30.11.17

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN – PERSUNI MIŻMUMA.


 
2508. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li għal xi raġuni jew oħra ġew miżmuma għal xi perijodu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mill-bidu tas-sena sal-aħħar ta’ Ottubru 2017?

17/11/2017

  ONOR. MICHAEL FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Ottubru 2017 kien hemm 490 persuna li għal xi raġuni jew oħra ġew miżmuma għal xi perjodu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Seduta  56
22/11/2017

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN – MULTI KONVERTITI F’ĦABS




 
2507. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li daħlu l-ħabs biex jiskontaw sentenza wara li l-multi ġew konvertiti f’ħabs, mill-bidu tas-sena 2017 sal-aħħar ta’ Ottubru 2017?

17/11/2017

  ONOR. MICHAEL FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Ottubru 2017 kien hemm 60 persuna li ddaħħlu fil-Facilita’ Korrettiva ta’ Kordin minħabba konverżjoni ta’ multi.

Seduta  56
22/11/2017

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN - ĦABSIN


 
2506. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sal-aħħar ta’ Ottubru 2017? Jista’ jindika kemm minnhom kienu qed jiskontaw sentenza tal-Qrati? Kemm minnhom qed jistennew li jingħataw il-libertà proviżorja?

17/11/2017

  ONOR. MICHAEL FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi nhar il-31 ta’ Ottubru 2017 il-popolazzjoni fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin kienet ta’ 588, li minnhom kien hemm 432 issentenzjati u 156 taħt arrest preventiv.

Seduta  56
22/11/2017

26.11.17

Irnexxilu.




1.     Forsi għad irridu nifhmu minn xhiex għaddejna bħala partit f’dawn l-aħħar xhur.  It-telfa elettorali f’Ġunju kienet riżultat ta’ diversi fatturi.  Uħud aċċettawhom u nitkellmu dwarhom, oħrajn għadna qegħdin naħirbu minnhom.  Irid ikun iż-żmien li għad irid jiġi li permezz tiegħu nibdew nanalizzaw dak li seħħ.  Nifhmu iktar fid-dettall dak li m’għamilniex u dak li messna wettaqna.  Biss, nagħrfu lkoll li t-trapass taż-żmien jagħti, ħafna drabi, parir.  Direzzjonijiet, u fl-istess ħin għarfien li l-maġġoranza tal-poplu, fl-aħħar elezzjoni ġenerali, ma kenitx qegħda taqbel ma’ dak li konna qegħdin ngħidu.  U forsi iktar minn hekk, fil-metodu, l-mezzi u l-messaġġi ġenerali tagħna.  Mhux kulħadd jaċċetta dan.  Hemm min moħħu biex iwaħħal fl-oħrajn, u ftit dawk fihom infushom.



Żvantaġġi fil-medja



2.     Żgur, mhux forsi, qegħdin nitilqu minn diversi żvantaġġi.  Il-pożizzjoni politika llum mhix dik li kienet wara t-telfa elettorali tal-2013.  Hija iktar diffiċli u kkumplikata.  Iktar u iktar meta fuq in-naħa tal-Partit Laburista hemm konsolidazzjoni fil-poter.  Hemm tmexxija li ġiet affermata u li hija kapaċi twassal il-messaġġ tagħha b’ferm aktar qawwa minn qabel.  Mhux biss għax għandha maġġoranza, imma wkoll għax vuċijiet u mezzi effikaċi kuntrarji naqqsu fis-saħħa tagħhom.  Mhux biss ukoll għax il-Partit Nazzjonalista għandu fuqu din id-diffikultà li jkollu mezzi li huma rilevanti u tal-abbiltà li jxerred fi ħdan il-pajjiż dak li qed jgħid huwa sewwasew.  Ir-realtà hija li bis-saħħa qawwija fil-komunikazzjoni li għandu l-Partit Laburista, il-poplu qed jisma’ mingħandu x’suppost huwa l-messaġġ tagħna.  Għalhekk, dak li qed ngħidu, dak li qed inwettqu mhuwiex jasal kif għandu għand l-elettorat tagħna.



