2.10.18

SERVIZZI TA’ TAĦRIĠ FIL-QASAM TAS-SAĦĦA MENTALI.





6631. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il servizz ta’ taħriġ fil-qasam tas-saħħa mentali ġew organizzati f’din il-Leġiżlatura lil Job coaches kif ukoll lill-għalliema fl-iskejjel ta’ pajjiżna? Kemm kien hemm parteċipanti f’dawn il-sessjonijiet?

25/06/2018

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li f’din il-Leġiżlatura Jobsplus offriet servizzi ta’ taħriġ fi Frar u Marzu 2018 fuq kif wieħed jagħti l-ewwel għajnuna fil-qasam ta’ saħħa mentali. Dan it-taħriġ ingħata lill-ħdax-il Job Coach tad-Diviżjoni responsabbli mill-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità f’Jobsplus.

Infurmat ukoll li f’din il-Leġiżlatura ġew organizzati disa’ sessjonijiet ta’ taħriġ fil-qasam tas-saħħa mentali lill-impjegati li jaħdmu mal-istudenti ġewwa l-MCAST.In-numru ta’ parteċipanti għalkull sessjoni ta’taħriġ kien kif se nsemmi:

11 ta’ Lulju 2017 – 4 persuni
7 ta’ Settembru 2017 – 7 persuni
12 ta’ Settembru 2017- 18-il persuna
13 ta’ Settembru 2017 – 7 persuni
11 ta’ Ottubru 2017 – 7 persuni
25 ta’ Jannar 2018 – 21 persuna
8 ta’ Frar 2018 – 21 persuna
15 ta’ Marzu 2018 – 15-il persuna
12 ta’ April 2018 – 10 persuni

Rigward taħriġ ieħor f'din il-Leġiżlatura mill-Institute for Education, inkluż in-numru ta' parteċipanti, ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6153.

Seduta  138
01/10/2018

VITTMI TAL-VJOLENZA DOMESTIKA – MANWAL TAL-PROĊEDURI MOGĦTI LILL-ENTITAJIET




6630. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5661, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-manwal tal-proċeduri mogħti lill-entitajiet kollha kif ukoll il-ktejjeb ta’ informazzjoni dwar is-servizzi li jistgħu jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza domestika?

25/06/2018

  ONOR. HELENA DALLI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt fis-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2018 għall-mistoqsija 6175.

Seduta  138
01/10/2018

ĦRUĠ TA’ AGGRESSURI MINN DJAR TAL-VITTMI TA’ VJOLENZA DOMESTIKA - KAŻIJIET




6629. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm każijiet tul din il-Leġiżlatura fejn il-Pulizija ħarġu l-aggressuri mid-djar tal-vittmi tal-vjolenza domestika?

25/06/2018

  ONOR. MICHAEL FARRUGIA:  Ninsab infurmat li t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata u għalhekk waqt li nikkonferma li fejn ikun hemm bżonn il-Pulizija tassisti biex jinħarġu l-aggressuri mid-djar tal-vittmi tal-vjolenza domestika, it-tagħrif ma jistax jinġabar.

Seduta  138
01/10/2018

27.9.18

Kofi Annan.




1.    Mertu tal-ex-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Dr Joe Borg, bejn il-25 u s-27 ta’ Ġunju 2000, sibt ruħi Varsavja.  Attendejt u ħadt sehem f’dak li ssejjaħ il-“World Forum on Democracy”.  L-amministrazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika, immexxija mis-Segretarju tal-Istat Madeleine Albright, riedet tagħmel il-punt li d-demokrazija hija l-aqwa sistema politika u li għandna nagħmlu l-isforzi tagħna biex tissoda.  Biex min mhuwiex demokratiku nħajruh isir.  Kif ukoll biex, min huwa, jkompli jissoda d-demokrazija li għandu.  L-esperjenza għalija kienet mill-iktar interessanti, meta kont għadni kif bdejt triqti bħala deputat tal-poplu.  Għaliha ġew ħafna mill-mexxejja tad-dinja demokratika.  Fosthom kelli x-xorti li niltaqa’ ma’, u nisma’ lil Kofi Annan, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.

