5.8.14

Id-demokrazija hija d-dritt tagħna.



1.      Il-poplu f’dawn l-aħħar jiem żied fl-inkwiet tiegħu.  Bl-aħbar tal-Gvern li beħsiebu jipposponi għal perjodu twil l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, diversi qed iħossu li l-affarijiet qabdu triq aktar ‘l isfel.  Diversi qed jaraw, mill-analiżi tagħhom, li bdejna nnaqqsu mis-sustanza tat-tessut demokratiku.  Il-Kunsilli Lokali huma importanti ħafna fil-proċess ta’ deċentralizzazzjoni tal-poter.  Għalkemm żgur li hemm min m’għandux grazzja magħhom kif ukoll oħrajn li, anzi, d-deċiżjonijiet tal-Kunsilli ma jolqtuhomx.  Biss, hawn għarfien fil-pajjiż li d-dritt tal-vot tagħhom  m’għandux jiġi miżmum.  Il-loġika u r-raġuni fuq dan il-punt huma għal darb’oħra kontra dan il-Gvern.  Tista’ tipprova tipposponi bi ftit għal raġuni jew oħra, imma meta effettivament iċċaħħad id-dritt tal-vot, allura diversi jifhmu li d-demokrazija sejra lura.

2.      Il-pajjiż issa jħossu ferm iktar demokratiku u liberu milli qatt kien qabel.  Dak li għandu għalih huwa dritt u ma jħossx li għandu jkollu min, f’isem skuża jew oħra, ineħħih.  Il-poplu m’huwiex konvint li hemm xi raġuni gravi tant li timmerita posponiment twil bħal dan.  Ma jarax li għandna nitilfu mid-dritt għad-demokrazija li nġieb mertu tat-tbatijiet tal-passat.  Ħadd ma jrid imur lura lejn dak li konna.  Biss, dan il-Gvern jidher li hekk irid.  Daqqa jgħid li hija proposta, daqqa li hija ċertezza.  Żgur mhux forsi, l-elettorat fehem li ser jiċċaħħadlu d-dritt li jagħżel lil min jirrappreżentah fil-Kunsilli Lokali.  Liema kunsilliera, liema partit ser ikun hemm kienu jiddependu mill-espressjoni popolari, però issa jidher li l-Gvern ser jagħżel hu.

3.      Il-Kunsilli Lokali saru mertu tal-Partit Nazzjonalista u forsi għax huma uliedna li nħossu tant sabiex jibqgħu hemm, jaħdmu u jwettqu ħidmiethom.  Appena tneħħi d-dritt demokratiku tal-vot popolari tkun qiegħed tibdel is-sistema ta’ taħt fuq.  Iġġib li l-kunsilliera jagħżilhom il-Gvern u mhux il-poplu.  Dan huwa żball, iktar u iktar meta wieħed iżomm f’moħħu li elezzjoni tnaqqas mill-arroganza u żżid fl-umiltà ta’ min jirrappreżentana.  Mhux biss, imma tnaqqas mill-ħeġġa li wieħed soltu jkollu wara elezzjoni biex jibdel.  Ngħidu x’ngħidu, l-elezzjonijiet f’pajjiżna jservu sabiex ħafna minn dawk li jridu jiġu eletti jmorru lura jiltaqgħu u jħabbtu l-bibien.  Jerġgħu jifhmu dak li l-poplu jkun għaddej minnu, jaraw x’wettqu u x’jista’ jiġi propost.  Din il-forza dinamika issa ser tmur lura kompletament.

4.      Dak li qed ngħid tista’ żżid miegħu ferm iktar argumenti, ma hemmx dubju, però quddiem dak li huwa ovvju hemm id-domanda li qegħda ssir.  Il-poplu qed jara li min qiegħed imexxi ma jridx jgħid x’inhija l-vera raġuni wara l-aġir tiegħu.  Diġà l-pajjiż qed isib ruħu fl-għamad minn dak li l-Gvern irid iwettaq fuq diversi sitwazzjonijiet.  Din qegħda tibgħat iktar il-messaġġ li hemm aġenda moħbija li trid tmur kontra d-demokrazija.  F’dawn l-aħħar jiem qegħdin jiżdiedu is-sitwazzjonijiet fejn insibu lill-Gvern jaħbi u ma jridx jgħid il-verità.  Il-poplu għandu dritt ikun jaf il-verità f’soċjetà demokratika u min jiġi elett f’ismu għandu d-dmir li jinfurmah għala ddeċieda ħaġa u għala oħra.  Dan m’huwiex qiegħed isir, la fuq il-kwistjoni tal-Kunsilli Lokali u anqas fuq diversi oħrajn.

