6.7.17

Diskors tal-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici – Seduta tal-Erbgħa, 5 ta’ Lulju 2017.



Abbozz Nru 1 - Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet oħrajn
 

Mr Speaker, dan huwa abbozz ta’ liġi illi huwa wieħed illi huwa pjuttost kontroversjali fil-pajjiż.  Però f’din il-Kamra, fortunatament hawn ċertu għaqda dwaru.  Jiena nersaq biex nitkellem dwar dil-ligi bl-iskop prinċipali li wieħed jipprova iċaqlaq għall-aħjar l-abbozz ta’ ligi x’fih u x’ma fihx.  U dan prinċiparjament għax meta taqra l-abbozz tal-liġi mill-aspett legali ssib li dan l-abbozz ta’ liġi seta’ ġie preparat aħjar.  Seta’ kien hemm linja differenti minn dik li ttieħdet.  Irrid ngħid illi bil-liġi nistgħu nagħmlu li rridu.  Fiż-żminijiet konna niġu mgħallma li l-liġi għandha l-kapaċità li dak li hu abjad tgħidlu iswed u dak li hu tond tgħid li hu kwadru.  Però rridu naċċettaw li l-liġi mhux daqshekk omnipotenti.  Kultant il-kliem ma jbiddilx il-fatti.  Il-Ħabs jibqa’ l-Ħabs, avolja nsejħulu “il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin”.  Irridu għalhekk inħarsu lejn il-bniedem, x’inhu l-bniedem, f’hiex kien il-bniedem u f’hix inhu l-bniedem illum.

It-tendenza li l-bniedem jorbot id-destin tiegħu ma’ ta’ pesuna oħra, setgħet kienet ta’ mara u setgħet kienet ta’ raġel, ilhom jeżistu.  Raġel ma’ mara kienu jgħidlu ‘żwieġ’, raġel ma’ raġel kienu jgħidulu ‘ħbiberija’.  Meta nsemmu din il-ħbiberija, żwieġ, il-fatt antropoloġiku jibqa’ dejjem l-istess.  Din mhux ħaġa ta’ partiti.  Hija materja li tisboq kull diviżjoni, anke dik reliġjuża.  Il-bniedem u ż-żwieġ kien qabel il-Knisja u l-Islam.  Mhix kwistjoni tal-konservattivi u l-liberali.  Jiena la jien konservattiv u lanqas liberali.  Jien demokristjan bħal Moro u bħal Merkel.   

Però altru nirrikonoxxu bħala stat ċivili r-rabta bejn persuni tal-istess sess u altru tqis din ir-rabta bl-istess mod bħal żwieġ bejn persuni ta’ sess divers.  X’inhu hawn l-interess tal-komunità li aħna hawn għandna l-obbligu li nħarsu lejh?  U dan inħoss li l-liġi mhix qegħda tindirizzah.  Il-liġi qegħda tħares lejh biss minn aspett kosmetiku, minn aspett li tbiddel sempliċement in-nomenklatura u mhix qegħda tidħol fil-fond ta’ x’sewwasew hija r-realtà.  Dwar iż-żwieġ ta’ persuni ta’ sess divers, il-komunità għandha interess, mhux biss għall-istabilità u l-paċi sentimentali, iżda wkoll għaliex il-prokreazzjoni ssostni l-bilanċ tal-ġenerazzjonijiet li huwa vitali għall-ħajja tan-nazzjon.  Iż-żwieġ ta’ persuni ta’ sess diversi huwa għalhekk indispensabbli għall-kontinwazzjoni tal-komunità.  Altru tagħti rikonoxximent tad-drittijiet bejn min jingħaqad f’unjoni li tixtieq tissejjaħ żwieġ, u altru l-mod ta’ kif din il-liġi qegħda tagħmel dan.

U dan huwa l-punt li lili jressaqni biex b’umiltà, hawnhekk niġi biex ngħin biex din il-liġi timxi pass ‘il quddiem u nittama li l-Gvern ma jkomplix iwebbes rasu, kif qed naraw fil-gazzetti, u jiċċaqlaq.  Għax altru tbiddel il-kliem u altru tbiddel ir-realtà.  Il-figura ta’ omm u ta’ missier m’għandhomx jiġu mdgħajfa, anqas imneħħija, imma mħollija kif inhuma.  Imħollija kif inhuma proprju aħna li aħna pajjiż fil-Mediterran, aħna poplu fejn l-omm hija sagra.  X’inhuma l-ewwel oġġetti li nstabu fit-tempji Neolitiċi?  L-ewwel oġġetti li nstabu fit-tempji Neolitiċi huma dawk ta’ omm fertili illi tagħti l-ħajja.  Napprezza li hemm pajjiżi Nordiċi li għandhom ideat u kulturi differenti.  Però, kif l-esperjenza turini, mhux dejjem dak li jingħad f’pajjiżi oħra jagħmel sens f’pajjiżi differenti, u ħafna drabi, dak li jingħad f’pajjiżi oħrajn, f’pajjiżna mhux dejjem jagħmel sens.  U allura, li tneħħi l-isem ta’ ‘omm’ u l-isem ta’ ‘missier’ minn ġol-liġi hija żbaljata bħala prinċipju.  Mhux għax inti qed tnaqqas li l ħaddieħor milli jidħol, jew li tagħti rikonoxximent lil ħaddieħor at par, imma li tnaqqashom huwa żball.  Is-suċċess tal-liġi jiġi f’dan mhux biss mill-maġġoranza parlamentari, li hawn jidher li hawn maġġoranza parlamentari, imma iktar minn dan, mill-aċċettazzjoni tal-poplu.  U l-poplu hemm barra, minn dak li jiena rajt u minn dak li jiena smajt, hawn reżistenza għat-tneħħija ta’ dawn iż-żewġ kunċetti fundamentali tal-missier u tal-omm.

