11.1.16

RAĦAL ĠDID – VJAL SIR PAUL BOFFA - SIĠAR






21766. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima: Jista’ l-Ministru jara li s-siġar li hemm fi Vjal Sir Paul Boffa f’Raħal Ġdid jiġu debitament miżbura billi kibru wisq?

16/12/2015

  ONOR. LEO BRINCAT:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Seduta  342
11/01/2016

MANUSKRITTI ORIĠINALI BIL-PARTITURA TAL-MUŻIKA.





21765. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx li l-manuskritti oriġinali tal-partitura tal-mużika komposta mill-mibki Maestro Carmelo Pace għall-opri tiegħu ‘Caterina Desguanez’, ‘I Martiri’, ‘Angelica’ u ‘Ipogeana’, ġew mgħoddija lit-Teatru Manoel permezz tal-Att Notarili tat-13 ta’ Ottubru 1988? Jaf li dan it-trasferiment kellu bħala kondizzjoni li t-Teatru Manoel ifittex  li kultant żmien jara li tiġi esegwita xi waħda minn dawn l-opri ta’ wieħed mill-aqwa kompożituri Maltin tas-seklu għoxrin? Jaf li l-istejjer li huma s-suġġett ta’ dawn l-erba’ opri huma marbuta mal-istorja u fil-każ tal-opra ‘Ipogeana’mal-preistorja ta’ pajjiżna? Jaqbilx li jkun sewwa kieku t-Teatru Manoel jieħu ħsieb li tiġi esegwita xi waħda mill-opri msemmija u b’hekk ikun qeda l-obbligu li ntrabat bih fl-Att tat-13 ta’ Ottubru 1988? Jarax ukoll is-siwi li l-produzzjoni tiġi mtennija fl-okkażjoni tas-sena li fiha l-Belt Valletta tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura?

16/12/2015

  ONOR. OWEN BONNICI:  It-Teatru Manoel jista jikkonferma li l-manuskritti oriġinali tal-partitura tal-mużika komposta mill-mibki Maestro Carmelo Pace għall-opri tiegħu ‘Caterina Desguanez’, ‘I Martiri’, ‘Angelica’ u ‘Ipogeana’ jinstabu fil-librerija tal-Orkestra Nazzjonali u mhux f’tagħha.


Il-kondizzjoni li tiġi esegwita xi waħda minn dawn l-opri ma’ tistax tiġi obligata mit-Teatru Manoel minħabba l-fatt li, minbarra li dawn l-opri jirrikjedu fondi sostanzjali biex jittellaw, huma wkoll produzzjonijiet kbar għad-daqs tal-palk tal-Manoel.   Biex dawn il-produzzjonijiet jiġu mtennija b’mod li jagħtu ġieħ lil-mużika u l-kompożitur irid jinstabu fondi speċjali u lokal adattat għalihom.

Seduta  342
11/01/2016

4.1.16

Għall-bnedmin ta’ Rieda tajba.



1.      Wasalna fl-aħħar tas-sena.  Għal uħud kienet diffiċli ħafna, għal oħrajn inqas.  Kull persuna kellu jerfa’ s-salib jew iġorr id-domna tiegħu.  Uħud setgħu qatgħu qalbhom, oħrajn le.  Uħud komplew jikkumbattu l-forza kuntrarja għas-sewwa, oħrajn marru sfortunatament magħha.  Uħud għaddew mit-travalju tal-mard u jirdu jirbħuh, oħrajn le.  Id-dinja tibqa’ wied tad-dmugħ, però mhux dejjem nifhmu dan.  F’mumenti naqbdu naqtgħu qalbna, f’oħrajn nifhmu li dmirna huwa li nikkumbattu u nikkumbattu b’iktar saħħa għas-sewwa f’servizz tas-sewwa.

2.      Il-ġranet li għaddejjin minnhom huma fihom infushom sejħa qawwija u profonda għal dawk li għandhom ir-rieda t-tajba li jaħdmu għas-sewwa u jikkumbattu kontra dak kollu li mhuwiex.  Huwa dmir, u fl-istess ħin ukoll unur li wieħed jingħaqad ma’ oħrajn favur il-ġustizzja, favur l-onestà, favur il-verità u kontra l-banalità tal-ħażen.  Huwa x’inhuwa l-post, huwa x’inhuwa s-settur, il-mixja tagħna hija taħt din il-bandiera.  Taħt dawn l-ideali, valuri nsara li nħaddnu u nissieltu għalihom ma’ kull jum tas-sena.