Volontà pożittiva



3.     Proprju f’dan il-kuntest partikolari li wieħed għandu jifhem kemm il-piż huwa itqal għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Adrian Delia.  Ix-xenarju politiku, kif inhuwa ċar, xeħet żvantaġġi ferm ikbar milli qatt kellu mexxej ieħor fil-partit.  Vantaġġi m’għandu xejn, salv il-volontà pożittiva tiegħu li jidħol għal din ir-responsabbiltà u jmexxi lura sabiex nibdew it-triq lejn it-tisħiħ u t-tiġdid tal-partit.  It-tesserati fehmu dan, u bl-għażla tagħhom marru biex idaħħu fit-tmexxija tal-partit proprju lilu.  Dan wettquh wara li raw, semgħu, analizzaw u ddeċidew.  Fehmu li huwa forza ta’ bidla u tiġdid.  Forza li, għax ġejja minn barra, kapaċi tara oġġettivament dak li hemm bżonn li jsir.  U ħadd ma seta’ jmeri l-vuċi demokratika u popolari li bidliet riedu jsiru, u għad iridu jsiru.  Dan, naturalment, bil-kumplikazzjonijiet, reżistenzi u oġġezzjonijiet li n-natura umana ġġib u għandha fiha.



Wiċċ uman



4.     Biss, minkejja kull żvantaġġ li kellu, Dr Adrian Delia rnexxilu jsir Kap.  Irnexxilu jidħol preżentement f’siġġu xejn faċli u, ħafna drabi, skomdu.  Irnexxilu però jibda, bl-għajnuna ta’ diversi bnedmin ta’ rieda tajba, passi determinanti li għada pitgħada ser insibuhom lesti.  Irnexxilu jġib miegħu entużjażmu ġdid għal ħafna partitarji.  Ġieb miegħu tama ġdida, metodi differenti u stil ta’ komunikazzjoni dirett u personali li ftit mexxejja preċedenti għalih, f’kull partit, kellhom.  Hemm wiċċ uman li tista’ tarah, tmissu u tifhmu ferm iktar meta jkun quddiemek, milli fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni tallum.  Fil-kuntatt dirett jissupera lill-Prim Ministru attwali.



F’iqsar żmien



5.     Irnexxilu wkoll iqassar il-proċess tat-tibdil u tiġdid tal-karigi tal-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.  L-aħbar ta’ wara l-elezzjoni li t-tmexxija sħiħa, flimkien mal-uffiċjali kienu mhux biss qed jirriżenjaw imma jintrabtu li ma jerġgħux jikkontestaw, kellha l-effetti politiċi tagħha.  Ħolqot, f’dak l-att li ħafna raw qawwi però dovut, “vojt” politiku.  Dan għax waqt li diversi kienu għalhekk diġà “żarmaw”, barra, il-ħajja politika kienet għadha għaddejja b’saħħa, qawwa u qilla, b’kumplikazzjonijiet kbar u li ftit rajna fl-aħħar snin fid-dinja tagħna.  Mhux biss, imma ż-żminijiet iffissati biex fihom jimtlew il-karigi ġiebu l-effett li l-Kap tal-partit kien għaddej waħdu tul dawn ix-xhur.  Mertu tiegħu li ż-żmien tqassar u l-għażliet saru.



Il-bastiment salpa



6.     Proprju għalhekk li l-Ħamis li għadda ngħalqu l-karigi kollha tal-partit.  Il-Kap tagħna, Dr Adrian Delia, f’dan irnexxilu jġib bnedmin li qed jokkupaw, għall-ewwel darba, dawn il-karigi.  Proċess ta’ bidla interna li saret f’dan il-mument partikolari.  Wieħed, li minnu, diversi bdew jifhmu li l-bastiment li qed imexxi tella’ l-ankri, telaq minn mal-moll u beda jsalpa ‘l barra f’baħar li, kif qed naraw, mhuwiex propjament kalm.  Biss, kif ilkoll nafu, il-kaptani t-tajba jingħarfu mhux fil-bnazzi.  Dak li hawn u dak li għad irid jiġi ser ikompli jbasktu f’mexxej tajjeb u sod.  Wieħed, li għax iduq it-togħma tal-baħar mielaħ li l-mewġ itella’, jibqa’ kapaċi jagħraf dik tal-ilma ħelu.  Biss nafu li għalkemm il-problemi tal-ħajja politika għandhom id-dettalji u l-effetti tagħhom, però huma l-bank tal-prova.  F’kull appuntament, f’dawn l-aħħar ġimgħat, irnexxilu jissupera l-ostakli, x-xkiel u l-ingombri li sab.  Bil-moħħ ċar tiegħu, u bil-prinċipji tal-partit li jiggwidawh, sab tarf ta’ diversi sitwazzjonijiet.