Sfortunatament, din il-liġi fir-realtà mhix qed tagħmel ebda avvanz partikolari għal dal-kunċett illi tgħid li unjoni ċivili issa qed tirrikonoxxiha bħala żwieġ.  Infakkar illi meta għadda l-Att dwar l-Unjoni Ċivili, f’dak l-Att dwar l-Unjoni Ċivili kien hemm l-artikolu 4 li jgħid ċar: “Ħlief kif provdut f’dan l-Att, unjoni ċivili darba tkun reġistrata, għandha mutatis mutandis ikollha l-effetti u l-konsegwenzi li jikkorrispondu fil-liġi taż-żwieġ ċivili f’dak l-Att”.  Jiġifieri l-punt kien diġà sar.  

Issa, meta taqbad dan l-abbozz ta’ liġi ssib li bażikament kull ma qiegħed tagħmel huwa li tneħħi barra l-kelma ‘missier’ u ‘omm’ mill-Kodiċi Ċivili, mill-Kodiċi Kriminali, mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, għalkemm meta teżamina l-liġi ssib illi tneħħiet minn ftit artikoli f’dawn il-Kodiċijiet, għax hemm diversi liġijiet oħrajn fejn fortunatament ir-raġel u l-mara huma msemmijin, u fortunatament din il-liġi ma missithomx.  Imma llum il-ġurnata naħseb li hemm barra rridu naċċettaw li qed nibgħatu ftit messaġġi illi huma differenti mis-soltu, għax qegħdin ngħidu li issa hawn tlett forom ta’ għaqdiet: għandna l-unjoni ċivili, għandna l-koabitazzjoni u għandna ż-żwieġ, u naħseb illi dawn it-tlett kunċetti għandhom varjetajiet legali tagħhom illi din il-liġi mhix qegħda tindirizza, u naħseb li din il-liġi, jekk hi vera liġi li qegħda tipprova ġġib lill-persuni li għandhom l-istess sess li jingħaqdu, u ssejħilhom ‘żwieġ’, għandha ġġib l-istess drittijiet u l-istess pożizzjonijiet li għandhom fiż-żewġ kunċetti l-oħrajn, li dil-liġi ma tagħmilx.

F’dan irrid ngħid li anqas hija feliċi li tintuża l-kelma ‘konjugu’ jew ‘konjuga’.  Dawn il-kliem jeżistu f’ċerti dokumenti fit-traduzzjoni tal-acquis communitaire tagħna, però fis-sistema ġuridika tagħna rarissimi li jeżistu.  Il-kliem ‘konjuġi’ jeżistu, u meta tara d-dizzjunarji tagħna ta’ Erin Serracino Inglott u ta’ Aquilina ssib li l-kelma ‘konjuġi’ hija biss indirizzata għal ħaġa waħda: bejn il-miżżewġin li huma ta’ sess differenti.  Allura hi ftit paradossali li inti tagħmel il-liġi biex iġġib l-ugwaljanza, suppost bejn in-natura differenti taż-żwiġijiet billi tuża kelma li paradossalment hija waħda li hija użata għal żwiġijiet bejn mara u raġel. 

Mhux biss, imma huwa wkoll stramb kif qed jiġu emendati l-artikoli 73, 70, 77A, 77B u 77C tal-Kodiċi Ċivili.  Dawn huma artikoli illi ilhom hemm ċertu żmien.  Jiena nammetta li kont għamilt ċerti emendi għalihom, senjatament għamilt l-emenda li daħħalt id-DNA testing fil-liġi.  Id-DNA testing daħħaltu jiena, però huwa żball illi, per eżempju, għan-nom ta’ din il-liġi, inneħħu barra is-subartiklu (1) tal-artiklu 70 minn kif inhu llum. Dan jgħid: “Raġel jista’ jiċħad li jagħraf it-tifel imnissel matul iż-żwieġ jekk jipprova li fiż-żmien bejn 300 jum u 180 jum qabel it-twelid hu kien fl-impossibilità fiżika li jgħix ma’ martu, jew inkella li kien mifrud minn ma’ martu, jew inkella li kien hemm l-impotenza, jew inkella li kien hemm adulterju”.  Wieħed l-argument jiġi, mela la qed indaħħlu d-DNA testing dawn m’għandniex bżonnhom iktar.  Din il-konsiderazzjoni aħna ħadniha meta ġejna biex nagħmlu din l-emenda.  Il-verità hija li fl-Ewropa u fid-dinja għandek diversi ġurisdizzjonijiet legali illi d-DNA testing jista’ jittieħed biss jekk il-persuna taċċetta li tagħti dawn il-blood samples.  U allura huwa żball illi din il-parti tal-Kodiċi titneħħa barra, għax għadha rilevanti llum, speċjalment meta jkollok koppja li titlaq tarbija f’ġurisdizzjoni differenti illi fiha ma hemmx id-DNA testing li jsir bilfors.

