4.3.26

ĠURIJIET PENDENTI

33550. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ġuri kien hemm pendenti sal-aħħar tas-sena 2025 u liema huwa l-iktar wieħed li ilu pendenti?

 

07/01/2026

 

ONOR. JONATHAN ATTARD: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-aħħar tas-sena 2025 kien hemm 39 ġuri appuntat u kif ukoll 32 ġuri li mmaturaw u li kienu qed jistennew id-data tal-appuntament.

Ma dawn hemm ukoll 183 ġuri oħra li ma setgħux isiru għal diversi raġunijiet fosthom; minħabba proċeduri Kostituzzjonali, għax kienu qegħdin jistennew kawżi oħra, għax kienu għadhom fi stadju ta’ eċċezzjonijiet preliminarji jew qed jistennew rapport minn espert psikjatriku jew għadhom fi stadju bikri tal-proċeduri.

Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena, 2026, diġà saru 3 ġurijiet u kien skedat ieħor li ġie kkanċellat fuq punt ta’ liġi. Ninforma wkoll illi s-sena l-oħra kien hemm total ta’ 23 ammissjoni, mentri fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena kien hemm 4 ammissjonijiet irreġistrati.

L-aktar ġuri li ilu pendenti jmur lura għas-sena 2008.

 

Seduta Numru 439

02/03/2026

ĦAL GĦAXAQ - KUNSILL LOKALI - RIVISTI PPUBBLIKATI

33549. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq matul is-sena 2025 sabiex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

07/01/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Ħal Għaxaq ma ppubblikax rivisti matul is-sena 2025 u, għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda nefqa relatata.

 

Seduta Numru 439

02/03/2026

WIED IL-GĦAJN - KUNSILL LOKALI - RIVISTI PPUBBLIKATI

33548. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn matul is-sena 2025 sabiex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

07/01/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Wied il-Għajn, li matul is-sena 2025, il-Kunsill ma ppubblikax rivisti u għalhekk ma kien hemm l-ebda nefqa relatata.

 

Seduta Numru 439

02/03/2026

 

MARSAXLOKK - KUNSILL LOKALI - RIVISTI PPUBBLIKATI

33547. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk matul is-sena 2025 sabiex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

07/01/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Marsaxlokk ma ppubblikax rivisti matul is-sena 2025 u, għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda nefqa relatata.

 

Seduta Numru 439

02/03/2026

IŻ-ŻEJTUN - KUNSILL LOKALI - RIVISTI PPUBBLIKATI

33546. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali taż-Żejtun matul is-sena 2025 sabiex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

07/01/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali taż-Żejtun ma ppubblikax rivisti matul is-sena 2025 u, għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda nefqa relatata.

 

Seduta Numru 439

02/03/2026

ĦAL TARXIEN - SKOLA TAL-PRIMARJA L-ANTIKA

33545. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid x’użu qiegħed isir mill-Iskola tal-Primarja l-antika f’Ħal Tarxien? Jista’ jgħid ukoll x’sar matul is-sena 2025 jew x’ser isir matul is-sena 2026?

 

07/01/2026

 

ONOR. CLIFTON GRIMA: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26273.

 

Seduta Numru 439

02/03/2026

2.3.26

LANQAS TEMMEN!

1. Lil min taqbad tgħidhom dawn l-affarijiet, wieħed jistaqsi? Forsi aħjar, taf f’qalbek taħseb li m’għandekx bżonn tgħidhom, għax il-fatti forsi qed jitkellmu waħedhom. Li pajjiż bħal tagħna qiegħed ibati tant biex isib ftehim fuq Prim Imħallef, b’dak kollu li qed jiġri, ftit jistgħu jifhmuh. Nistaqsi: min jaf il-kapitali Ewropej li aħna membri magħhom, li qed jirċievu regolarment ir-rapporti dwar dak li qed jiġri jum wara l-ieħor f’dak li hu għaddej, x’inhuma jgħidu? Ma tantx naħseb li proprju mixjin ’il quddiem fl-istima li għandna nimxu lejha. Wisq inqas qed nirbħu tant punti fuq il-livell ta’ dak li huwa legalment loġiku u razzjonali. Anzi jidher li qed inkomplu nżidu l-paġni ma’ dak il-manwal li sa issa għadu ma nkitibx.

