24.2.14

RAPPORT - IMPLIMENTAZZJONIJIET



7772. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista' l-Ministru jindika jekk kemm-il darba xi partijiet mir-rapport li ġie minnu kommissjonat tul s-sena li għaddiet taħt t-tmexxija tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ġewx implimentati u jekk iva liema?

07/02/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Huma bosta dawk ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapport tal-Board of Review li diga’ huma fis-seħħ jew qedgħin fil-proċess ta’ implimentazzjoni.
Nibda billi nirreferi għat-taħriġ li ngħata lill-uffiċjali mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kif ukoll lill-Ambaxxaturi ġodda f’ Ġunju u Lulju li għaddew. Dan it-taħriġ tmexxa  flimkien mal-entita` Malta Enterprise u  għandu jerġa’ jsir skont il-ħtieġa.
F’Awwissu tal-2013, sar tibdil fl-istrutturi tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Fost dan it-tibdil, twaqqaf Unit għall-affarijiet kummerċjali u ekonomiċi li jikkollabora ma’ entitajiet oħra Ministerjali u pubbliċi sabiex tissaħħaħ il-ħidma tal-Ambaxxati tagħna f’dan l-aspett u ssir promozzjoni ta’ Malta fil-qasam kummerċjali.
Twaqqaf Joint Stakeholders Working Council mmexxi minn dan il-Ministeru. L-ewwel laqgħa ta’ dan il-Kunsill saret fit-18 ta’ Settembru 2013. Dan il-Kunsill jiltaqa’ kull xahar u huwa magħmul minn rappreżentanti minn entitajiet li għandhom l-għan li jippromwovu lil Malta bħala pajjiż miftuħ għall-investiment u l-kummerċ. F’dan l-għan il-Kunsill qed jieħu ħsieb li jħares lejn il-promozzjoni ta’Malta b’mod sħiħ u li jidentifika dawk l-oqsma jew pajjiżi li huma tal-akbar interess għal Malta.
Ġie mwaqqaf ukoll Legal Unit skond kif  kien irrakkomandat fir-rapport tal-Board of Review. Fost it-tibdil fl-istruttura tal-Ministeru, sar ukoll tibdil tal-mod kif ix-xogħol huwa mqassam bejn żewġ Direttorati Ġenerali – wieħed politiku (Political, EU Affairs and Maltese Living Abroad) li jitratta relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi Ewropej u barranin; u wieħed ta’ natura globali (Global Issues, International Development and Economic Affairs).
Hemm imbagħad il-ħsieb li tiġi ppublikata on-line newsletter li ser tinħareġ fiż-żmien qrib. L-għan tagħha huwa li jittejbu l-mezzi ta’ kommunikazzjoni fost l-oqsma differenti li jagħmlu parti mill-Ministeru kif ukoll sabiex jingħata tagħrif dwar il-ħidma u l-uffiċjali tal-Ministeru. Din ser tiġi ppublikata darba fix-xahar minn Marzu 2014. Ma’ dan irrid insemmi wkoll xi tibdil li sar fuq il-websajt tal-Ministeru b’diversi links għall-aġenziji oħra tal-Gvern, kif ukoll l-iżvilupp tal-intranet sabiex titjieb il-kommunikazzjoni fi ħdan il-Ministeru.

Skont rakkomandazzjoni tal-Board of Review, inħass il-bżonn li x-xogħol kollu li jsir fl-Ambaxxati Maltin jiġi skedat u rrekordjat b’mod aktar regolari. Għalhekk ġie introdott sistema ta’ rappurtaġġ li jsir kull xahar fuq bażi ta’ template imfassla minn dan il-Ministeru.
Fuq l-analiżi li sar permezz tar-rapport tal-Board of Review, dan il-Ministeru qiegħed jara kif għandu jagħmel biex isaħħaħ il-preżenza ta’ Malta barra l-pajjiż. Il-Ministeru jinsab fil-proċess li jiftaħ ambaxxata fil-Qatar kif ukoll rappreżentanzi fl-Alġerija, Shanghai, Misurata, Sao Paolo u fl-Emirati Arabi Magħquda.
Ġew ukoll appuntati erba’ Konsli Onorarji ġodda kif jirrakkomanda r-rapport.
Il-Ministeru ngaġġa wkoll żewġ persuni fuq bażi ta’ internships, kif ukoll issuġġerit mir-rapport imsemmi.
Qegħdin isiru diskussjonijiet b’mod regolari kemm interni kif ukoll mal-Uffiċjali mill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali sabiex isir it-taħriġ meħtieġ għall-uffiċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għal meta Malta ser ikollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fl-2017.
Filwaqt li dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew implimentati jew qedgħin fil-proċess t’implimentazzjoni, l-Ministeru jinsab impenjat sabiex jwettaq dawk ir-rakkommandazzjonijiet kollha tal-Board of Review skont il-ħtieġa.

Seduta 122

19/02/2014

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...