10.1.17

ŻEJTUN – BERĠA TAS-SAĦĦA


 
29405. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għas-Saħħa: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’servizzi ngħataw fil-Berġa tas-Saħħa ġewwa ż-Żejtun u kemm persuni attendew matul l-2016? X’tiswijiet saru u kemm intefqu spejjeż għal dan l-għan, kif ukoll x’inhuwa previst li jintefaq tul is-sena 2017?

30/12/2016


  ONOR. CHRIS FEARNE:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Berġa tas-Saħħa ġewwa ż-Żejtun  jingħata servizz ta’ tabib tal-familja, ta’ infermiera u ta’ Speech Language Pathologist filwaqt li matul l-2016 attendew 4,623 persuna.

Seduta  466
09/01/2017

FGURA – BERĠA TAS-SAĦĦA





29404. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għas-Saħħa: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju waslu d-diskussjonijiet dwar ir-rilokazzjoni tal-Berġa tas-Saħħa ġewwa l-Fgura?  X’servizzi ngħataw u kemm persuni attendew matul l-2016?  X’tiswijiet saru u kemm intefqu spejjeż għal dan l-għan? 

30/12/2016

  ONOR. CHRIS FEARNE:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet dwar ir-rilokazzjoni tal-Berġa tas-Saħħa ġewwa l-Fgura bejn id-Dipartiment tal-Kura Primarja u l-Kunsil Lokali għadhom għaddejjin.Fil-Berġa tas-Saħħa ġewwa l-Fgura jingħata servizz ta’ tabib tal-familja, ta’ infermiera u ta’ Speech Language Pathologist u matul l-2016 attendew 2,022 persuna.

Seduta  466
09/01/2017

SANTA LUĊIJA – BERĠA TAS-SAĦĦA


 
29403. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għas-Saħħa: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’servizzi ngħataw mill-Berġa tas-Saħħa ġewwa Santa Luċija  u kemm persuni attendew matul l-2016? X’tiswijiet saru fl-istess Berġa u kemm intefqu spejjeż għal dan l-għan? 

30/12/2016

  ONOR. CHRIS FEARNE:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Berġa tas-Saħħa ġewwa Santa Luċija jingħata servizz ta’ tabib tal-familja, ta’ infermiera u ta’ Speech Language Pathologist.
Matul l-2016 kien hemm 1,926 persuni li ħadu servizz minn din il-berġa.Għat-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27168.

Seduta  466
09/01/2017

5.1.17

Lejn l-Aħħar tas-Sena


 
1.      F’ħidmieti nammetti li niltaqa’ ma’ ċertu pessimiżmu dwar l-operat u l-kwalità tal-politiċi tallum.  Hemm min iħares lejn il-passat b’ċertu nostalġija.  Hemm min iqabbel il-politiċi ma’ oħrajn li ġew qabel.  Iħarsu lejn dak li għadda bħala l-aqwa u dak ta’ issa bħala l-agħar.  Hawn verament min qiegħed jilmenta żżejjed fuq dan, mingħajr ma neċessarjament jifhem l-ispazju u l-elementi li jrid jaffronta politiku nisrani u wieħed demokristjan.  Mingħajr ma jkun jista’ japprezza li għad hemm politiċi b’dawn il-valuri li qed jikkumbattu fl-ispazju u fil-metodu li jistgħu.

2.      Verament dan huwa suġġett li fi ħdan il-knejjes insara, u b’mod partikolari dik Kattolika, qiegħed jiġi diskuss u dibattut.  Hemm vojt li tħalla fix-xenarju Ewropew minn politiċi bħal Alcide de Gasperi, Konrad Adenauer, Robert Schumann, Aldo Moro u diversi oħrajn.  Biss, ir-realtà hija li dawn kienu ġejjin minn xenarji u trobbijiet kompletament differenti minn dawk ta’ issa.  Diffiċli li treġġa’ lura l-arloġġ.  Tista’ tfakkarhom.  Taqra kitbiethom u tara kif tista’ tispira ruħek minn dak li qalu għas-sitwazzjonijiet li tkun qiegħed tiffaċċja.

