Showing posts with label ħatra ta' Prim Imħallef. Show all posts
Showing posts with label ħatra ta' Prim Imħallef. Show all posts

2.3.26

LANQAS TEMMEN!

1. Lil min taqbad tgħidhom dawn l-affarijiet, wieħed jistaqsi? Forsi aħjar, taf f’qalbek taħseb li m’għandekx bżonn tgħidhom, għax il-fatti forsi qed jitkellmu waħedhom. Li pajjiż bħal tagħna qiegħed ibati tant biex isib ftehim fuq Prim Imħallef, b’dak kollu li qed jiġri, ftit jistgħu jifhmuh. Nistaqsi: min jaf il-kapitali Ewropej li aħna membri magħhom, li qed jirċievu regolarment ir-rapporti dwar dak li qed jiġri jum wara l-ieħor f’dak li hu għaddej, x’inhuma jgħidu? Ma tantx naħseb li proprju mixjin ’il quddiem fl-istima li għandna nimxu lejha. Wisq inqas qed nirbħu tant punti fuq il-livell ta’ dak li huwa legalment loġiku u razzjonali. Anzi jidher li qed inkomplu nżidu l-paġni ma’ dak il-manwal li sa issa għadu ma nkitibx.

Il-manwal

2. Hemm diversi kotba tajba li jagħtu direzzjonijiet varji fuq sitwazzjonijiet daqshekk kumplessi ta’ kif il-bnedmin fil-politika għandhom iġibu ruħhom. Tajjeb li tkun taf bihom, iżda daqstant ieħor li taqrahom. Imma sa issa għadu ma ġiex f’idejja l-ktieb li fih il-manwal ta’ dak li l-politiċi m’għandhomx proprju jwettqu. Bħalissa ninsabu xhieda ta’ eżempji varji ta’ kif wieħed m’għandux jaġixxi. Diġà kellna paġni preċedenti marbuta mal-pariri sabiex il-membri fl-Eżekuttiv jiddikjaraw l-assi tagħhom. Fl-ittra tas-6 ta’ Jannar tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-pożizzjoni kienet ċara ħafna: motivata, loġika, diretta, u li fil-fatt ġiet injorata. Dik li, b’konsegwenza ta’ dan l-aġir, ftit wara rat ir-riżenja ta’ Ministru proprju fuq dan il-punt.

F’dan, fejn sejrin?


3. Imma f’dan komplejna għaddejjin iktar f’din it-triq u f’ħafna kważi fi sqaq li dħalna fih fejn flok qed insibu s-soluzzjonijiet qed infittxu iktar kumplikazzjonijiet. Il-linja faċli għandha tkun dik ta’ bnedmin li jiltaqgħu u jwettqu għażla fl-interess tal-pajjiż u fl-interess tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Jekk, għal raġunijiet varji, personalitajiet differenti, nuqqas ta’ abbiltà fil-komunikazzjoni jew mossi u kontromossi politiċi ma nistgħux naslu, allura wieħed jista’ jfittex triq oħra. Għax oġġettivament il-pożizzjoni mhijiex daqshekk iebsa biex wieħed jasal. Billi f’dan, terġa’, m’aħniex f’pajjiż fejn għandna eluf jew mijiet ta’ bnedmin li ġew magħżula, ħadu l-ġurament u qed iservu ta’ mħallfin. Inkella qegħdin f’sitwazzjoni fejn dawk li għandna jservu m’aħniex kapaċi ngħarblu l-karattri fl-abbiltajiet varji tagħhom.

Fil-Kostituzzjoni


4. Nistgħu mmorru lejn talba lill-Imħallfin stess sabiex iressqu huma l-proposti tagħhom. Nistgħu naħtru Kummissjoni li tipproponi lista ta’ ismijiet. Nistgħu wkoll sempliċement inħaddmu l-Kostituzzjoni. Naħseb, u għandi nippresumi, li min għandu fuqu r-responsabbiltà tal-poter għandu wkoll il-maturità, l-intelliġenza u d-dixxerniment biex iwettaq dan. Imma jekk dan, kif qed naraw, mhuwiex il-każ, allura hemm bżonn għajnuna esterna. Hemm bżonn, għax is-sitwazzjoni mhijiex proprju serja tajjeb. Il-poplu ma jistax jifhem, salv li qed jara spettaklu li jixtieq ħafna li ma jarax. Iktar u iktar meta flok l-użu tal-proċedura mistennija, fejn wieħed jaqbel internament u jħabbar, issa qegħdin fil-linja l-iktar żbaljata li ssemmi ismijiet u tistenna l-ġudizzju barra.