Ħadem ħafna

2.    Niftakarni ftit ‘il-bgħid minnu huwa u jitkellem.  Il-vuċi tiegħu kienet waħda stabbli.  Ma kienx hemm retorika.  Kien hemm, però, ħafna enfasi fuq il-kontenut ta’ dak li kien qiegħed jgħid.  Fuq il-messaġġ politiku tiegħu.  Diskors li sar waqt li kien qiegħed imexxi diversi aġenda impenjattivi li kien daħal b’saħħa kbira għalihom.  Dik kontra l-faqar, kontra l-gwerer, favur id-demokraziji u favur il-paċi.  Ħadem ħafna u kien meqjus.  Ħadd ma tniffes tul dan id-diskors.  Kull min kien hemm baqa’ msammar jisma’ u jgħarbel kliemu.  Għalhekk, meta nhar is-Sibt 18 ta’ Awissu 2018 tħabbret il-mewt tiegħu, ħassejt li parti mill-memorja ħajja tiegħi kienet ġiet nieqsa.

Għamel ġieħ

3.    Ħadt għalhekk pjaċir li rajt li tul il-jum u l-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Kofi Annan.  Bniedem li għamel ġieħ lil pajjiżu, il-Ghana.  Kien is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda mill-1997 sal-2006.  Influwenti, mimli b’inizjattivi ġodda, li serva l-umanità.  Serviha bħala messaġġier u ħaddiem favur il-paċi kontra l-gwerra.  Mogħti, ġustament, il-Premju Nobel għall-Paċi fl-2001.  Attent f’dak li kien qiegħed iwettaq.  Preparat b’paċenzja u b’perseveranza.  Kostanti u b’boxxla ta’ valuri umani li qatt ma abbanduna.

Favur id-demokrazija

4.    Kien bniedem li kkumbatta favur l-iżvilupp sħiħ tal-persuna umana.  Favuri stati fid-dinja li kienu lura.  Rappreżentant denju tal-għerf u l-għaqal tal-kontinent Afrikan.  Ġellied għad-demokrazija bħala valur.  Il-mexxej li kien jemm li ħadd ma jitwieled ċittadin tajjeb, u anqas li nazzjon jitwieled demokratiku, imma li t-tnejn jgħaddu minn proċess kontinwu ta’ żvilupp biex isiru dejjem aħjar milli kienu.

Favur l-edukazzjoni

5.    Ġellied favur l-edukazzjoni.  Kien jemmen, ġustament, li l-edukazzjoni hija dritt fundamentali ta’ kull bniedem fid-dinja.  Mhux riservata għall-ftit, jew għal dawk biss li jistgħu jħallsu, imma għall-bnedmin kollha.  Dritt li kien jemmen li jagħti lill-bniedem il-poter li jibdel, għax fuq l-edukazzjoni jiddependu l-libertà, id-demokrazija u l-iżvilupp sostenibbli.

Favur il-bniedem

6.    Ma hemmx dubju li ser iħalli warajh minjiera ta’ għerf u kitba.  Kliem li għandhom jispirawna sabiex nagħmlu d-dinja aħjar milli hija, u li nassiguraw li jonqsu d-disugwaljanza, il-faqar u l-inġustizzja soċjali u tikber id-demokrazija.  Kif kien qal f’wieħed mill-aħħar diskorsi tiegħu, fl-14 ta’ Settembru 2017, hemm kriżi fid-demokrazija għax, kif jgħid huwa: “The victory over Nazism, Fascism and Communism were also ideological struggles that were won on the battlefield of ideas as well.  Yet, many of the tools of that battle have been abandoned or under-funded to-day.”

Wirt ta’ għerf

7.    Proprju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jingħaqad mad-dinja u jsellem il-memorja ta’ Kofi Annan.  Proprju għalhekk li nħoss li għandu jingħata l-ġieħ li ħaqqu.  U fl-istess ħin nuża dan l-artikolu biex nappella sabiex dawk li qed jaqrawh jitħajru jsegwu d-diversi kotba fejn huwa ta l-kontribut tiegħu.