3.      Hemm diffikultajiet, intoppi, kumplikazzjonijiet li ġejjin ukoll mill-fatt li l-vuċi nisranija fis-soċjetà naqqset mis-saħħa, frekwenza u attenzjoni.  Dawn il-fatturi kollha, għal dawk li huma nsara fil-politika, ma jfissrux li għandhom iwaqqfuhom minn ħidmiethom.  Iktar u iktar meta wieħed jagħraf l-istorja ta’ diversi partiti demokristjani li għaddew minnha.  Proprju għalhekk li f’dan il-kuntest żdiedu l-isfidi għal dawk li jħarsu lejn il-politika bħala vokazzjoni qawwija fejn parti sostanzjali minn ħinhom huwa dedikat għall-proxxmu.  Minn nies li jagħrfu li mhux ser jiġu mogħtija xi rdoss, anzi ser ikunu suġġetti ta’ kritika minn dawk stess li qegħdin jiddefendu.

4.      Wieħed isib ruħu proprju f’din il-pożizzjoni minkejja li jkun għadu nisrani impenjat fil-politika.  U f’dan xejn ma nbidel.  Jekk wieħed jaqra jsib li Luigi Sturzo, De Gasperi, Dossetti u ħafna oħrajn kienu ikkritikati, disprezzati u mormija mill-istess bnedmin li kkumbattew għalihom.  Għalhekk id-demokristjan illum għadu jeżisti, huwa ġenwin u m’huwiex il-persuna li jħares lejn butu.  Kull min qiegħed fil-politika, anzi jaf li diversi mill-elettorat tiegħu jaħsbu li jekk jibqa’ hemm ser jiġi kontaminat u assoċjat ma’ oħrajn li, sfortunatament, waqgħu f’linji li m’għandhomx.  Dawk li huma fil-professjonijiet tradizzjonali jagħrfu li jitilfu ekonomikament u anzi jġorru magħhom stigma soċjali.  Ħafna ma jersqux lejk, u oħrajn jarawk bħala problema.

5.      Proprju għalhekk li llum huwa ferm iktar diffiċli milli wieħed jaħseb li tkun demokristjan konvint u prattikanti.  Biss, bnedmin bħal dawn hemm u huma attivi f’pajjiżna u barra.  Għandhom tentazzjonijiet quddiemhom u jagħrfu dejjem iktar il-metodu ta’ kif issir il-politika, li qegħda tinbidel veloċement.  Wieħed jifhem u japprezza iktar f’dan il-kuntest il-kliem li jikkjarifikaw il-pożizzjoni li fl-24 ta’ Ottubru il-Papa Franġisku, f’parti mid-djalogu mal-ġiżwiti fil-kongregazzjoni ġenerali tagħhom qal.

6.      Il-kliem tiegħu kienu: “In generale, l’opinione che sento è che i politiċi sono caduti in basso.  Mancano quei grandi politici che erano capaci di mettersi sul serio in gioco per i loro ideali e non temevano né il dialogo, né la lotta, ma andavano avanti, con intelligenza e con il charisma proprio della politica.  La politica è una delle forme più alte della carità.  La grande politica.  E su questo credo che le polarizzazioni non aiutino; invece ciò che aiuta nella politica è il dialogo”.  Partikolarment nagħrfu iktar kemm dan għandu valur, l-iktar li l-politika hija l-iktar forma għolja li biha twettaq il-karità.

7.      Politiċi kbar kif kien hemm qabel, illum naqsu f’għajnejn in-nies.  Biss dan ma jfissirx li min qiegħed iwettaq dan id-dmir m’huwiex iservih bl-aħjar mod li l-abbiltajiet tiegħu jippermettu.  Għax min jagħraf il-politika u x’sagrifiċċji jridu jsiru fiha, f’ħafna mumenti jsib ruħu jipprova jżomm il-bgħid il-kalċi tal-imrar li jrid jixrob.  Iktar u iktar meta l-esperjenza politika tkun parti mill-ħajja tal-familja u tkun missejtha direttament b’idejk u ġarrabtha wkoll.  B’dan però, f’din l-esperjenza diffiċli, ma ssirx la razzist u anqas xi difensur agħmi ta’ patrijottiżmu jew nazzjonaliżmu tal-lemin estrem.  Tibqa’ biss politiku skomdu u tikkumbatti għas-sewwa.