Saħħa u determinazzjoni



7.     It-triq il-quddiem ċert li mhix faċli.  Biss, jekk għal oħrajn din tista’ sservi biex jaqtgħu qalbhom u joqogħdu lura, għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia din hija sfida aqwa li qed jidħol għaliha b’saħħa u determinazzjoni.  Għandu fih enerġija pożittiva.  Bniedem li jfittex li jsib l-aqwa elementi fil-proxxmu li jiltaqa’ miegħu.  Bniedem li jispira lill-oħrajn u li għandu ġewwa fih dik il-forza naturali li jmexxi lill-oħrajn ‘il quddiem.  Bniedem li, minkejja kollox, irnexxilu jirbaħ, jagħti direzzjoni u gwida.  Irnexxilu jkun dawl ġdid u neċessarju f’dan il-mument diffiċli għall-Partit Nazzjonalista.  Fiż-żmien li ġej, issa li rnexxilu ma jkunx aktar waħdu imma għandu ‘l-uffiċjali u l-baħrin f’posthom, ser naraw bidliet oħra u ġodda.





                                                    

24.11.17

Għas-sewwa f’pajjiżna.





1.      Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ wieħed li jħares li jġib il-ġid u s-sewwa lill-poplu kollu.  Jibqa’ wieħed interklassista u popolari.  Huwa però partit immexxi minn prinċipji ideoloġiċi ċari.  Mhuwiex wieħed marbut ma’ interessi partikolari, anqas ma’ kawża waħda.  Mhuwiex għaqda ffurmata għal ħaġa waħda.  Proprju għalhekk li m’aħniex marbuta mal-passat.  M’aħniex dawk li jridu jirrepetu dak li ġara qabel, imma jħarsu ‘l quddiem fis-sitwazzjoni preżenti.  Ir-rilevanza tal-partit tibqa’ proprju fuq dan: issib il-kejl tagħha mal-poplu Malti u Għawdxi.  L-abbiltà tiegħu li jifhem iż-żminijiet u l-ħtiġijiet ta’ dawk kollha li jgħixu f’dawn il-gżejjer.

Insolvu l-problemi tagħna aħna

2.      Ma hemmx dubju li l-elettorat iħares li jitlob mill-politiċi li jassiguraw li jkun hawn demokrazija ħajja li taħdem fil-paċi u l-istabilità.  Il-Gvernijiet Nazzjonalisti li kellna ħallew bħala wirt tagħhom diversi affarijiet.  Biss, id-demokrazija Ewropea hija l-pern tagħhom.  Bid-difetti interni tagħna, f’dan irridu nifhmu li għandna mekkaniżmu li permezz tiegħu nistgħu nsolvu l-problemi tagħna.  Huwa f’dan mhux proprju korrett min jaħseb li dawk li jgħixu barra minn xtutna għandhom soluzzjonijiet ippreparati għalina.  Id-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea drabi tidħol f’dan.  Permezz ta’ dak il-pass għollejna l-livelli tagħna.  Tlajna ‘l fuq.  Biss, din l-Unjoni ma tistax issolvi l-intoppi li għandna.  Dawk iridu jiġu solvuti minna, u l-Gvern jibqagħlu d-dmir sagrosant li jwettaq dan.

Id-dibattitu jissudana

3.      Tista’ però ġġib dak li qiegħed jiġri hawn għad-dibattitu għax aħna parti mill-Ewropa.  Dan fih innifsu huwa tajjeb għax jgħin fl-għarfien ta’ dak li għandu jsir u għal min huwa ta’ rieda tajba sabiex jieħu l-passi lejn soluzzjonijiet.  Li kieku kollox qiegħed jaħdem kif għandu f’din l-art tagħna, kieku ma kienx ikun hemm lok għal dibattitu.  Dibattitu li kellu l-appoġġ tal-forzi politiċi prinċipali, inkluż dak tal-partiti komunisti u li fih dawk soċjalisti żammew pass kbir lura.  Dak li seħħ għandu jżid fir-riflessjonijiet tagħna.  Dak li ngħad għandu jgħin sabiex insibu, bil-kalma, tarf ta’ dak li qiegħed jibgħatna lura.  Għax huwa tajjeb li min irid jisma’ jiċċaqlaq biex isir dak li għandu jsir.  Għax għandna l-obbligu legali u mirali li nesiġu li ssir is-sewwa.