Il-manwal

2. Hemm diversi kotba tajba li jagħtu direzzjonijiet varji fuq sitwazzjonijiet daqshekk kumplessi ta’ kif il-bnedmin fil-politika għandhom iġibu ruħhom. Tajjeb li tkun taf bihom, iżda daqstant ieħor li taqrahom. Imma sa issa għadu ma ġiex f’idejja l-ktieb li fih il-manwal ta’ dak li l-politiċi m’għandhomx proprju jwettqu. Bħalissa ninsabu xhieda ta’ eżempji varji ta’ kif wieħed m’għandux jaġixxi. Diġà kellna paġni preċedenti marbuta mal-pariri sabiex il-membri fl-Eżekuttiv jiddikjaraw l-assi tagħhom. Fl-ittra tas-6 ta’ Jannar tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-pożizzjoni kienet ċara ħafna: motivata, loġika, diretta, u li fil-fatt ġiet injorata. Dik li, b’konsegwenza ta’ dan l-aġir, ftit wara rat ir-riżenja ta’ Ministru proprju fuq dan il-punt.

F’dan, fejn sejrin?


3. Imma f’dan komplejna għaddejjin iktar f’din it-triq u f’ħafna kważi fi sqaq li dħalna fih fejn flok qed insibu s-soluzzjonijiet qed infittxu iktar kumplikazzjonijiet. Il-linja faċli għandha tkun dik ta’ bnedmin li jiltaqgħu u jwettqu għażla fl-interess tal-pajjiż u fl-interess tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Jekk, għal raġunijiet varji, personalitajiet differenti, nuqqas ta’ abbiltà fil-komunikazzjoni jew mossi u kontromossi politiċi ma nistgħux naslu, allura wieħed jista’ jfittex triq oħra. Għax oġġettivament il-pożizzjoni mhijiex daqshekk iebsa biex wieħed jasal. Billi f’dan, terġa’, m’aħniex f’pajjiż fejn għandna eluf jew mijiet ta’ bnedmin li ġew magħżula, ħadu l-ġurament u qed iservu ta’ mħallfin. Inkella qegħdin f’sitwazzjoni fejn dawk li għandna jservu m’aħniex kapaċi ngħarblu l-karattri fl-abbiltajiet varji tagħhom.

Fil-Kostituzzjoni


4. Nistgħu mmorru lejn talba lill-Imħallfin stess sabiex iressqu huma l-proposti tagħhom. Nistgħu naħtru Kummissjoni li tipproponi lista ta’ ismijiet. Nistgħu wkoll sempliċement inħaddmu l-Kostituzzjoni. Naħseb, u għandi nippresumi, li min għandu fuqu r-responsabbiltà tal-poter għandu wkoll il-maturità, l-intelliġenza u d-dixxerniment biex iwettaq dan. Imma jekk dan, kif qed naraw, mhuwiex il-każ, allura hemm bżonn għajnuna esterna. Hemm bżonn, għax is-sitwazzjoni mhijiex proprju serja tajjeb. Il-poplu ma jistax jifhem, salv li qed jara spettaklu li jixtieq ħafna li ma jarax. Iktar u iktar meta flok l-użu tal-proċedura mistennija, fejn wieħed jaqbel internament u jħabbar, issa qegħdin fil-linja l-iktar żbaljata li ssemmi ismijiet u tistenna l-ġudizzju barra.