5.      Din il-ġimgħa kienet dominata appuntu minn tlett punti prinċipali oħra.  L-ewwel punt: għala l-Gvern baqa’ jgħid li ma hemmx emerġenza jew urġenza fil-Libja, u ħabata u sabta f’jumejn dawwar il-ħsieb kompletament.  Għala kien ilu jiċħad dan kollu, meta sab lilu nnifsu f’sitwazzjonijiet imbarazzanti għall-aħħar?  It-tieni punt, li huwa wkoll kien fuq ilsien in-nies sew huwa marbut ma’ dak li għadda minnu ċittadin Malti maħtuf fil-Libja.  Wara li diversi qraw dak li qal fil-gazzetta The Malta Independent, staqsew għala l-amministrazzjoni riedet taħbi u tbiddel ħafna fatti.  Għala l-Gvern ħass li biex jieħu xi forom ta’ glorja kellu jagħti verżjonijiet differenti li jmorru kompletament il-kontra?  It-tielet: għala għal iktar ħin jibqa’ ma jagħtix spjega ċara u loġika dwar x’wassal lil Kummissarju tal-Pulizija maħtur għal ftit żmien minn dan il-Gvern imur il-kontra fuq dak li ta’ qabel kien iddeċieda?  Smajna għal darb’oħra lill-ex Kummissarju John Rizzo jixhed bil-mod ċar, loġiku u sempliċi tiegħu x’kien ser jiġri, li kien hemm passi legali x’jiġu meħuda u għal dan il-Gvern ma jispjegax.  X’inhija r-raġuni għala qed jerġa’ jsir il-ħabi fuq dan?  Għala, għal darb’oħra, il-verità mhix qegħda tingħad?

6.      Demokrazija tikber u tissoda lilha nnifisha fuq il-pilastru tal-verità.  Meta tmexija tagħżel li tmur kontra dan, allura tibda tkisser lilha nnifisha u tkisser magħha ‘l-pajjiż.  Jgħidulna biex ma nkunux negattivi, però nittama li ħadd ma huwa jitlob mingħandna li nitolbu mill-Gvern il-verità.  Jgħidulna biex inkunu pożittivi, però nittama li ħadd ma jippretendi mingħandna li nkunu sostenituri tal-anti-verità.  Il-poplu bata’ ħafna snin twal ilu, però mertu tal-ħamsa u għoxrin sena ta’ tmexxija Nazzjonalista ra d-demokrazija tikber u tissaħħaħ.  Żgur mhux forsi li l-Oppożizzjoni ser tibqa’ twettaq dmirha sew sabiex tibqa’ strument demokratiku: wieħed li jassigura li jibqa’ jkun hemm forza tas-sewwa.  Dan għax il-poplu jixraqlu, l-ewwel li tingħadlu l-verità; u t-tieni, li d-dritt tad-demokrazija ma jmurx lura.






Il-kultura tagħna



1.         Fil-kampanji medjatiċi li għadejjin hemm waħda partikolari li tinstem’a regolarment.  Il-poplu, fil-maġġoranza tiegħu, jagħraf li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern f’ħamsa u għoxrin sena għamel ħafna xogħol.  Biddel ferm iktar milli huwa jew ħaddieħor seta’ jaħseb.  Quddiem din ir-reputazzjoni tajba, l-Partit Laburista jrid jara kif jaffronta dak li huwa ċar u ovvju.  Irid jara kif jipprova jikkonvinċi ‘l-kontra.  Dan qiegħed isir billi ma kull kantuniera, f’bumbardament qawwi, jridu jgħidu li ħaġa jew oħra ma saritx mill-Gvern preċedenti.  Żgur mhux forsi, kien u jibqa’ impossibbli jsir kollox minn xi Gvern partikolari.  Kull min huwa rasu fuq għonqu jagħraf li dan ma jistax ikun.