U lanqas tagħmel sens, għax dawn huma artikoli tad-denegata paternità, jiġifieri xi ħadd illi l-mara tiegħu ħarġet tqila minn raġel ieħor.  Issa, x’inhuma ċ-ċirkostanzi illi f’koppja tal-istess sess jistgħu jirriżultaw dawn, jiena ma nistax nifhem.  U għalhekk ma nistax naqbel illi dawn l-artikoli jiġu mneħħija mill-Kodiċi Ċivili tagħna, u lanqas li jiġu mċaqilqa jew b’xi mod emendati mill-mod ta’ kif ġew emendati.  U din il-liġi naħseb li hija liġi illi, bir-rispett kollu, ma rridx ninsulenta lil ħadd, però saret bl-għaġġla,  saret bl-għaġġla.  U rrid infakkar illi llum għandna żewġ eżempji kif l-Att dwar l-Unjoni Ċivili ġiet mibdula għal żwieġ.  U dan għandna l-eżempju tal-Ingilterra u l-eżempju ta’ Franza.  Ħa nsemmu l-eżempju tal-Ingilterra.  L-Ingilterra kellhom is-Civil Partnership Act, li saret fl-2004.  Fl-2013 għamlu proċess biex ibiddlu l-liġi.  X’għamlu?  Għamlu konsultazzjoni pubblika ta’ sena biex il-poplu kollu jipparteċipa fiha.  Mhux biss.  Taw id-dritt illi membri parlamentari kollha jitkellmu fuqha kemm riedu, kemm għamlu emendi, fil-Commons u fil-House of Lords, però prinċiparjament ma neħħewx l-isem ta’ ‘a man and a woman’. Fil-fatt, l-artikolu 3 li jemenda l-artikolu 26 tan-1949 Marriage Act jgħid hekk: “Marriage of a man and woman, marriage of same sex couples”.  Issa ma nistgħux ngħidu li l-Ingilterra mhuwiex pajjiż matur, u lanqas ma nistgħu ngħidu li l-Ingilterra mhuwiex viċin tagħna fuq diversi kunċetti.  L-eżempju li ġie segwit minn naħa l-oħra huwa, sfortunatament, l-eżempju li segwa l-Gvern Franċiż ta’ François Hollande li fi Franza ddeċieda li jneħħi barra l-isem ta’ mara u ta’ raġel, u għal dan kellu dimostrazzjonijiet kbar kontra tiegħu.  U x’ġara lill-Partit Soċjalista?  Kulħadd imiss l-injam.  Minn 283 deputat, illum għandu 35 deputat fil-Parlament Franċiż.  Dan hu l-eżempju li l-parti l-oħra qegħda tieħu.  U għandna quddiemna żewġ mudelli, li faċilment nieħdu l-ewwel wieħed u ma nweġġgħux is-sentimenti. Sfortunatament, m’aħniex qegħdin nifhmu li hemm barra hemm sentiment qawwi tan-nies, sija Laburisti, kif ukoll Nazzjonalisti li huma kontra li mhux ikun hemm drittijiet għal persuni tal-istess sess, mhux illi tiġi ameljorata l-pożizzjoni tagħhom, mhux li tingħata d-dinjità li ħaqqhom, imma illi l-ismijiet ta’ ‘omm’ u ta’ ‘missier’ jitneħħew, l-iktar anke miċ-ċertifikat tat-twelid.  Iċ-ċertifikat tat-twelid li kif qed jiġi emendat qiegħed ineħħi dan il-kunċett ukoll, u hemm barra nistqarr li qed niltaqa’ ma’ rabja kbira fuqha din, li naħseb li aħna ż-żewġ naħat tal-Kamra għandna nindirizzaw.

Mr Speaker, din il-liġi, meta tagħsarha, wieħed kien jistenna ferm aħjar minnha.  Kien jippretendi illi hija iktar mirquma u iktar maħsuba, li tkopri sitwazzjonijiet oħrajn li l-liġi ma tkoprix.  Hemm ħafna pożizzjonijiet li huma importanti għal dawn il-koppji, li l-liġi mhix qegħda tmiss, u li għada pitgħada se jkollna komplikazzjonijiet fuqhom jekk il-Gvern jibqa’ jwebbes rasu u ma jaċċettax ebda forma ta’ emendi min-naħa tagħna.