3.      Ċerti drabi niżbaljaw li nippretendu li bnedmin oħra fuqna jew taħtna japprezzaw din id-direzzjoni.  Nibbażaw ħidmietna naħa jew oħra, ‘il fuq jew ‘l isfel skont kemm ser iċapċpulna jew iżidulna fl-approvazzjoni, fil-“Like” tagħhom.  Dan mhuwiex neċessarjament kejl tas-suċċess jew effettività ta’ dak li nkunu qed nagħtu sehemna fih.  Anqas ma hemm bżonn li jkun hemm effetti dirett immedjat ta’ din il-linja għas-sewwa.  Ilkoll nafu li l-progress veru jieħu ħinu u l-effett veru tas-soċjetà jimxi b’passi żgħar imma determinanti.  L-importanti jibqa’ kemm aħna bnedmin ta’ rieda tajba, kemm dak li qed inwettqu qed nagħmluh għax huwa tajjeb u ġust.

4.      Anzi, kull min iġarrab, kull min jiġi mbaskat jaf li hemm diversi mumenti meta ser isib ruħu jimxi waħdu fid-deżert lejn is-sewwa.  Ma jfissirx li miexi ħażin, anqas li mhuwiex miexi.  Ladarba jrid jaħdem għas-sewwa tal-proxxmu, ladarba jħaddan il-kurrazza tal-prinċipji nsara, allura l-abbnadun, is-solitudni, id-disprezz, id-diskors kontrih jew l-insulti tal-oħrajn ma jbiddluhx fi triqtu.  Irid jimxi mingħajr ma jħares lura.  Iħares biss ‘il quddiem lejn dak li ġej u dak li jrid li jinbidel sabiex is-sewwa tikber għall-oħrajn u għas-soċjetà li jifforma parti minnha.

5.      Dawn huma l-bnedmin ta’ rieda tajba li l-anġli fuq l-għar tat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu jibqgħu jsejħu u jgħajtu għalihom mhux biss f’jum il-Milied jew f’dawk preċiż warajh, iżda tul is-sena kollha.  Is-sejħa għal dak il-bniedem li inevitabbilment isir skomdu għall-oħrajn u mal-oħrajn.  Li jaf li jrid jibqa’ jżomm il-kolp fl-avversità.  Li jrid jiġbed bl-eżempju tiegħu bnedmin oħra li għandhom l-istess linja f’qalbhom.  Għax il-kelma tqanqal, imma l-eżempju jkaxkar.

6.      Kull min irid jidħol għall-ħajja pubblika jaf x’inhuma l-għażliet li għandu quddiemu.  Jaf li jista’ jkun impopolari f’mument, però jekk jibqa’ persuna ta’ rieda tajba allura jaf li f’mument jew ieħor ser jiġu superati l-ostakli, l-intoppi li qabel tant dehru formidabbli.  Kif jgħidu: id-dinja ddur.  Bħalissa is-sewwa, l-integrità, ir-rettitudni mhumiex l-ewwel fil-klassifika.  Bħal mhuwiex anqas fuq quddiem nett in-nisrani.  B’danakollu, xorta jaf li jrid jibqa’ għaddej għal triqtu għax il-pendlu tal-ħajja jiċċaqlaq.  Dan huwa l-bank tal-prova tiegħu.

7.      Ftit jiem oħra nitilqu s-sena l-antika u nidħlu fil-ġdida.  Ftit jiem oħra napprezzaw iktar li aħna għandna skop speċifiku li ġejna maħluqa għalih.  X’inhuwa nifhmuh biċċa biċċa fit-triq, kif jgħidu oħrajn “strada facendo”.  L-importanti li fuq naħa ma naqtgħux qalbna u fuq l-oħra li nibqgħu fidili u determinati li naħdmu għall-ġid tas-soċjetà.  Li nibqgħu altruwisti, rilevanti, aġġornati biex nagħtu lura lil ħutna dak li aħna ingħatalna.  F’kelma, irridu nibqgħu bnedmin ta’ rieda tajba.

8.      Inħajjar f’dawn l-aħħar jiem tas-sena sabiex iktar bnedmin ta’ rieda tajba jingħaqdu fil-ħidma għas-sewwa tul is-sena li ġejja.  Mill-qalb nawgura s-sena t-tajba lilkom qarrejja kostanti tagħna kollha, b’mod speċjali lilek, sur Editur u lill-ħaddiema li jagħtu servizz taħtek.







Sena ġdida


1.      F’din l-ewwel ġimgħa tas-sena diversi jsibu l-ħin biex jaħsbu u jaraw fejn ser ikomplu jmorru fil-ħajja tagħhom.  L-esperjenza tal-ħajja ħafna drabi sservi sabiex dan isir tajjeb.  Għax huwa f’postu u għaqli li wieħed iħares ‘il quddiem billi jagħraf dak li ħadem u tħaddem ġewwa fih.  Iħares li jibni rapport aqwa ma’ ta’ madwaru u fl-istess ħin jikkoreġi dak li jkun naqas fih.  Mhux faċli.  Hemm it-trapass taż-żmien.  Dak li kien ma jistax jinġieb lura.  Wieħed jista’ biss jittama fil-futur.

