem ħafna jiċċelebraw sew.  Il-pajjiż jimtela bi knejjes imżejna, b’diversi wirjiet imtellgħa minn diversi għaqdiet reliġjużi, soċjali inkella individwali.  Il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira jibqgħu fattur ċentrali għalina lkoll.  Jiem li jressquna lejn iktar riflessjoni.  Jiem li jitolbu minna ħsieb u attenzjoni lejn dak li aħna, dak li sejrin fih u dak li rridu nkunu.  Il-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu rakkundata mid-diversi evanġelisti minn nhar Ħadd il-Palm ‘il quddiem tiftħilna bibien ġodda ta’ iktar tagħrif u għarfien.  Tinqara’ kemm tinqara’, tinstemgħa kemm tinstemgħa minna xorta nsibu biċċiet ġodda.

2.      Il-bniedem li jħares lejn li jipprova jkun wieħed ta’ rieda tajba jidħol fi proċess ta’ żvilupp intern.  Ma’ kull parti minn ħajtu għandu avvanz ikbar.  Jifhem iktar fil-fond il-messaġġ, fl-aħbar it-tajba.  Hija vuċi li ma tistax tingħad li hija marbuta ma’ xi żmien partikolari.  Il-Kristu storiku nafu biċ-ċert li ġie u għex magħna.  Dak li jingħad lilna mill-evanġelisti ma huwiex parti minn dak li nsibu fil-mitoloġija griega, latina, nordika, orjentali jew li nsibu li ħoloq fil-ħsieb u l-fantasija l-bniedem.  Dak li ngħad, dak li nsibu miktub seħħ.  Seħħ b’verità.  Seħħ iktar u iktar meta l-istess kliem iwasslu lil kull persuna lejn triq aktar ċara u perfetta.  Għax dak li ngħad ma huwiex vuċi passata, jew ġejja sempliċement minn hemm, iżda għandha l-abbiltà li tibqa’ waħda preżenti u futura.

3.      Hija hekk u tibqa’ vuċi ta’ gwida għal min irid, fil-libertà assoluta tiegħu, jsegwiha.  Ma hemmx impożizzjoni.  Hemm offerta miftuħa.  Hemm min jeħodha u hemm min jirrifjutaha jew jaqbad biss il-biċċiet li jinteressawh.  Anqas ma hija vuċi ta’ ħarba mill-ħajja, jew xi forma ta’ “escapism”; hija waħda li tieħdok iktar biex tgħix ir-realtà ta’ kull ġurnata.  L-inkarnazzjoni, il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ma humiex stejjer, iżda manwali ta’ ħajja fejn tgħixha u mhux taħrab minnha.  Sidna Ġesù Kristu bit-twelid tiegħu, bil-ħajja f’din id-dinja u bil-mewt u l-qawmien tiegħu daħal fl-istorja tal-bniedem.  Assigura lilha r-realtà tagħha u mhux il-kontra.  L-eżempju li ħallielna ma huwiex fl-arja, jew xewqat, imma attwalità.  Min irid isib il-paċi, il-ferm u s-sewwa jrid isegwiH.

4.      Terġa’, il-qawmien mill-mewt tiegħu hija l-affermazzjoni ċara u ikbar li kien verament dak li stqarr li huwa.  Il-ħajja tiegħu ma waqfitx meta ġie midfun iżda hemm fatti ċari ta’ diversi bnedmin li għarfuh, rawh u missewh.  Tumas l-appostlu, li lkoll nafu d-dubju tiegħu, assigura prova iktar ċara.  Ried u rnexxielu jmiss għalina lkoll il-pjagi tiegħu.  Il-bnedmin li għexu f’dak iż-żmien ilkoll ħallew xhieda ta’ dan.  Għalhekk meta niċċelebraw dan il-jum bil-ferħ tal-qniepen, bil-ġiri tal-istatwa tal-Irxoxt, bl-ikel tal-figolli u tal-ħaruf inkunu qegħdin niċċelebraw din il-verità, din ir-realtà li taffermana bnedmin fid-dinja li nifhmu r-realtà, naħdmu fiha u nkunu ta’ servizz biex minna, jekk għandu jkun, jitwettaq is-sewwa.

5.      Qegħdin f’mument storiku ieħor għalina.  Il-ħatra tal-Arċisqof Charles J. Scicluna huwa proprju dan.  Kwalitajiet, talenti tajba għandu.  Però miegħu qiegħed iġib esperjenza li nemmen li jaf ikollha effett jekk dejjem titħalla taħdem.  Huwa vuċi ta’ gwida għalina.  Ma huwiex mexxej politiku, biss bi kliemu ser ikun qiegħed imissi kull settur soċjali u kulturali tagħna.  Waħda li għandha preparazzjoni fl-esperjenza li ngħata ikbar.  Iktar ma naħseb, iktar ma naqra mill-ġdid dak li kiteb il-Papa Benedittu XVI, iktar nifhem u nittama.  Nifhem kemm l-Arċisqof ġie ffurmat iktar milli kien minn bniedem li huwa mimli b’għerf tal-ħajja.  Iż-żmien li qatta’ Ruma kien ta’ servizz varju li fl-imrar tiegħu kellu żgur id-duwa ta’ kliem u eżempju li ma għandux bżonn ta’ ebda kelma ta’ rakkomandazzjoni minni.

6.      F’dinja fejn in-nisrani hemm min jaħseb li għandu jitlef il-libertà tal-espressjoni tiegħu, u anzi dak huwa dritt riservat għall-ulied tal-illuminiżmu, dan huwa jum importanti.  Jum żgur ta’ ferħ, però huwa wieħed ta’ affermazzjoni.  Huwa wieħed ta’ appartenenza, identità u kultura.  Ma hemmx mistħija, anqas nuqqas ta’ kuraġġ, iżda determinazzjoni sabiex inkunu parti minn dan il-proċess li biddel, għadu jibdel u ser ikompli lid-dinja u għal min irid jgħix fiha u mhux jaħrab minnha.  Messaġġ li huwa mimli daqs bajda fl-għerf u fil-wirt għal min iridu.  L-Għid, għalhekk, f’dan kollu jibqa’ verament Kbir.  Mill-qalb nawgura lilek, Sur Editur u lil dawk kollha li jaqraw din il-gazzetta, l-Għid it-Tajjeb.






No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...