Malli tippreżenta ruħha l-okkażjoni




1.  Niddejjaq, u mhux pjaċir niċċita lil Fredrich Nietzche.  Il-kitba tiegħu għamlet ħafna ħsara.  Iżda kultant għadda kummenti li fihom hemm ukoll ħafna sens.  Wara l-gwerra tal-1870, meta l-Ġermanja (proprjament kienet il-Prussja) ta’ Otto von Bismarck rebħet lil Franza, Nietzche kiteb : Rebħiet kbar ħafna huma perikolużi ħafna.  Huma perikolużi sija għal min jirbaħ, għalih stess, kif ukoll għal min jitlef, u għall-bqija tad-dinja.  Għal min jirbaħ, hemm sogru qawwi li jimtela’ bl-arroganza.  Jibda jaħseb li ħadd u xejn ma jista’ għalih.  Il-bniedem li jrabbi ġewwa fih li ma għandu l-ebda biża’ mill-ħsieb li jrid jagħti rendikont ta’ egħmilu, x’aktarx jiżbalja.  Għal min jitlef hemm ir-riskju, xejn inqas perikoluż, li jibda jara t-triq quddiemu diffiċli, iktar milli fil-fatt tkun.  Ikabbarhom iktar milli huma u jxekkel lilu nnifsu sabiex jimxi.

General Revanches

2.  Meta bdiet il-Gwerra l-Kbira (1914-18), dik li nsejħulha ‘l-Ewwel’, ħafna kkummentaw li dik il-gwerra nibtet miż-żerriegħa tar-riżentiment tal-1870.  Fl-1871, l-Imperu tal-Ġermanja ipproklamawh fis-Sala tal-Mirja ta’ Versailles.  Il-Ġermaniżi ħassewhom qed jiżfnu fuq il-qabar tal-glorji ta’ Franza.  Minn hemm sal-1914 ħassew li ħadd ma seta’ jżommhom fl-Ewropa.  Li kienu invinċibbli.  Il-Franċiżi ħassewhom umiljati, u fis-snin bejn l-1870 u l-1914 għaddew minn diversi kriżijiet u firdiet, bħal dik tal-Affaire Dreyfus, dik tal-metejora ta’ Georges Ernest Boulanger, u diversi skandli.  Xtaqu jilħqu lura lit-Tedeski malli tippreżenta ruħha l-okkażjoni.  Hekk għamlu, però żammew l-alleanzi prezzjużi.  U fl-1918 kienu mar-rebbieħa.

L-istess f’pajjiżna

3.  Ir-rebħa elettorali, relattivament kbira, tal-Partit Laburista ta’ Malta fl-aħħar elezzjonijiet ġenerali, ġiebet magħha l-istess kwalità ta’ arroganza.  Dan jidher mill-iktar ċar.  Il-Gvern Laburista ma jħossx li għandu jagħti spjegazzjoni lil ħadd, ta’ xejn.  Dan jgħodd għal ħafna mill-Ministri personalment, kif ukoll għall-Gvern kollettivament.  Bil-bejgħ tal-passaporti, u s-surplus fil-kaxxa (iżda mhux fil-bilanċ tal-pagamenti fil-kummerċ ma’ barra), u bil-maġġoranza tal-voti tal-aħħar elezzjoni, il-Gvern iħossu fuq ir-riħ ta’ Filfla.  Meta tinkixef jew tfaqqa’ xi waħda, il-Gvern, flok jispjega u jirmedja, l-ewwel jiċħad u mbagħad jipprova jgħatti xturu b’xi żball li jgħid li kien sar fl-imgħoddi.