Prattika ħażina

5. L-Imħallfin ħaqqhom rispett veru fis-sħiħ u mhux f’parti, jew fid-duħħan li joħroġ mill-inċensier. Nittama li nieqfu nsemmu ismijiet ta’ bnedmin serji, qisna qed jiġu nnegozjati fis-Suq tal-Belt. Bnedmin li kull ma jridu huwa s-serenità li jaħdmu, jisimgħu l-kawżi u jiddeċiduhom. F’dan kull persuna għandha x-xewqat tagħha. Uħud iridu jservu bħala Prim Imħallfin u oħrajn li ma jridux, u minn dawn xi wħud forsi jaċċettaw jekk jaraw li hemm qbil politiku u fost il-kollegi tagħhom. Il-Korp tal-Ġudikatura diffiċli biex tibnih u biex tarah jimxi fl-ambjent li ħaqqu. Imma huwa mill-iktar kontra kull raġunament li taqbad bnedmin u tgarahom barra fl-arena tal-medja, bla difiża u esposti għall-irwiefen tal-kritika, ħafna drabi inġusta u bażata fuq aġendi ta’ dawk li ma jidhrux, imma li jixħtu l-ġebel.

Ittra

6. Jekk f’dan kollu kien hemm min ħaseb li ser jipprova: l-ewwel, li ma jistax jasal fi ftehim minħabba l-Oppożizzjoni; u t-tieni: f’dan li għalhekk għandu jkollu f’idejh ‘dead-lock mechanism’ kostituzzjonali, is-sitwazzjoni llum inbidlet ta’ taħt fuq mertu ta’ ittra. Dak li ntqal hemm u bi tweġiba jew reazzjoni, f’demokraziji oħra jbiddlu l-arja politika. Minn dak li qiegħed jidher, is-sitwazzjoni hija ferm iktar iebsa milli wieħed jaħseb. Dak li ngħad hemm ma tantx narah ser itir mar-riħ jekk ma jkunx hemm tweġibiet ċari u sodisfaċenti. F’dan proprju aktar, wisq inqas ix-xenarju ma huwa proprju l-aqwa biex wieħed imur lejn Elezzjoni Ġenerali. Il-poplu mhux ser joħroġ jivvota kontra partit jew ieħor għax ma ġiex magħżul Prim Imħallef. Infakkar biss li jekk xi ħadd irid ibiddel il-Kostituzzjoni, dan għandu bżonn l-appoġġ tal-Oppożizzjoni, li mhijiex sejra tisparixxi.

’Il quddiem

7. L-arja hija kkargata sew, u ħadd mhu jifhem biżżejjed kemm huwa aħjar għal kulħadd, forsi aktar għall-Gvern, li l-affarijiet jikkalmaw. Huwa f’dan prijorità li jkun hemm għażla ta’ Prim Imħallef ġdid sabiex il-Qorti tirreġistra pass ’il quddiem. Mhuwiex xi forma ta’ diżunur, jew xi nuqqas fil-punti politiċi għall-Gvern li jkun hemm ftehim. Anzi, minn dak li qed nara tagħmillu l-ġid jekk isolvi u juri li huwa kapaċi jħaddem tajjeb is-sistema quddiem dak kollu li ġara. Jekk ikun hemm il-qbil, dan, wara li jiġi reġistrat, nazzjonalment iwaqqaf dak li hu għaddej u b’hekk l-attenzjoni tal-pajjiż dwar ħidmet il-Qorti tkun tista’ tgħaddi għal affarijiet oħra.

Nimxu

8. Infakkar, f’dan kollu, li hemm kwistjonijiet politiċi varji li fihom titlef. Hemm oħrajn, li huma inqas, li fihom tirbaħ, u diversi oħra li fihom la tirbaħ u lanqas titlef. Imma f’dan, iktar ma ndumu biex naslu, iktar ser tidher l-inabilità tal-Gvern li jasal u jitlef fl-appoġġ ġenerali tiegħu. Ma nafx, f’dan kollu, lil min nistgħu ngħidu li morna tant lura u li l-bnedmin fuq dawn il-gżejjer tilfu tant l-użu tar-raġuni li ma nistgħux insibu, fost il-ftit Imħallfin li għandna, persuna kapaċi li għandu, jew għandha, l-kunsens kostituzzjonali biex iservi jew isservi. Ngħid iktar f’dan proprju li lanqas tista’ temmen fejn ninsabu!

KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...