L-appell finali tiegħi huwa li filwaqt li ssir l-aħjar liġi, nittama li l-Gvern iwieġeb għal dak li qed tgħidlu l-Oppożizzjoni u jieħu ħsieb jagħmel dawn l-emendi neċessarji fejn verament hemm bżonn.  Ilna bil-Kodiċijiet tagħna għal ħafna snin, inġabret ġurisprudenza, inġabar ħafna insenjament u huwa żball li nippruvaw neradikaw dak li hemm fis-soċjeta Maltija, dak li hu aċċettat mis-soċjetà Maltija, sempliċement biex nagħmlu statement illi finalment ħafna nies hemm barra mhumiex konvinti minnu.

Grazzi Mr Speaker.

4.7.17

Irġulija, Integrità u Onestà.





1.      Proprju f’nofs din il-ġimgħa ta’ ħidma politika diffiċli u kumplikata, issejjaħ għal ħajja aħjar Pietru Pawl Busuttil.  Diversi esprimew id-dieqa tagħhom lejn dan il-bniedem uniku.  Kellu kwalitajiet speċjali li ftit oħrajn ġarrew fihom.  L-eventi umani waslu sabiex dawn jidhru fil-pubbliku u jingħataw il-ġieħ li ħaqqhom.  Pietru Pawl kellu karattru li fih kellu ġabra ta’ dawk il-valuri li jagħmlu minna poplu sod.  L-irġulija, integrità u onestà kienu nġabru flimkien biex serva bħala eżempju għal bnedmin oħra li sabu ruħhom f’pożizzjonijiet simili għal tiegħu.

2.      Il-pajjiż kien waqaf meta lejn Diċembru 1986 kien ġie arrestat u akkużat bil-qtil tal-mibki Raymond Caruana.  Iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ kienu mill-bidunett jindikaw li dan kien verament frame-up mill-ikreh li qatt ma rajna bħala f’dawn il-gżejjer.  Il-poplu tant kien ġie ferut bil-qtil ta’ Raymond, li l-Gvern ta’ dak iż-żmien ried ineħħi minn fuqu d-dell li kien inxteħet fih billi vvinta din l-istorja.  Ipprova jgħid li kien partitarju Nazzjonalist li qabad arma, spara u qatel ieħor.  Kienu żminijiet xejn sbieħ, li ħafna minna għaddejna minnhom u niftakru bi dwejjaq kbar.

3.      Kien żmien meta l-mezzi tal-komunikazzjoni kienu ftit u f’idejn il-magna tal-propaganda tal-Istat.  F’dan għalhekk, diversi persuni li kienu ġejjin mill-kamp tal-Partit Laburista emmnu mill-ewwel li dan kien minnu.  Ħbieb, ġirien u oħrajn, anke jekk kienu jafu tajjeb lil Pietru Pawl meta semgħu, jum wara jum l-aħbarijiet li bdew, komplew u kabbru din il-gidba, ġihom id-dubju u wara kkonvinċew ruħhom li hekk kien ġara.  Hekk kienet l-għajta inizjali waqt l-aħħar xhur ta’ kampanja elettorali mill-iktar iebsa, li kienet ilha għaddejja Ħadd wara Ħadd għal ħames snin u ħames xhur.

4.      Għal dawk li kellhom ix-xorti jsiru jafu mill-viċin aktar tard lil Busuttil, kienu għadhom iħossu l-effetti negattivi ta’ dak kollu li kien għadda minnu.  Minn bniedem tal-familja, ħaddiem normali, sab ruħu akkużat tant inġustament u misqi doża qawwija ta’ velenu li ulied il-ħażen jagħrfu jagħtu.  Min jiġi akkużat b’dak li ma jkunx wettaq jagħraf li anke jekk is-sewwa u l-verità huma l-armi tiegħu, irid jgħaddi minn proċessi umani oħra biex l-innoċenza tiegħu tiġi rikonoxxuta.  Pietru Pawl għadda dan il-martirju twil, twil u iebes fil-Qrati tagħna.

5.      Qrati li mertu ta’ ħidmet numru ta’ Maġistrati kuraġġużi u determinati, sar ġbir u għarbiel tajjeb tal-provi kollha diretti u indiretti li kienu ppreservaw.  Kienet il-Ġudikatura li finalment assigurat li Pietru Pawl jiġi dikjarat innoċenti u liberat.  Ma kienet faċli xejn; anzi, kien hemm ħafna ntoppi.  Solidarjetà miegħu kellu u l-poplu ġenwin kien warajh.  Biss, ilkoll nafu li t-triq huwa għadda minnha.  Kien hu li kien qed jissogra ħajtu, u magħha dak kollu li ħadem għalih.  Il-marka hemm kienet: direttament fuqu.  Il-karattru tiegħu ma kienx inbidel, però psikoloġikament l-effett hemm kien.  Dak li għadda minnu ftit setgħu jew jistgħu jifhmu jew jimmaġinaw.

6.      Imma Pietru Pawla baqa’ pożittiv u perseveranti.  Baqa’ dak li jrid jgħin, u fl-istess ħin ikompli jipprova b’mod mill-iktar ċar li huwa kien il-vittma innoċenti ta’ dak li ħaddieħor ipprova jgħaddih minnu.  Għax iktar ma wieħed jaħseb, iktar jifhem il-gravità li l-forza tal-ordni, flok tipproteġi ċittadin tassigura li ssir parti minn ħidma illegali u kriminali.  Kienet kbira li l-arma li ġiet użata fl-isparatura fuq il-Każin tal-Partit fil-Gudja ssib ruħha minn idejn il-kriminalità għal dik tal-Pulizija biex titqiegħed fil-proprjetà ta’ Pietru Pawl.  Setgħet tkun parti minn rumanz fittizju, imma f’dan il-każ kienet realtà li fortunatament inkixfet għal għajnejn id-dinja bħala mezz ieħor li l-banalità tal-ħażen twettaq.