Festi tal-Indipendenza

4.  Aħna, li tlifna, ukoll narana li għaddejjin mill-perikolu li nippruvaw insibu raġuni għat-telfa, mhux fir-realtajiet, iżda fl-illużjonijiet.  Nittamaw li l-istaġun tan-nuqqas ta’ qbil jaqleb, bħalma s-sajf jaqleb, għall-istaġun tal-isperanza.  M’għandniex għax le.  Hemm sustanza tajba.  Hemm esperjenza varja li qegħda tinġieb f’daqqa.  Il-jum tal-Indipendenza hekk, fil-fatt, serva.  Serva bħala pass ieħor lejn dan l-għarfien tar-realtà politika tallum, u mhux dik ta’ qabel.  Serva biex iġib mill-ġdid lit-tesserati u l-votanti tagħna lura magħna f’diskussjoni, dibattitu u għarfien ta’ fejn aħna u fejn għandna mmorru.  Il-Partit huwa ħaj u mimli b’persuni ta’ rieda tajba.  Proprju għalhekk li hemm mill-ġdid il-pedament lejn dak li ġej politikament quddiemna.  Hemm għarfien sew tal-wirt tajjeb li l-Partit ħalla lil dan il-pajjiż, u preparazzjoni għal dak li ser ikun mistenni minna.

Hawn wisq ftaħir

5.  Diżgrazzjatament, l-istaġun tal-ftaħir u l-arroganza min-naħa l-oħra, dik tal-Partit Laburista fil-Gvern, ma tantx donnu jidher li huwa wieqaf.  Dan ifisser li l-ħsara li ssir tkun trid żmien itwal biex tissewwa.  Sakemm kien hawn Gvern Nazzjonalista, pajjiżna kien magħdud.  Nirrealizzaw iktar kemm kien wieħed serju : fil-politika barranija, kif ukoll f’dik interna.  Niftakru li l-Prim Ministru tar-Renju Unit, dak iż-żmien David Cameron, fl-2011 irringrazzja lill-Gvern tagħna għall-għajnuna li tajnihom fil-kriżi tal-Libja, biex setgħu joħorġu minn hemm liċ-ċittadini Ingliżi.  Il-Gvern tagħna kien jiġi kkonsultat u fdat fuq ħafna.  Konna kapaċi nagħtu pariri u direzzjoni lill-oħrajn.  Il-Mafja kienet toqgħod ‘il bogħod, għax il-Korp tal-Pulizija kien immexxi b’serjetà.

Il-Poplu huwa sidna

6.  Huwa minnu li bħalissa, fid-dinja, hawn mewġa kbira ta’ arroganza li, sfortunatament, tittieħed.  Biżżejjed tara kif iġibu ruħhom ċerti mexxejja li għandhom is-setgħa llum, meta narawhom jew naqraw x’qalu.  Aħna, bħala demokratiċi, mgħallmin li l-Poplu huwa sovran.  Biss nafu li xi wħud jitkellmu u jġibu ruħhom bħallikieku saru bħall-Imperaturi Rumani u ser jibqgħu hemm għal għomorhom.  Il-Poplu hu sidhom.  Huma, imma, jitkellmu bħallikieku huma sidien ta’ kollox.  Imma huwa l-elettorat li jiddeċiedi.  Dawk li huma b’saħħithom illum isibu ruħhom barra mill-poter.  Dik hija l-istorja tal-ħajja ta’ dawk li jsiru jaħsbu li huma u l-poter huma ħaġa waħda.

Oppożizzjoni li hija determinanti

7.  Pajjiżna, tul dawn is-snin, tilef ħafna.  Tilef il-kredibilità tiegħu.  Tilef fl-integrità u fl-onestà.  Tilef fis-serjetà.  Tilef fid-direzzjoni tiegħu.  Tilef fl-importanza tal-ġustizzja soċjali.  Dan, illum, ħafna qed jifhmuh.  Proprju għalhekk li ħidmitna tikber.  Proprju għalhekk li nagħrfu dejjem iktar li ħidmet l-Oppożizzjoni, immexxija mill-Kap tagħha Dr Adrian Delia, hija determinanti.  Mhux biss biex topponi l-iżbalji tal-Gvern, imma biex tipprepara għaż-żmien tal-bidla, jiġi meta jiġi.  Kif jgħidu: malli tippreżenta ruħha l-okkażjoni.


Aħna mal-Papa.