Linja moderata

4.      L-argumenti politiċi, is-sustanza tagħhom għalhekk huma għalina iktar importanti minn min ħa sehem fihom.  Għax id-diskussjoni politika hija u tibqa’ vitali.  Proprju fuq din il-linja tkellem darbtejn il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia.  Impostazzjoni ċara lejn il-modernizzazzjoni u sejħa sabiex il-Gvern jiddefendi sewwa lil pajjiżna.  F’ebda mument ma sar kliem żbaljat jew anti-demokratiku.  Fuq dan wieħed kien jippretendi, bħala minimu, li fil-Parlament Malti ssir diskussjoni serja dwar dak li seħħ u dak li għandna niċċaqilqu fuqu.  Insibu fejn għandna u nistgħu naġixxu bħala poplu biex intejbu lilna nfusna.  Imma proprju f’dan ma kienx hemm, wisq anqas il-ħsieb inaċċettabbli mogħti lilna minn Frans Timmermans li ser inrendu l-omiċidju politiku ta’ Daphne Caruana Galizia f’battalja politika.  Il-fatti juru preċiż il-kontra.  Konna nippreferu li ħadd ma jgħidilna li jew kollox huwa perfett, jew li m’għandniex nippretendu aħjar u għalhekk ma hemmx bżonn ta’ bidliet.
Il-vuċi tagħna fl-iżbilanċ preżenti

5.      Il-Partit Nazzjonalista, f’dan il-mument fl-istorja ta’ pajjiżna, ma jistax jirrinunzja milli jkun kuxjenza ċara ta’ dak li qed jiġri, u wisq inqas jirrinunzja li jsemma’ l-leħen tiegħu.  Jagħraf però li għandu diversi żvantaġġi.  Il-vuċi tiegħu hija maħnuqa u miżmuma lura.  Wieħed jifhem dan, però għalihom irridu nirreaġixxu.  Għax huma l-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħna li jista’ verament u prinċipalment jiddependi fuqhom.  Il-gazzetti ‘In-Nazzjon’ u ‘Il-Mument’, ir-Radju 101 u n-Net mhumiex lussi żejda, imma strumenti essenzjali biex inwasslu bil-preċiż il-pożizzjoni tagħna.  Anzi, kif qed naraw, huma bilanċi essenzjali llum fejn il-vuċi u l-verżjoni tal-Gvern qed titwassal u teskludi tagħna.  Hawn żbilanċ ċar li rridu nikkumbattu.  Għalhekk għandhom jibqgħu jkunu huma li jitkellmu għalina.  Jibqgħu jkunu diretti, però jridu l-għarfien biex isibu appoġġ minn min irid id-demokrazija tikber f’pajjiżna biex jinxterdu u jinstemgħu.

Il-partit tal-Libertà

6.      Il-partit tagħna kien u jibqa’ dak li ried u ġġieled għal-libertà.  Libertà ‘l-bgħid mit-tirannija, li faċli tiżviluppa.  Libertà li timraħ dejjem iktar ma jkun hemm demokrazija b’saħħitha, fejn il-liġi hija ugwali ma’ kull persuna u fejn isaltan id-dritt.  Ma konniex dawk li jikkonformaw u jbaxxu rashom.  Iġġelidna, kif qegħdin, kontra l-kurrenti.  Konna u bqajna parti minn dawk li huma kburin li għall-ġid komuni nikkumbattu bil-kalma kontra dak li huwa żbaljat u ħażin.  Proprju għalhekk li f’dan m’aħniex lesti li ndgħajfu t-tessut demokratiku tagħna.  Għas-sewwa ta’ pajjiżna, fil-jiem li ġejjin ser nibqgħu naħdmu.  Nibqgħu nsemmgħu leħinna fis-soċjetà u fil-Parlament, fi spirtu demokratiku bl-istrumenti tad-djalogu u diskussjoni sabiex nassiguraw li dak li huwa żbaljat, jinbidel.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...