7.      Il-ħajja, wara din il-perjodu kompliha.  Kien attiv bħala segretarju tal-koperattiva ta’ dawk li jrabbu l-majjali, kif ukoll fi ħdan il-Kunsill Lokali tar-raħal li kien iħobb, Ħal Safi.  Kien fost l-ewwel ġabra ta’ bnedmin li kkontestaw f’dak li kien pass demokratiku u parteċipattiv verament ġdid.  Fejn terġa’, il-Partit Nazzjonalista kien preżenti, mentri l-Partit Laburista għażel li jkollu membri fi ħdanu li joħorġu bħala indipendenti.  Fid-19 ta’ Frar 1994, f’raħal fejn il-votanti kienu 1102, Pietru Pawl Busuttil ġie elett f’isem il-Partit Nazzjonalista.  U għalkemm il-Partit kien tella’ żewġ kunsilliera u l-indipendenti tlieta, xorta waħda ntagħżel bħala l-ewwel Sindku.  Hekk kien jixraqlu, u hekk baqa’ għal tmintax-il sena sħaħ: jagħmel il-ġid lill-bnedmin u biddel il-post ta’ taħt fuq.

8.      Pietru Pawl Busuttil kien u jibqa’ figura nazzjonali.  Jibqa’ l-bniedem li ssielet għas-sewwa.  Kien dak li meta tiltaqa’ miegħu jew tarah għaddej fit-triq, jiġu quddiemek il-kliem: “Is-sewwa jirbaħ żgur”.  Għax kliemu kienu immirati sabiex isir dak li huwa sew, li jkun huwa strument għas-sewwa.  Għax kien imiss ir-realtà taċ-ċittadini li kien jirrappreżenta.  Jgħix u jqum magħhom.  Il-familji kien jafhom personalment.  Ma kinux numri għalih, imma bnedmin.  Il-politika tiegħu kienet fit-tul u mibnija fuq il-kelma tal-irġulija.

9.      Pietru Pawl m’għadux magħna llum, imma warajh qed iħalli wirt uniku.  Tlifnih minn magħna, imma ħajtu tibqa’ eżempju għal kull min irid jgħix u jservi lill-proxxmu fis-soċjetà.  Minn qalbi nirringrazzjah tas-sagrifiċċji kollha li wettaq u ngħaddi l-lungi giorni lill-familja kollha.








27.6.17

L-Għeruq Rilevanti Tagħna



1.      L-appuntamenti elettorali jservu wkoll sabiex wieħed jifhem iktar dak li huwa rilevanti fil-ħajja u fil-politika.  Fiha doża iktar qawwija għal dawk bħali li bqajna nservu minkejja kull diffikultà, anki jekk mhux dejjem apprezzati, anzi drabi, disprezzati fix-xejn.  Qegħdin fil-kamp politiku sabiex mhux biex nippreservaw f’bozza s-soċjetà, imma sabiex inkunu katalisti u protagonisti fil-bidliet li għandna bżonn.  Imnebbħa f’dan minn linja politika ċara, li sfortunatament, f’dawn l-aħħar snin kien hemm min ċekkinha u warrabha.  Kemm għandu raġun Tonio Fenech fl-aħħar żewġ artikoli li kiteb.

Reliġjon u Patria

2.      Il-Partit Nazzjonalista mhuwiex partit konservattiv, u wisq inqas wieħed liberali.  Huwa wieħed immexxi mill-valuri demokratiċi nsara.  Hekk kien b’iktar saħħa meta assigura fil-manifesti elettorali t iegħu bil-kliem “Reliġjon u Patria”.  Kienu ċari dawk li waqqfu l-partit.  ‘Reliġjon’ kienet tfisser li wieħed jipproteġi l-valuri nsara, jimxi u jiggwida ruħu fuq l-enċikliċi soċjali u progressisti tal-Knisja Kattolika, bħar-Rerum Novarum.  ‘Patria’ kienet tfisser iktar poter għall-poplu, indipendenza u tmexxija mill-Maltin tal-Maltin.  Dawk huma l-għeruq tagħna.  Fuq dawk ilna nibnu u ma fallejniex.  Fallejna, fil-verità, aħna meta abbandunajnihom.