1.    F’dinja fejn il-verità qed tiġi attakkata minn kull naħa, huwa ċar u ovvju li l-iktar fonti prinċipali tagħha ser tgħaddi hija wkoll minn dan.  Il-Knisja Kattolika, meta ddur madwarek issib li għadha, u ser tibqa’ leali lejn u tgħid il-verità.  Mhux ħafna jridu jisimgħu dan, imma dik hija r-realtà.  Iktar u iktar meta ndur u nara li fidijiet oħra mhumiex għaddejjin mill-martirju medjatiku preżenti.  Hemm “theddida” diretta għal min ma jħobbx, jiċħad jew irid jaħrab il-verità.  Illum nafu dejjem iktar li żdiedu s-segwaċi ta’ dawk li jafu li iktar ma tirrepeti gidba, iktar ikun hemm min jaħseb li hija saret il-verità.  Proprju għalhekk li dan id-dawl ta’ dejjem irid jiġi attakkat.

Christopher Dawson

2.    Reċentement ġiet quddiemi din id-dikjarazzjoni tal-istoriku Kattoliku magħruf, Christopher Dawson: “Protestantism, Liberalism and Communism are three successive stages by which our civilisation has passed from Catholicism to complete secularism. The first eliminated the Church, the second eliminated Christianity and the third eliminates the soul.”  “Protestanteżimu, Liberaliżmu u Komuniżmu huma tlett passi wara xulxin li minnhom iċ-ċiviltà tagħna għaddiet mill-Kattoliċeżimu għas-sekulariżmu komplet.  Ta’ l-ewwel elimina l-Knisja, tat-tieni elimina l-Kristjaneżmu u t-tielet jelimina r-ruħ.”  Mhux kwistjoni neċessarjament ta’ relativiżmu, imma ta’ sekulariżmu pur.

Thomas a’ Kempis

3.    Dan il-Papa Franġisku u l-Papa ta’ qabel, Benedittu XVI, kif qegħdin naraw, ħallsu u għadhom qegħdin iħallsu għad-dnubiet ta’ ħaddieħor.  Ma għandhom ebda responsabbiltà personali fid-dnubiet koroh u mortali li seħħew minn oħrajn.  Dawk ħaqqhom kundanna mhux biss fid-dinja eterna, imma anke f’din.  Nafu lkoll li fil-Vanġelu hemm l-ikbar kundanna għal dawk li jwettquhom.  Mhux faċli, imma dak huwa l-proċess li jrid iseħħ u fil-fatt illum qiegħed iseħħ.  Imma qabel, ftit kienu jafu b’dak li kien għaddej u ma kienx għad-dawl bħallum.  Ħadd ma jista’ jippontifika fuq ta’ qabel.  Imma min huwa segwaċi ta’ Sidna Ġesù Kristu, u jitlob u jimitah fil-passi li kien indika tajjeb dak il-ktejjeb ta’ Thomas a’ Kempis, jaf b’dak li ser jgħaddi.  Niftakru għax hemm bżonn li wieħed ifakkar li Hu ġarr is-Salib bid-dnubiet tagħna lkoll.

Prime Donne

4.     Veru wkoll, fuq in-naħa l-oħra tal-munita, li din hija dinja tal-prime donne.  Fl-opri, jew il-commedia dell’arte, il-Prima Donna hija “the leading female singer in the company, the person to whom the prime roles whould be given”.  L-opri, ħafna drabi serji, l-oħrajn inqas, fejn jintlibsu wkoll il-maskri li jbiddlu l-uċuh.  Fid-dinja politika niltaqa’ ma’ diversi minn dawn.  Fortunatament, il-formazzjoni politika tiegħi ta’ demokristjan tgħallimni.  Però, anke fil-Knisja Kattolika li jien inħobb, nara wisq soprani foloz.  Huma magħna wkoll dawn il-bnedmin, li rashom hija kbira wisq, li jridu jiddettaw u jgħidu l-ħin kollu dak li jaħsbu biex ikunu differenti mill-Knisja.  Biss, dawn iridu forsi, xi darba jifhmu, jew xi ħadd ifehemhom, li kliemhom u azzjonithom mhumiex żieda fil-kuluri jew xi taħlita fid-diversità.  Huma, minflok, dawk li jispiċċaw iħawdu l-imħuħ u, fl-istess ħin juru li mhumiex jifhmu li preżentement huwa żmien li jieqfu u jibdew jiġbdu b’aktar saħħa l-linja prinċipali tal-Knisja.  Aħjar jikkonċentraw fuq priedki qosra tajba, diretti u effettivi.