2.      Mingħajr it-tama l-bniedem jitlef ħafna minn dak li kapaċi jagħti lill-oħrajn.  Jittama fil-jiem li ġejjin, f’dak li jixtieq jara jseħħ u fl-istess jitlaq għal għonq it-triq biex iwettqu.  M’għandniex u m’aħniex minn dawk li kull ma naraw inqisuh ħażin.  Anqas li kollox huwa perfett.  Il-ħajja turi u tkompli li hemm triq fin-nofs li trid tagħżel mid-diversi li jkollok quddiemek.  Waħda li tieħdok għas-sewwa għax bażata fuq valuri u prinċipji ċari, sodi.

3.         Nibdew l-ewwel jiem tas-sena mhux  minn bidu assolut imma bħala wieħed ġewwa proċessi differenti.  Hemm dawk tal-ħajja kollha, l-istorja sħiħa tal-iżvilupp tal-bniedem.  Hemm dik li tifforma parti mill-eżistenza tagħna.  Hemm dik marbuta ma’ termini partikolari fl-isport, fid-dinja tax-xogħol, fil-politika.  Nafu lkoll li dak li ser inwettqu mhuwiex ġdid imma fih innifsu jsegwi ma’ dak li kien hemm biex iwassalna għal dak li aħna rridu.

4.         B’dan hemm xorta sfumaturi ta’ ħidma differenti.  Wieħed li jeħodna iktar ma nersqu lejn dak li rriduh aħjar.  Aktar ma nimmotivaw ruħna billi napprezzaw iktar li aħna għandna sehem determinanti fil-ħajja tas-soċjetà li ngħixu fiha, iktar nimxu u nixprunaw lil xulxin ‘il quddiem.  L-aġir tagħna, il-ħsieb, ir-riflessjonijiet, l-awtokritika jittempraw iktar ma nifhmu għala qed naħdmu f’linja u x’irridu nilħqu biha.

5.         Nidħlu f’din is-sena għalhekk fil-kamp politiku bil-wirt li qiegħed jiżviluppa tul din il-leġislatura.  Irridu nistaqsu iktar lilna infusna jekk dak li qed naħdmu għalih huwiex tajjeb u jekk aħniex f’pożizzjoni li nilħquh.  Nittempraw il-ħidma mhux abbażi ta’ kliem li huma vojta, ta’ sentenzi mixħuta biex jingħaqdu ma’ oħrajn li ħadd ma jħoss u ħadd ma jifhem imma fuq il-valuri nsara li s-soċjetà trid u li aħna mibnija fuqhom.  F’soċjetà fejn tlaqna s-sena li għaddiet b’xettiċiżmu fuq il-politika, il-futur għandu jkun li nasserixxu l-kontra, bi provi konkreti u mhux bi kliem li ftit huma konvinti minnhom.

6.         Hemm differenza bejn id-dinja li ċerti politiċi qed jgħixu fiha, fejn ifittxu fid-dlam b’idejhom fuq stħarriġ kommissjonat li qatt ma jolqot verament il-polz u t-tastiera tal-poplu tagħna u dik ta’ veru.  Biex wieħed ikun għas-servizz ta’ dawk li jirrappreżenta jrid jgħix magħhom, jimxi magħhom, joħroġhom mid-deżerti li jsibu ruħhom fihom.  Hemmg għeruq li wieħed irid iqis u jisqi jekk irid jara l-frott.  Ma jistax jinjora kollox għax hemm dawk artifiċjali barra.  Wieħed irid imur iktar lejn il-veru, lejn il-ġust, lejn dak li jġib il-paċi u l-ġustizzja soċjali inkella jintilef.

7.         Is-sena l-ġdida hija bank ta’ prova għalina lkoll.  Hija parti minn eżami sħiħ li rridu nersqu għalih u ngħaddu minnu.  Iktar ma nkunu determinati, aktar naslu.  Iktar ma nkunu demokratiċi, anzi għalina demokristjani u mhux makkjavellani, iktar naslu tajjeb u fil-ħin.  Dawn huma lezzjonijiet tal-ħajja.  Mhux qed ngħid xejn ġdid, biss huwa tajjeb li wieħed ifakkar lilu nnifsu u jfakkar lill-oħrajn.  Proprju fuq dak li nħares iktar ‘il quddiem lejn ix-xhur li ġejjin.  Inħares li nassiguraw li nkunu vuċi għall-ġustizzja u għall-verità f’soċjetà li qed tara dawn il-valuri jonqsu b’rapidità.


ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...