8.      Politiku komunist, Giorgio Amendola kien qal: “L’autocritica deve essere l’elemento permanente di un’azione politica ragionevole”.  Għax trid tibqa’ tfittex li tagħti ruħ, qalb, skop u direzzjoni bażati fuq il-valuri nsara f’soċjetà li fiha l-materjaliżmu qiegħed quddiem.  Tikteb, taħseb, taqra u tipprova tidħol fi djalogu ma’ min irid jiddjaloga u jifhem.  Mhux faċli.  Anzi, ikkumplikat ħafna.  It-tentazzjonijiet biex tieqaf jitressqulek f’forom varji.  Biss, li tkompli huwa parti  mis-sagrifiċċju u l-impenn li nisrani f’kull settur irid iwettaq u jagħti xiehda għalih.  Kif, jekk tippermettuli, kien qal Antonio Gramsci: “Ogni uomo e ogni classe devono sapere che posto occupano nella storia, quali sono stati i loro precedenti e dove vogliono arrivare”.  Dawk li huma fil-politika jagħrfu dan.





4.1.17

Sena ta’ Sfidi Partikolari.




1.     Proprju llum pajjiżna ser ikollu fuqu l-piż u r-responsabbiltà tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.  Ħdima għaliha fil-passat u għandna s-sodisfazzjon li narawha sseħħ quddiemna.  Ser ikun dan il-pajjiż li jrid jaffronta l-għeqiedi li tul dawn l-aħħar snin inġabru.  It-tmexxija, l-abbiltà fid-diversi setturi tal-politika u tal-amministrazzjoni ser jitqegħdu għal prova akbar.  Hija esperjenza unika li hija mimlija perikli politiċi.



Gvern imċarrat



2.     Għalhekk hemm ir-realtà li l-Gvern, bid-dimensjonijiet u l-limitazzjonijiet tiegħu, ser ikun imċarrat.  Imġebbed bejn il-problemi nazzjonali, li inevitabbilment iqumu, u dawl Ewropej.  Għax nagħrfu li deħlin għal baħar imqalleb li jista’ jara l-forza tal-irwiefen jiżdiedu sew.  Kemm aħna preparati għal dan, il-fatti ser ikunu l-prova finali.  Jekk għandniex bnedmin imbaskta u mħarrġa, il-futur ser jgħidilna.



Jiżloq fin-niexef



3.     Nittamaw li l-biżgħat ta’ xi wħud ma jseħħux.  Biss, tant hemm xi jsir u tant hemm linji ta’ komunikazzjoni twal li faċli li wieħed jiżloq fin-niexef.  Il-Gvern, jgħid x’jgħid, irid jammetti li għandu hawn żaqqu aktar ratba mis-soltu.  Ser ikun hemm min, fil-gazzetti u l-midja barranin, li jipprova jagħmel xalata mid-dnubiet venjali, u aktar u aktar minn dawk mortali.



Pressjoni politika



4.     Għalhekk nifhmu li l-pressjoni politika ser tkun ferm aktar għolja minn dik li hija diġà.  Ngħid dan għax hemm min forsi qiegħed jimmaġina li din hija xi forma ta’ passiġġata trankwilla.  Xi waħda mimlija b’opportunitajiet politiċi lifihom jittieħdu r-ritratti, jsiru l-konferenzi tal-aħbarijiet, fejn kulħadd ikun qiegħed jitbissem.  Is-sitwazzjoni ser tkun kompletament differenti u kull kelma li tingħad, kull mossa li ssir, kull laqgħa, jiġu studjati.



Id-dinamika qawwija



5.     Min kellu diġà l-esperjenza unika li jkun ministru fi ħdan il-kunsilli varji japprezza forsi ftit aktar.  Id-dinamika hija qawwija u kull min jippresjedi jsib ruħu mġebbed mal-irkejjen tal-Unjoni Ewropea.  U dan m’huwiex “sempliċement” il-Brexit Ingliża, imma hemm iktar li qiegħed ibaqbaq.  Ċert li l-partiti l-iktar viċin tal-lemin estrem ser ikomplu jilgħabu l-karti tagħhom, iktar u iktar jekk isibu li ma nistgħux inlaħħqu.