2.      Biss, il-poplu li jrid jaħseb u jibbilanċja dak li sar ma’ dak li huwa għaddej, kapaċi jifred il-propaganda mir-realtà.  Għax il-verità hija li l-elettorat, għal diversi snin, ipprefera ‘l-Partit Nazzjonalista għal numru ta’ raġunijiet.  L-opinjoni tal-votant ma kenitx espressa fil-vojt, iżda fi ħdan proċess ta’ bidla u riforma li kien nieżel tajjeb mingħajr konfużjoni.  Bidliet li mexxew il-pajjiż ‘il quddiem.  Il-finanzi baqgħu sodi u reġew il-maltemp.  L-istat soċjali baqa’ jżid.  U dan fi ħdan id-dħul ambizzjuż ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.  Il-poplu ma vvutax għal ħolma iżda għal dik li kienet u baqgħet realtà.

3.      Fl-aħħar elezzjoni ġenerali l-partit tilef mal-poplu dik l-abbiltà u fiduċja li kien irnexxielu jibni qabel.  Din hija r-realtà.  Huwa ħass li hemm bżonn li mmorru fl-Oppożizzjoni sabiex nerġgħu nsiru dak li konna u li maż-żmien tlifna.  Diversi jesprimu l-opinjoni tagħhom f’din id-direzzjoni u għalhekk ngħid li ma għandux jiġi traskurat li parti tajba tal-elettorat iridna nieħdu lura s-sens u s-sustanza politika tagħna.  Inservu lura bħala partit moderat, b’abbiltà li jaħdem fl-isfidi li d-dinja tressaq u dan fid-dawl tal-valuri nsara li sawruh.  Ngħid li l-elettorat li vvutalna jew li kien jagħmel hekk ma jippretendix bidliet fil-prinċipji, iżda li jiġu mħaddna lura u prattikati.

4.      Ma hemmx dubju li ma aħniex partit konfessjonali iżda wieħed li jappella u jirrappreżenta lil dawk li jaraw li l-politiċi għandhom ikollhom direzzjoni ċara.  M’aħniex u wisq inqas nistgħu nkunu ateju li nbiddlu l-opinjoni skont l-udjenza, ir-riħ, iċ-ċirkostanzi, jew x’naħsbu li ser jaqblilna.  Il-partit, mill-bidu tiegħu kien wieħed li jrid id-demokrazija, jispira ruħu mill-valuri nsara u li jħares lejn li jieħu t-tmexxija ta’ pajjiżu f’idejh f’nazzjonaliżmu modeat u mhux estremista.  Kienu proprju dan li ġie riaffermat f’diversi mumenti tal-istorja tagħna.  Kien ukoll proprju fuq hekk li l-mibki President Emeritu Ċensu Tabone kien stinka, ġieb u daħħal lill-partit fost il-familja tal-partiti demokristjani, illum il-Partit Popolari Ewropew.

5.      Il-kultura politika tagħna dik hi u kienet hija li wasslet għal riżultati elettorali u għall-ħidma nazzjonali.  Il-partit ipprova lilu nnifsu billi żamm lilu nnifsu, f’ħafna mumenti twal, mal-programm li bena bażat fuq il-valuri demokristiċi nsara tiegħu.  Ipprova li dak li kien qiegħed iwettaq jissarraf f’suċċess għat-tkabbir soċjali u ekonomiku ta’ dawn il-gżejjer.  Jistgħu tal-Partit Laburista jgħidu li f’ħamsa u għoxrin sena ma sar xejn, biss ħadd f’sensih ma jemmen dan għax il-fatti huma differenti.