San Ġwann tas-Salib

5.     Għandu raġun il-Papa jiddikjara li l-verità hija umli u hija silenzjuża.  M’għandhiex bżonn il-prime donne.  Waħedha timxi u titla’ f’wiċċ l-ilma.  U nafu tajjeb dan.  Il-qaddis Tereżjan San Ġwann tas-Salib jgħallimna li quddiem l-akkużi nfami, is-silenzju huwa valur.  Kien ġie arrestat mill-Inkwiżizzjoni, imma kull darba għażel li ma jiddefendix ruħu.  Li jeżerċita d-dritt tas-silenzju qaddis tiegħu.  Kull darba ġie liberat, meħlus, u kliemu sallum għadhom jixegħlu.  Lezzjoni li ma tfallix u li b’imħabba, fortunatament, segwejt.  Huwa diffiċli li ma tiddefendix ruħek kif l-istint jagħtik.  Imma l-għorrief, li nqisu qaddisin, kienu jafu x’inhuma jgħidu meta taw pariri oħra.

San Benedittu

6.     Daqskemm ma hemmx sfida wkoll għal dawk li huma segwaċi ta’ Sidna, li jaqraw dak li San Benedittu, fir-regola tiegħu, ma kienx jippermetti.  Fl-artikolu 69 jgħid: “Ut in monasterio non præsumat alter alterum defendere”.  Ebda persuna fil-monasteru ma tista’ tiddefendi lil ieħor.  Kull wieħed għal rasu.  Ma hemmx avukati fl-uffiċċji interni.  Għax hija l-verità li trid tiddefendi lil dawk li huma innoċenti.  Dan, kif id-diversi mumenti fit-Testment l-Antik joffrulna biex nimxu warajhom.  Il-verità hija b’saħħitha, imma għandha wkoll l-anġli u l-arkanġli tagħha li jiggwidaw lil dawk li huma akkużati inġustament.

Papa Franġisku

7.     Proprju għalhekk li naqbel dejjem iktar ma’ kliem dan il-bniedem għaref.  Kien jaf x’qed jgħid meta, direttament u b’sempliċità kbira, f’Santa Marta fit-3 ta’ Settembru qal hekk: “Jesus’s humility opens the door to his first words meant to construct a bridge, but instead sows doubt immediately changing the atmosphere from peace to war, from amazement to fury.  To those wo wanted to throw him out of the city, Jesus responds with silence.  They were not thinking, they were shouting.  Jesus stayed silent.  But he passed through the midst of them and went away.”  Trid tgħaddi minn biċċiet bħal dawn biex tifhem.  Proprju għalhekk li nħossni dejjem aktar viċin li nsostni ‘l-Papa.




Wara l-Kurat ta’ Ars.




1.    Naħseb li l-Isqof Awżiljari l-ġdid, Monsinjur Joseph Galea Curmi, kien jaf x’qed jagħmel.  L-4 ta’ Awissu, il-jum tal-konsagrazzoni tiegħu fl-Imdina, kien ukoll dak li fih il-Knisja tiċċelebra lill-Kurat ta’ Ars, San Ġwann Vianney.  Mudell għas-saċerdoti, ċertament għalih ukoll.  Għex ħajtu għas-sewwa.  Jaħdem biex ixerred il-verità.  Ixerred il-Vanġelu b’dedikazzjoni kbira f’post li ftit, anqas l-isqof li bagħtu, ma kienu jafu bih.  Għex ħajja għall-parruċċani tiegħu, jiġbidhom lura lejn il-Knisja.  Siegħat twal kull ġurnata b’sagrifiċċj, bla waqfien jew tgergir.  Jingħad li l-fama tiegħu xterdet ħafna fi Franza, dik li kienet rat il-ħruxija tar-Revoluzzjoni u l-persekuzzjoni tas-saċerdoti Kattoliċi.  Eluf kienu jmorru jżuruh kull sena.  Il-Knisja, illum, ġustament tqimu bħala l-Patrun tal-Kappillani.