Attenzjoni kbira



6.     Iċ-ċirkostanzi huma proprju għalhekk ta’ attenzjoni kbira għalina li qegħdin fil-bankijiet tal-Oppożizzjoni.  Min jaħseb li ser noqogħdu nagħmlu xi ostakli jew tfixkil lill-Gvern qiegħed jiżbalja.  Bħall-każ tat-tarbija ta’ Salamun, m’aħniex lesti li narawha tinqasam.  Ser inżommu f’rasna li l-presidenza ħdimna u argumentajna favur tagħha meta kien hemm min ma ridhiex.  Anzi, kif kien hemm min fakkarni, li parti mill-proposta kuntrarja kienet bażata fuq il-ħsieb li m’aħniex kapaċi nilħqu l-livell u nwieġbu għas-sejħa.



Impona ruħu



7.     Ngħid dan minkejja l-fatt li fl-aħħar xhur tas-sena li għaddiet, il-Gvern ma tantx mexa bl-ingwanti mal-Oppożizzjoni.  Impona ruħu f’diversi ċirkostanzi, kien diffiċli, tkessaħ ukoll u anki jekk naqsitlu l-maġġoranza parlamentari, xorta ħa ħsieb li jkun hemm xamma evidenti ta’ arroganza politika.  Sinjali li ħadna ħsieb nosservaw u nassorbu fil-lewn tagħna.  Fejn il-lingwaġġ ma kienx proprju diplomatiku u anqas l-aġir ma kien qiegħed iħares fit-tul għal dak li ġej.



Id-demokrazija tibqa’ għaddejja



8.     L-id tal-kollaborazzjoni politika hemm xorta ser tkun.  Biss, ħidmietna fid-dmir tagħna li trid tibqa’ ssir.  Nittama li ħadd ma jippretendi li nagħmlu sitt xhur nistennew l-ewwel ta’ Lulju biex nagħmlu l-argumenti politiċi.  Il-pajjiż tagħna jrid jibqa’ għaddej normali.  Id-demokrazija trid tibqa’ titħaddem fl-organi sħaħ tagħha.  Il-Parlament jibqa’ jiltaqa’ regolarment.  L-interpellanzi jibqgħu jsiru, flimkien mal-interventi tagħna fil-Kamra u fil-Kumitati tagħha.



Il-Kungress tal-PPE



9.     Ir-responsabbiltà politika tagħna hemm kienet u ser tibqa’.  Hija sfida partikolari għalina żgur.  Fin-naħa tagħna anzi assigurajna, mertu tal-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu u l-ewro deputati tagħna, li jsir il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew f’pajjiżna tul il-Presidenza.  Mument partikolari li fih innifsu biss jaf, kif nipprevedu, jkun determinanti għal pajjiżna.  Għax li ġġib daqshekk membri parlamentari Ewropej, kapijiet u uffiċjali ta’ partiti demokristjani f’daqqa fuq dawn il-gżejjer jiżblokka u jiffaċilita l-pożizzjonijiet li jittieħdu.



Pożizzjoni komuni



10.   Ir-riżultati tajba jew le ta’ dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena ma jibdewx u jispiċċaw hawn.  Dawn ser jibqgħu mwaħħlin magħna fis-snin li ġejjin.  Il-memorja istituzzjonali ma tantx hija ħanina jew taħfer.  Proprju għalhekk li f’din l-isfida partikolari, l-Oppożizzjoni tippretendi ferm aħjar mill-Gvern.  Tistenna żgur li għandha tiġi konsultata u aġġornata serjament fuq dak li jkun għaddej.  Li għalhekk, il-pożizzjonijiet politiċi li jittieħdu mill-Gvern ikunu komuni u mhux ta’ firda.



Kuruni tal-glorja



11.   Jista’ jkun hemm min jaħseb żbaljatament li dan m’għandux iwettqu.  Li għandu jibqa’ għaddej għal rasu għax jimmaġina li ser ikun mimli bil-kuruni tal-glorja fl-aħħar u li ma għandu jaqsamhom ma’ ħadd.  Imma l-esperjenzi politiċi ta’ oħrajn juru proprju l-kontra.  L-għaqal, il-prudenza jimbuttaw lejn iktar konverġenza, djalogu u trasparenza.  Kemm il-Gvern ser iwieġeb għall-okkażjoni f’din is-sena ta’ sfidi partikolari għad irridu naraw.  Mill-Oppożizzjoni nibqgħu nistennew u naraw, mingħajr ma nonqsu minn dak li l-poplu jistenna minna.  Ikun xi jkun, minn qalbi nawguralkom is-Sena t-Tajba, mimlija b’ħidma favur is-sewwa.




ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...