6.      Ngħid li l-elettorat idenfikat bħala “tagħna”  u dak li jagħżel fejn iħoss li huwa l-aħjar għaliħ jippretendi dan minna.  Ħadd ma jridna nsiru dak li m’aħniex, jew li ma nistgħux inkunu.  Ħadd ma huwa jippretendi li billi nħarsu lejn uċuħ oħra ser niġbdu iktar.  Anzi, hemm diversi li qed jippruvaw jgħixu u jisbu saqajhom ma’ gvern li huwa imprevedibbli u li qiegħed jiġi b’ideat li ma jħaddnux.  Hemm diġà din l-avverżjoni u l-għarfien li hemm ir-realtà li wieħed irid jgħix magħha.  Biss dan ma jfissirx li hemm konverżjoni lejn politika differenti minn tagħna.

7.      Bejn dak li sar bil-ħsieb u dak li sar b’reazzjoni, is-sitwazzjoni politika għall-Partit Nazzjonalista titlob aktar u aktar minnu.  Iktar u iktar meta l-formula tal-programm politiku tal-Gvern tal-ġurnata qed issir fuq dak li jiġri fit-triq.  Il-poplu diġà qiegħed iħoss li l-affarijiet jistgħu jinbidlu f’daqqa u li l-istabilità li kien hemm qabel issa tnaqqset.  Għalhekk ngħid li m’għandniex niddubitaw minn dak li ħaddieħor iridna.  L-ewwel, f’dak li sar minn f’ħamsa u għoxrin sena u t-tieni, fil-valuri politiċi nsara tagħna.  Żammejna sodi f’ħafna diffikultajiet.  Issa iktar minn qabel, is-sejħa tagħna hija proprju din.  Il-poplu konsistenza u riżultati jrid.  Nibqgħu hekk sodi, ċari u konsistenti sabiex ninbnew lura fi ħdan il-kultura politika tagħna.



24.7.14

Mhux fuq is-sieq it-tajba



1.      L-esperjenza politika ġewwa l-Parlament tagħna turi li meta wieħed jaqbeż nofs Lulju, l-atmosfera ġewwa dak il-post tibda tikkarga.  Dak li jsir is-soltu bil-kalma, f’ħabta u sabta jsir b’nervożiżmu qawwi.  Il-jiem ta’ intensità li nkunu għaddejna minnhom jibdew juru sinjali li l-magna saħnet u aħjar tnaqqsilha.  Diversi gvernijiet għamlu l-iżball li ppruvaw jirrambaw f’dawn il-ġranet dak li jkunu ilhom jilagħbu bih.  Ifasslu li jridu jgħaddu numru ta’ liġijiet u jiġri x’jiġri jgħaddu jkunu jridu.  Tensjonijiet żejda fix-xejn, li jwelldu ġlied politku, talbiet għal rulings, sejħiet għal kworum u l-bqija ta’ ripertorju parlamentari magħruf.  Kull darba, anke din, il-Gvern baqa’ għaddej, irid li tgħaddi tiegħu u li l-Oppożizzjoni trid “tifhem” li huma fil-maġġoranza, huma fil-poter u għalhekk trid isservih.  L-arroganza politika ssudat ruħha sew.

2.      Dan huwa żball li dan il-Gvern tul din il-ġimgħa ħa u għalhekk beda jara l’effetti negattivi tal-pożizzjoni riġida li ġieb ruħu fiha.  Tlaqna fuq is-sieq il-ħażina tal-istqarrija tal-Prim Ministru li wara li ġie lura miċ-Ċina deherlu li għandu jagħmel.  Fir-realtà tant konna smajna u qrajna l-Ħadd li skantajt kif ġie b’din fil-Parlament.  Żgur mhux forsi immaġina li ser imur lejn trijonf ieħor u jkompli jsaħħaħ l-effetti pożittivi li dik il-viżta tatu.  Seħħ il-kontra.  Seħħ dan proprju għax f’dan ġie li kellu jwieġeb għal dak li kien ilu jaħrab minnu xhur sħaħ.  L-attenzjoni marret għall-ħatra tal-mara tal-ministru bħala “ambaxxatriċi”.  Daħħal lilu nnifsu għaliha mingħajr ma kellu bżonn.  Mhux biss imma ddefenda l-pożizzjoni tant ħażin li flok qatgħet il-kwistjonijiet, iktar żiedet fl-attenzjoni.  Dak li pprova jgħid ħadd ma tant kiel.  Anzi, diversi qalulu li ma kienx assolutament korrett fil-figuri matematiċi li ressaq u fit-taqbiliet li pprova jagħmel.  Il-punt kardinali kien u jibqa’ wieħed: ma għandekx taħtar mara ta’ ministru f’dik il-pożizzjoni.