2.    Diffiċli, verament, tkun Nisrani u tgħix hekk.  Mhux biss illum, imma minn dak li naraw u naqraw, f’kull żmien.  L-Isqof Awżiljari, fl-umiltà tiegħu, fl-attenzjoni, ġenerożità lejn il-proxxmu, ma hemmx dubju li jagħraf dan.  Jagħraf sew u fil-fond il-missjoni kbira tiegħu, li ġie mbaskat u preparat sewwa għaliha.  Il-qari tal-jum, fil-fatt, imiss dan kollu.  L-ewwel qari bil-Profeta Ġeremija li jiddikjara li kien mibgħut mill-Mulej biex iwettaq missjoni f’avversità, li jitlob lil min qiegħed jisimgħu jirriforma egħmilu u triqatu, però jagħraf li jista’, f’dan, jitlef ħajtu.  L-istess is-silta qabel il-Vanġelu minn San Mattew, tiddikjara li imberkin dawk li huma persegwitati minħabba s-sewwa.  Wara, fil-Vanġelu, il-martirju ta’ San Ġwann Battista.  Għal min jieħu ħajtu b’responsabbiltà, b’serjetà, jaf li meta jkun għas-servizz tas-sewwa jrid jgħaddi minn dawn l-eżamijiet.

3.    Kontra din il-ħidma hemm il-qilla tal-ħażen.  Il-qerq tal-qarrieqi, li juża kull mezz biex is-sewwa, b’mod jew ieħor, jiddgħajjef.  Il-ġlieda hija kostanti u kull Nisrani huwa msejjaħ biex jikkumbatti.  Imma s-suldati, f’din id-dinja, biex ikunu jafu fejn u kif iridu jwettqu dan il-kumbattiment għandhom bżonn id-direzzjoni, il-kelma ċara, l-iswed iswed u l-abjad abjad, li fuqhom kapaċi jagħtu.  Lesti “jissagrifikaw” ruħhom imma jridu spjegazzjoni, jiġu motivati, u jsibu meta jfittxu.  Ifittxu kontinwament il-fidi, il-verità.  Kif jgħid Santu Wistin: “Cerchiamo come coloro che devono trovare, e troviamo come coloro che devono cercare ancora” (Infittxu bħal dawk li jridu jsibu, u nsibu bħal dawk li għadhom iridu jfittxu).

4.    Imma f’dan l-għan ċar u nobbli hemm bżonn l-attenzjoni.  Ċertament, min iwettaq il-ħażen iġib lilu nnifsu għas-servizz tal-malizzja.  Biss, dawk ta’ fuqna jagħmlu distinzjoni.  Il-bniedem innifsu rridu nifirduh mill-att.  Kif kien jgħid tajjeb l-Abbe Pierre: “J’ai de la haine pour les actes mauvais des hommes, mais je ne peux pas avoir de la haine pour les personnes” (Għandi mibgħeda lejn l-atti ħżiena tal-bniedem, imma ma jista’ qatt ikolli mibgħeda lejn il-bnedmin).  It-tieni, fis-sejħa lejn il-verità u l-imħabba m’għandniex naslu f’punti ta’ relattiviżmu.  L-atti li huma kontra s-sewwa, spiss, fi ħsieb travers ta’ ħniena nsibuhom jiġu skużati, forsi wkoll ġustifikati.  Fit-triq tas-sewwa, fis-soċjetà, hemm bżonn essenzjali li wieħed ikun ċar u jgħid li l-att huwa ħażin, imma l-bniedem jista’ u għandu jiġi assistit.  Kif jgħid Ġeremija: għandu jiġi msejjaħ direttament biex jibdel triqatu.