Partit b’passat

3.      Kif partit jitwieled, ikun mingħajr passat.  Imma meta wieħed għandu esperjenza fis-snin, allura għandu valur ferm ikbar fil-ħajja politika.  Il-Partit Nazzjonalista, fortunatament għandu passat li dmiru llum huwa li jifhmu, japprezzah, jgħarblu u jużah sabiex fuq naħa ma jagħmilx l-iżbalji li saru, u fuq l-oħra jibni iktar fuq it-tajjeb li wettaq.  Tul din l-aħħar leġislatura, il-passat ma ġiex amministrat tajjeb.  Il-Gvernijiet Nazzjonalisti mmexxija minn Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi tqegħdu f’pożizzjoni stramba.  Il-messaġġ kien li kull ma seħħ kien ġeneralment żbaljat, mingħajr ma kien hemm dixxerniment intelliġenti bejn dak li kien tajjeb u għadu magħna, u dak le.  Mingħajr ma għarbilna sewwa dak li għaddew minnu, u r-raġunijiet wara ċerti deċiżjonijiet xejn faċli.

Il-liberaliżmu falla

4.      Iddaħħal kollox fl-istess kategorija, mingħajr ma ddefendejna u fakkarna kemm sar ġid.  Ġiet li għandna x’nistħu mill-passat, kif ukoll min serva b’sagrifiċċji personali kbar.  Qbadna linja politika differenti li mhix parti mill-għeruq tagħna.  Fuq hekk proprju kien hemm min ipprova jibgħat il-messaġġ li issa sirna partit liberali.  F’diversi diskorsi konna nisimgħu dwar il-valuri, imma kważi qatt dwar il-valuri nsara tagħna.  Numru ta’ proposti li saru proprju fuq din il-linja ideoloġika ma niżlu xejn tajjeb fostna.  Li kieku kien il-kontra, voti konna nżidu.  Minflok, nafu fejn aħna llum.  Il-verità li trid, nittama, tiġi aċċettata issa quddiem il-fatti hija li l-liberaliżmu mhux il-linja politika tagħna, li anzi waggħetna għaċ-ċajt u fallietna.

Conditions for human betterment

5.      Il-verità hija iktar li tul dawn is-snin kien hemm disprezz u denigrar ta’ dawk li ħaddnu l-linja rebbieħa demokratika-kristjana.  Fhimt li biex nogħġbu lil ħaddieħor iċċekkinna fix-xejn.  Inqasma bħala partit milli niktbu dwarha, u anki milli ngħadduha lil min daħal fil-politika magħna.  Dan żbaljatament, meta m’għandniex minn x’hiex nistħu.  Ftit jiem ilu sibtni naqra lil Henry Kissinger ifaħħar lit-tlett demokristjani li kellhom il-viżjoni tal-Unjoni Ewropea, li qegħda tagħmel il-ġid lilna wkoll.  Huwa jgħid hekk: “That Western Europe found the moral strength to launch itself on the road to a new approach to order was the work of three great men: Konrad Adenauer in Germany, Robert Schuman in France, and Alcide de Gasperi in Italy. Born and educated before World War I, they retained some of an older Europe’s philosophical certitudes about the conditions for human betterment, and this endowed them with the vision and fortitude to overcome the causes of Europe’s tragedies.”

Vuċi tar-raġuni

6.      Il-Partit Nazzjonalista huwa fuq kollox vuċi tar-raġuni.  Irreżista fis-snin għax baqa’ fundamentalment hekk.  Punt li tul dawn il-ġimgħat ħassejt iktar lili nnifsi fija.  Imċarrat fuq naħa naqbel ma’ kliem Tonio Fenech li qal: “The Nationalist Party is not an outdated force; it is a force of change with reason”.  Fuq l-oħra nara li nħares u nifhem li diversi li servew għal ħaġa u għal oħra m’għadhomx iktar Membri Parlamentari.  Il-valur tagħna fid-dinja politika Maltija tiddependi minn dan ukoll.  Minn kemm aħna ser nibqgħu forza tar-raġuni.  Minn kemm ser nifhmu dak li s-soċjetà għaddejja minnu llum u dak li taħt din l-amministrazzjoni ser ikollha taffronta.

L-aħjar nies

7.      L-għeruq tagħna għadhom u jibqgħu rilevanti skont kemm aħna nieħdu ħsieb nikkultivawhom illum u għada.  Din hi l-linja li servietna.  Il-bażi tagħna dak jibqa’, anke jekk jinbidlu l-bnedmin li jservuh u jiffurmawh, is-sustanza politika tiegħu ma tinbidilx.  Fuq dan irridu nħarsu iktar u iktar ‘il quddiem.  Mingħajr ebda ġiri ta’ xejn u nitlob b’attenzjoni, kura u mingħajr protagoniżmu, ejja nibnu mill-ġdid.  Din hija għal darb’oħra, okkażjoni unika li nittama ma nħalluhiex tgħaddi minn quddiemna.  Għandna l-bżonn tal-parteċipazzjoni demokratika ta’ kulħadd, fejn anki jekk ma naqblux mal-istrateġija u tattika, naqblu żgur li naslu li nagħżlu l-aħjar nies biex jirrappreżentawna u jmexxuna.  Proprju għax għandna għeruq rilevanti li nistgħu nwettqu dan.