3.      L-affarijiet komplew jaggravaw ruħhom bil-kwistjoni tal-ħaddiema tal-korporazzjoni Enemalta.  L-abbozz ta’ liġi li tressaq kompla jixħet il-melħ fil-ferita ta’ dak li l-Oppożizzjoni ilha, mis-sena li għaddiet, titlob mill-Gvern.  Tant hemm punti li jridu jinħbew minna li l-amministrazzjoni qegħda tirrifjuta li tagħti d-dokument li bih nistgħu ngħarfu x’ġie verament miftiehem.  Il-futur tal-korporazzjoni huwa importanti għall-pajjiż kollu.  Il-futur tal-ħaddiema fil-korporazzjoni huwa daqshekk ieħor importanti.  L-Oppożizzjoni talbet li tiġi infurmata fuq kollox minn qabel biex tkun f’pożizzjoni tara x’ser jiġri u għala.  Dan fl-ispritu ta’ skrutinju li għandna d-dmir li nwettqu.  Il-Gvern baqa’ ma jridx jinforma u għalhekk l-Oppożizzjoni marret għall-istrumenti demokratiċi u parlamentari li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tipprova ġġib li s-sens komun jirrenja.  Talbet ruling, biex forsi jkollha dan f’idejha, bdiet tiddibatti u tressqaq quddiem għala qed tieħu l-pożizzjoni li ħadet.  Minflok, il-Gvern kompla jinsisti.  Is-sitwazzjoni kkumplikat ruħha bil-Gvern jidħol għall-Ħamis u għall-Ġimgħa biex tgħaddi tiegħu, jingħad x’jingħad.

4.      Dan huwa iktar serju meta wieħed iżomm quddiem għajnejh li d-demokrazija mhix il-qoxra ta’ dittatura.  Is-sistema demokratika tagħna llum immaturat u titlob iktar minn qabel konsultazzjoni, trasparenza u diskussjoni vera.  Il-Gvern dan qiegħed evidentement juri li ma jridux u għalhekk min jipprova juża l-forza tan-numri parlamentari tiegħu jkun qiegħed jibgħat barra l-messaġġ li m’għandux raġun.  Għandna inqas siġġijiet mill-Gvern, ma hemmx dubju, però aħna xorta Oppożizzjoni.  Xorta għandna dritt insemmgħu leħinna daqs tal-Gvern u bl-istess ħin tiegħu.  M’għadux iż-żmien fejn niġu njorati.  Kull min għandu fuqu r-responsabbiltà tal-pajjiż għandu daqshekk ieħor dik li jżomm aġġoranta ‘l-Oppożizzjoni.  Ma jistax jaħseb li waħdu ser jagħmel kollox.

5.      Fil-ġimgħa fejn issa l-ballun tilef l-effett sħiħ tiegħu, ħarġu fil-beraħ u għall-attenzjoni punti diversi li kollha qed jindikaw li l-affarijiet sejrin għall-agħar għall-Gvern.  Diversi deċiżjonijiet li ġew meħuda juru li huma għall-kuntrarju ta’ dak li kienu jgħidu fl-Oppożizzjoni.  Diversi rreġistraw f’moħħhom li l-Gvern kompla jitlef mill-porporina tal-kurrazza.  Għalkemm ħafna jimmaġinaw li biex tagħme il-punt trid titkellem fit-tul jew tirrepeti, fir-realtà illum għandek eletturi li qed isegwu b’attenzjoni dak li jkun għaddej.  Ma hemmx bżonn ħafna xinxilli, wisq inqas kumplikazzjonijiet.  Kull min jaqra u jisma’ jifhem mill-ewwel.  Li huwa żgur hu li dan il-Gvern, bid-deċiżjonijiet li ħa qiegħed jidher li m’huwiex iwettaqshom f’isem u fl-interess tal-poplu, anzi f’dawk tal-ftit.  Hemm privileġġjati ġodda li qed joħorġu iktar u iktar fil-beraħ.  L-ugwaljanza, il-ġustizzja huma pedestalli importanti ta’ kull soċjetà u kif jiġu attakkati l-pajjiż jibda jmur lura, kif issa iktar qegħdin naraw.  Din il-ġimgħa serviet, sfortunatament, biex dan jidher aktar.  F’sebat’ijiem rajna l-ftit jiġu privileġġjati ‘l fuq, mentri diversi oħrajn dijametrikament ‘il-kontra u ‘l isfel.  Il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ wħud jagħlew, mentri dawk tal-ħafna jinżlu.  Dan il-Ħadd irridu ngħidu li kienu jiem mhux proprju fuq is-sieq it-tajba għal pajjiżna.