Prattika ħażina

5. L-Imħallfin ħaqqhom rispett veru fis-sħiħ u mhux f’parti, jew fid-duħħan li joħroġ mill-inċensier. Nittama li nieqfu nsemmu ismijiet ta’ bnedmin serji, qisna qed jiġu nnegozjati fis-Suq tal-Belt. Bnedmin li kull ma jridu huwa s-serenità li jaħdmu, jisimgħu l-kawżi u jiddeċiduhom. F’dan kull persuna għandha x-xewqat tagħha. Uħud iridu jservu bħala Prim Imħallfin u oħrajn li ma jridux, u minn dawn xi wħud forsi jaċċettaw jekk jaraw li hemm qbil politiku u fost il-kollegi tagħhom. Il-Korp tal-Ġudikatura diffiċli biex tibnih u biex tarah jimxi fl-ambjent li ħaqqu. Imma huwa mill-iktar kontra kull raġunament li taqbad bnedmin u tgarahom barra fl-arena tal-medja, bla difiża u esposti għall-irwiefen tal-kritika, ħafna drabi inġusta u bażata fuq aġendi ta’ dawk li ma jidhrux, imma li jixħtu l-ġebel.

Ittra

6. Jekk f’dan kollu kien hemm min ħaseb li ser jipprova: l-ewwel, li ma jistax jasal fi ftehim minħabba l-Oppożizzjoni; u t-tieni: f’dan li għalhekk għandu jkollu f’idejh ‘dead-lock mechanism’ kostituzzjonali, is-sitwazzjoni llum inbidlet ta’ taħt fuq mertu ta’ ittra. Dak li ntqal hemm u bi tweġiba jew reazzjoni, f’demokraziji oħra jbiddlu l-arja politika. Minn dak li qiegħed jidher, is-sitwazzjoni hija ferm iktar iebsa milli wieħed jaħseb. Dak li ngħad hemm ma tantx narah ser itir mar-riħ jekk ma jkunx hemm tweġibiet ċari u sodisfaċenti. F’dan proprju aktar, wisq inqas ix-xenarju ma huwa proprju l-aqwa biex wieħed imur lejn Elezzjoni Ġenerali. Il-poplu mhux ser joħroġ jivvota kontra partit jew ieħor għax ma ġiex magħżul Prim Imħallef. Infakkar biss li jekk xi ħadd irid ibiddel il-Kostituzzjoni, dan għandu bżonn l-appoġġ tal-Oppożizzjoni, li mhijiex sejra tisparixxi.

’Il quddiem

7. L-arja hija kkargata sew, u ħadd mhu jifhem biżżejjed kemm huwa aħjar għal kulħadd, forsi aktar għall-Gvern, li l-affarijiet jikkalmaw. Huwa f’dan prijorità li jkun hemm għażla ta’ Prim Imħallef ġdid sabiex il-Qorti tirreġistra pass ’il quddiem. Mhuwiex xi forma ta’ diżunur, jew xi nuqqas fil-punti politiċi għall-Gvern li jkun hemm ftehim. Anzi, minn dak li qed nara tagħmillu l-ġid jekk isolvi u juri li huwa kapaċi jħaddem tajjeb is-sistema quddiem dak kollu li ġara. Jekk ikun hemm il-qbil, dan, wara li jiġi reġistrat, nazzjonalment iwaqqaf dak li hu għaddej u b’hekk l-attenzjoni tal-pajjiż dwar ħidmet il-Qorti tkun tista’ tgħaddi għal affarijiet oħra.

Nimxu

8. Infakkar, f’dan kollu, li hemm kwistjonijiet politiċi varji li fihom titlef. Hemm oħrajn, li huma inqas, li fihom tirbaħ, u diversi oħra li fihom la tirbaħ u lanqas titlef. Imma f’dan, iktar ma ndumu biex naslu, iktar ser tidher l-inabilità tal-Gvern li jasal u jitlef fl-appoġġ ġenerali tiegħu. Ma nafx, f’dan kollu, lil min nistgħu ngħidu li morna tant lura u li l-bnedmin fuq dawn il-gżejjer tilfu tant l-użu tar-raġuni li ma nistgħux insibu, fost il-ftit Imħallfin li għandna, persuna kapaċi li għandu, jew għandha, l-kunsens kostituzzjonali biex iservi jew isservi. Ngħid iktar f’dan proprju li lanqas tista’ temmen fejn ninsabu!

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...