5.    Għax hemm effetti kuntrarji meta wieħed jieqaf milli jgħid dak li huwa sewwa, jew għalkemm jara dan, jieqaf pass lura milli jikkontrasta, jispjega u jidentifika l-ħażen.  Meta b’xi mod u bl-intenzjonijiet varji, fir-realtà jmur lura mill-missjoni fdata lil dak il-profeta.  L-effetti li jġibu magħhom huma varji.  Nara, l-ewwel, il-ħsieb li min qiegħed fit-triq żbaljata jilludi ruħu li, minflok, huwa miexi f’dik it-tajba; u t-tieni, ta’ dawk li qed izappu, jaħsbu li mexjin sodi u dritti.  Bnedmin li jintilfu f’forom ta’ awto-ċertifikazzjoni u jitilfu l-awto-kritika, ix-xafra tal-kuxjenza.  Għax li wieħed jgħid is-sewwa, jispjega iva iva, le le, u jindika fejn huwa żbaljat, mhux att ta’ ħruxija jew egħbusija. Bħalma anqas ma huwa xi att ta’ ħniena li wieħed ma jispjegax lil min jaħseb li qiegħed fit-triq it-tajba li mhuwiex.  Għax il-bniedem, min-natura tiegħu jrid is-sewwa, u jrid li jkollu lil min jispjegalu u jifhem kif u għala.  Irid direzzjoni, qiegħed f’liema pożizzjoni qiegħed.

6.    Sidna Ġesù Kristu nafu, ġie għal dan: biex ixerred il-kelma t-tajba.  Qablu kien hemm il-profeti, warajh il-qaddisin u l-mexxejja t-tajba.  Dan huwa ċar; mhux neċessarjament nifhmuh.  Insibu diffikultajiet, ħitan li warajhom nippruvaw nistkennu.  Jew aħjar, titwieled fina dik il-biża’, kif ifissirha Don Primo Mazzolari: “Si ha paura di prendere sul serio la parola del Vangelo e della Chiesa, si ha paura di diventare santi, di correre la grande avventura della carità senza limiti” (wieħed ikollu l-biża’ li jieħu bis-serjetà l-kelma tal-Vanġelu jew tal-Knisja, ikollu l-biża’ li jsir qaddis, li jiġri l-esperjenza straordinarja tal-karità mingħajr limiti).  Nifhem: mhux kull bniedem ikun ferħan se jtir bil-ħsieb li jista’ jispiċċa rasu maqtugħa bħal dik ta’ San Ġwann Battista.

7.    Il-Knisja u l-Istat huma mifruda, bħal ma huma l-politiċi u r-reliġjużi.  Imma dan ma jfissirx li ma jinfluwenzawx, inevitabilment, lil xulxin.  Anki fl-iktar reġimi ateji, kif ix-xiehda tal-Qaddis San Ġwanni Pawlu II tagħti, dan iseħħ.  Aħseb u ara f’wieħed bħal tagħna.  Il-lezzjonijiet il-ħżiena tagħna l-politiċi jwelldu u qed imexxu dan ir-relattiviżmu.  Dak tax-xejn ma huwa xejn.  Fejn inkabbru l-ħsieb fl-għalqa tal-voti, li l-iswed ma ġara xejn jekk tgħidlu abjad.  Għandna t-travi f’għajnejna li ma nħossux u mhux dejjem niżirgħu ż-żerriegħa t-tajba.  Anzi, kif jidher, indaħħlu s-sikrana.  F’dan qegħdin, f’dan il-pajjiż li għandu bżonn iktar vuċijiet għall-verità u s-sewwa.

8.    Proprju għax hawn il-ħażen ma’ saqajna li hawn bżonn iktar ta’ vuċijiet ċari, veri u diretti għas-sewwa.  Proprju għalhekk li waqt li minn qalbna nawguraw lill-Isqof Awżiljari ta’ pajjiżna l-ħidma t-tajba, nifhmu ferm iktar li l-missjoni ta’ min irid isegwi l-Kurat hija iebsa sew.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...