18.2.14

Il-Prim Ministru m'għandu l-ebda viżjoni dwar ix-xogħol għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.



Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għall-attività tal-Prim Ministru Muscat maż-żgħażagħ dalgħodu f’San Ġwann. Iż-żgħażagħ preżenti żgur li kienu qegħdin jistennew li l-Prim Ministru Muscat ikellimhom dwar il-futur tagħhom, dwar il-viżjoni li għandu għall-qasam tax-xogħol, u li jagħtihom dettalji dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, inizjattiva li qed jieħdu l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u li kienet pilastru ewlieni tal-kampanja elettorali tal-Partit Laburista. 

Oħroġ il-għaġeb, kellu jkun is-Segretarju Ġenerali taż-Żgħażagħ Soċjalisti Ewropej Thomas Maes li tkellem dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-attività ġewwa San Ġwann. Il-Prim Ministru lanqas biss semma’ l-inizjattiva darba, li jkompli jikkonferma t-tħassib taż-żgħażagħ, speċjalment meta wieħed jikkonsidra ċ-ċanfira li qala’ l-Prim Ministru mill-Kummissjoni Ewropea għall-fatt li għadu lanqas biss issottometta l-pjan għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Dan jikkonferma għal darb’oħra l-ingann tal-Prim Ministru, li ta garanzija liż-żgħażagħ fil-kampanja elettorali u mar lura minn kelmtu malli ġie fdat bil-poter. 

Il-Prim Ministru naqas ukoll milli jagħti viżjoni dwar ix-xogħol liż-żgħażagħ li kienu preżenti għall-attività ġewwa San Ġwann. Meta ġie mistoqsi jitkellem dwar inizjattivi biex jiġu inċentivati l-istart-ups, il-Prim Ministru qal biss li ġew estiżi żewġ skemi li tnedew fil-leġiżlatura li għaddiet u semma proposta oħra li għadha fuq il-karta sena wara li tela’ fil-Gvern. Il-Prim Ministru evada għalkollox il-mistoqsija li saritlu dwar il-wegħda ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin; ma qal xejn dwar iż-żieda ta’ 9% f’ħaddiema Għawdxin li qed jirreġistraw għax-xogħol, u semma’ biss “proġetti kbar” li għad iridu jsiru, minkejja li diġà sfaxxa l-ewwel proġett “kbir” li ħabbar, dak li jinbena casino f’Għawdex. Fuq kollox, ma qal xejn dwar il-fatt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ tela’ b’iżjed minn 1.3% fi żmien sena waħda biss. 

Dalgħodu spikkat ukoll id-difiża stojka tal-Prim Ministru Joseph Muscat tal-Ministru Konrad Mizzi. Dan minkejja li din il-ġimgħa ġew żvelati tliet aħbarijiet skandalużi fil-mezzi tax-xandir li għandhom jinkwetaw lill-poplu Malti u Għawdxi, b’mod partikolari lir-residenti tan-nofsinhar ta’ Malta. Dawn huma l-aħbar li l-Ministru Mizzi qiegħed jagħżel l-għaġġla minflok is-sigurtà bid-deċiżjoni li jaħżen il-gass fuq vapur fil-bajja ta’ Marsaxlokk, l-ingann tal-“fabbrika tal-kanċer” li ġie żvelat bir-rapport tal-esperti indipendenti Ingliżi li ġie ppubblikat mill-MEPA, u l-iskandlu tas-serq tal-elettriku mill-Enemalta, li dwaru qed tiġi investigata persuna li kienet imqabbda bħala liaison bejn il-Ministru u l-Enemalta u li ngħata allowance addizzjonali mis-CEO. 

Kull ma jmur qed joħroġ biċ-ċar kemm dak li wiegħed il-Prim Ministru fil-kampanja elettorali huwa mibni fuq l-ingann, b’konsegwenzi li jistgħu jkunu negattivi ferm fuq il-poplu Malti u Għawdxi. 

--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...