    

14.6.17

Il-Poplu Tkellem




1. Għaddiet ġimgħa diġà mir-riżultat elettorali. Il-ġudizzju tal-poplu sar u jrid jiġi rispettat , aċċettat u mifhum. Kellna tamiet differenti. Ħassejna sinjali oħra biss irridu naċċettaw li ma fhimniex biżżejjed dak li kien għaddej.  Dħalna aħna stess fi sqaq proprju għal numru ta’ raġunijiet li għandna maż-żmien li ġej nanalizzaw u napprezzaw. Dan għax kull riżultat elettorali huwa frott ta’ effetti u ċirkostanzi varji. Uħud immedjati oħrajn ġejjin fis-snin. Uħud jingħadulek, oħrajn jibqgħu moħbijin minnek. Però, il-fatt jibqa’ li l-pajjiż tkellem u għażel li nservuh mill-bank tal-oppożizzjoni.



Grazzi

2. Biss qabel nibda naħseb fuq għala ġara li ġara irrid nieħu l-okkazzjoni sabiex nirringrazzja mill-qalb lil kull min ta’ sehemu. L-partit sab ruħu f’daqqa waħda jrid jidħol għall-elezzjoni li fil-verità hadd ma kien qiegħed jistenna, anqas il-Partit Laburista. Minkejja dan, ġew għas-sokkors u s-sejħa diversi persuni. Ħafna telqu mir-rutina ta’ kuljum biex iddedikaw irwieħhom f’dak li kien hemm bżonn li jsir. Fi ftit żmien kien hemm armata fl-irkejjen tal-istamperija. Ħafna għamlu sagrifiċċji kbar. Kull persuna kienet determinanti. Għamlu ferm iktar milli setgħu.



Kariga u enerġija

  

3. Kelma partikolari tmur lejn dawk li kienu miegħi jum wara jum f’dawn l-aħħar tlett snin li stajt nibda nħabbat il-bibien biex nifhem il-kostitwenza li minnha ġejt għal darb’oħra elett. Grazzi iktar lil dawk il-familji li ppermettewli nidħol ġewwa darhom. Persuni minn kull parti tal-ħajja ġejjin minn fehmiet politiċi varji. Bnedmin li sibthom jistaqsuni domandi rilevanti, diretti u li mhux dejjem kelli tweġiba għalihom. Kien hemm żgur ċertu kariga u enerġija fl-arja. Smajt ħafna u minn kollox. Kull darba li dħalt u ħriġt ħadt lura miegħi ideat differenti u ġodda. Fhimt iktar dak li huwa rilevanti illum għall-bnedmin li nirrappreżenta fil-Parlament.





Aggressività



4. Illum jien u nħares lura nifhem ferm iktar il-messaġġi li kienu qed jingħaduli li ma stajtx inbiddel il-perkors tagħhom. L-iktar kien hemm min għaddieli l-opinjoni tiegħu dwar il-persuni li ppermettejna li jidħlu parti mill-Partit kif ukoll jekk kinetx deċiżjoni tajba jew le li ssir alleanza politika. Ddifendejt kemm stajt, kemm ikkonvinċejt illum ma nafx. L-iktar oġġezzjoni però kienet marbuta mal-opinjoni li ħafna kienu qed jaraw il-partit bħala aggressiv u f’mumenti iktar minn hekk.  Uħud qaluli li kienu qed iħossu li ma nbidilniex minn dak li kienu diġà vvutaw l-kontra tiegħu fl-elezzjoni ta’ qabel.



Vuċi tar-raġuni



5. Il-passaport politiku kontinwu tiegħi kien il-fatt li tul dawn l-erbgħa snin żammejt ruħi ‘l bogħod minn ebda forma ta’ estremiżmu - fid-diskors parlamentari li bqajt skantat li sibt ħafna li kienu segwewni, fil-kitba li sibt ukoll ħafna iktar milli ħsibt jaqrawni fil-gazzetti varji li gimgħa wara gimgħa ktibt u fil-blog li żammejt fejn ħadt ħsieb li ma użajtx kliem iebes. Żammejt it-triq tan-nofs li ġej minnha. Nibqa nemmen li l-kelma tar-raġuni meta tingħad fil-kalma u moderazzjoni tirbaħ iktar udjenzi. Il-kumment ta’ ħafna Laburisti moderati kien li nagħmel l-punt mingħajr ma nweġġa. Fid-diskussjonijiet li kelli stajt nifhem iktar u iktar kemm ħassew li kellna aggressività żejda u li ma stajtx nikkonvinċihom ‘l kontra.



Magna tal-pjaċiri



6. Kien hemm fuq kollox settur li kien qiegħed jgħid li jinsab komdu ekonomikament u soċjalment. Dan għal raġunijiet varji. Però hemm kien u l-kwistjoni korruzzjoni kienet marġinali għalihom. Il-Gvern fil-fatt għamel użu minn kollox u fl-aħħar jiem kien xmara ta’ pjaċir li qatt ma rajna bħalhom. Promozzjonijiet, ħlasijiet, impiegi varji, impenji li ġew minn kull min talab xi ħaġa u ingħatatlu. Il-biża tal-elezzjoni generali ġiebet dan l-użu estrem tal-hekk msejha “power of incumbency”. L-abbuż tiegħu kien evidenti ħafna. Ma kien hemm ebda kriterju ta’ xejn u ftit huma dawk l-iżvinturati li fl-aħħar tal-ġurnata baqgħu ma nqdewx. Dan żgur mhux forsi kellu l-piż elettorali tiegħu.



Il-kwistjoni korruzzjoni



7. Il-kampanja bdiet u spiċċat taħt id-dell ikraħ tal-korruzzjoni. Il-poplu fil-maġġor parti tiegħu kien infurmat sew, biss, meta ġie biex jiddeċiedi fuq min imexxih ma kienx il-kriterju li jgħeleb il-miżien nazzjonali. Iltqajt ma’ ħafna persuni ġenwini ta’ fehmiet varji li vvutaw għalina minħabba dan. Biss jista’ jkun li tul il-kampanja deherna li qed intambru ż-żejjed fuqha. Anzi stranament f’għajnejn uħud tlifna mill-kredibilità f’dak li deher bħala żelu u protagoniżmu żejjed fl-inkjesti. Kienet strategija immirata lejn naħa li finalment irridu naċċettaw li ġiebet il-kontra. L-elettorat fehem, mhux dejjem b’mod ċar, dak li qed nipprovaw ngħidu, imma finalment ma kkonvinċejnieħx li din kienet materja ta’ priojorità li fuqha kellu jiddeċiedi kif jivvota.

   

Inħarsu lejn il-futur



8.  Biss issa dan huwa passat. Aħna dmirna li nħarsu lejn il-futur. Għal darb’oħra ma huwiex faċili. Niftakar telfiet politiċi oħra. Ċirkostanzi varji uħud l-istess, pero’ f’kull mument għarafna nqumu fuq saqajna. Għandna issa l-vantaġġ li l-kontroparti politiku nafuh aħjar, l-istrateġija u nifhmu x’għamel biex jibqa fil-poter. Għandna ovvjament fuq in-naħa l-oħra diversi żvantaġġi. L-isfida hija iktar komplikata però dan ma jfissirx li m’aħniex kapaċi nwieġbu għaliha. Il-partit huwa mimli bi bnedmin ta’ kwalitajiet varji. L-abbiltà tagħna għandna tkun li nassiguraw li jiġu utilizzati kollha, li jingħataw l-ispazju biex jiżviluppawhom.



Riżenja kuraġġuża



9. It-triq hija twila quddiemna f’leġislatura li tista’ jkollha żmien iqsar jew itwal. Ir-riżenja kuraġġuza u neċessarja tal-Kap tal-Partit li jrid jiġi mmarkat li kien verament ħaqqu ferm aħjar milli ngħatalu u miegħu tad-diriġenza tal-Partit f’dan tiftaħ iktar l-opportunitajiet għat-tibdil li l-elettorat jrid jara mingħandna. Biss ikun żball għalina li niġru mingħajr ma naħsbu u nirriflettu sew. Hemm bżonn djalogu intern lejn għażla ta’ tmexxija li għandha l-appoġġ ta’ l-ikbar maġġoranza. Irridu ngħarfu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ xulxin, il-kwalitajiet u l-abbiltajiet varji sija għall-intern tal-partit kif ukoll għal barra. Il-ġudizzju uman fuq bnedmin oħra ftit għandhom naturalment. Kull persuna minna għalhekk trid tiġi għad-dawl u l-iskrutinju.



Proċess tal-għażla



10. Il-proċess tal-għażla huwa determinanti għalina. Huwa vitali li jsir bir-reqqa u dan kif il-partitarji jistennew minna. Irridu l-ewwel naraw li l-ambizzjonijiet personali tagħna lkoll jiġu sekondarji ma dak li hemm bżonn li jsir, it-tieni li noqgħodu attenti sabiex nassiguraw kemm nistgħu li ma jkunx hemm qasmiet u riżentimenti qawwija, it-tielet l-iktar diffiċili li nipprovaw nikkonverġu fuq posizzjoni unitarja. F’dan ukoll għandna naċċettaw li l-prinċipji demokratiċi kristjani huma essenzjali. Huma l-boxla vera tagħna u l-valuri tal-partit huma hemm mhux in ġenerali.



Dak li aħna



11. Fl-aħħar leġislatura ħafna ħassew li konna qed nippruvaw nkunu dak li m’aħniex. Spiċċajna tlifna f’għajnejhom mis-sustanza vera tagħna. Dawk li jħarsu lejna u li kienu jibqgħu jivvutawlna minħabba dawn l-ideali politiċi sibthom l-iktar diffiċili biex nikkonvinċihom jivvutaw favurna. Oħrajn li għandhom ideat differenti minn tagħna rajthom iktar xettiċi.  Tlifna min naħa u ma rbaħniex fuq l-oħra. Il-poplu jaf li dan huwa  l-partit tal-libertà sħiħa però li m’huwiex wieħed liberali. Japprezzana ferm iktar f’dak li aħna - wieħed demokratiku-Kristjan.  Quddiem il-fatt li l-poplu issa tkellem, hemm f’dan sejħa elettorali sabiex inkunu sempliċement dak li aħna u nibdew bl-esperjenza u l-abbilità tagħna nibnu fuq dak li għandna mill-ġdid.             

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...