21.7.14

Il-PN jippreżenta mozzjoni biex is-sitwazzjoni fil-Libja tiġi diskussa b'mod urġenti fil-Parlament Malti


Fid-dawl tal-fatt li diversi persuni qegħdin fil-periklu għal ħajja tagħhom fil-Libja u b'mod speċjali, wara rapporti li l-Ambaxxata Maltija mhix qed tagħti l-assistenza li hemm bżonn, dalgħodu, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carmelo Mifsud Bonnici ppreżenta mozzjoni fil-Parlament biex jiġu diskussi u dibattuti r-relazzjonijiet diplomatiċi preżenti fis-sitwazzjoni politika li għaddejja bejn pajjiżna u dak ġirien tagħna l-Libja.

Il-mozzjoni ġiet ippreżentata lill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, fil-preżenza tal-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet din il-mozzjoni għaliex tinsab imħassba dwar il-mod ta’ kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni politika fil-Libja.

Permezz ta’ din il-mozzjoni, l-Oppożizzjoni qed titlob li jkun hemm dibattitu liberu u informattiv dwar dak li huwa għaddej. B’dan il-mod, il-poplu Malti u Għawdxi jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha dwar dak li qed jiġri u dettalji dwar il-Maltin li jinsabu fil-Libja. Mifsud Bonnici talab lill-iSpeaker tal-Kamra sabiex din is-sitwazzjoni tiġi liberament dibattuta u li fiha l-Gvern ikun trasparenti u jinforma lill-Kamra x’inhuwa jagħmel u x’qed jiġri fl-investigazzjonijiet li għaddejin. 

Mifsud Bonnici tkellem dwar dak li allegatament żviluppa fil-Konsolat Malti, dwar dak li qed jiġi msejjaħ bħala traffikar illegali u inkontrollat ta’ żejt lejn pajjiżna mill-Libja u dwar il-komplikazzjonijiet marbuta mal-immigrazzjoni irregolari. Fl-isfond ta’ dan kollu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni saħaq dwar l-importanza li l-Gvern Malti jieħu passi għaliex jekk le pajjiżna jkun qed jirriskja li jkollu tnaqqis mir-relazzjonijiet diplomatiċi eċċellenti ta’ pajjiżna mal-ġirien tagħna. Dawn l-osservazzjonijiet jafu jnaqqsu mill-isforzi u r-rapport kummerċjali ta’ diversi negozjanti Maltin u Għawdxin.

Permezz ta’ din il-mozzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob li fil-Parlament il-Gvern jgħid x’passi ttieħdu, waqt li jagħti l-assigurazzjonijiet meħtieġa li r-rapporti diplomatiċi qed jiġu kultivati mill-ġdid. Aktar minn hekk il-Gvern qed jitlob lill-Gvern sabiex jagħti rendikont lill-Parlament dwar x’passi, x’assistenza u nvestiment qed jiġu meħuda mill-Gvern sabiex ir-rapporti kummerċjali mal-Libja jiġu msaħħa u mhux jitpoġġew f’periklu.

L-iSpeaker Anġlu Farrugia qal li s-sedja qed isegwi dak li qed jiġri fil-Libja waqt li esprima t-tħassib tiegħu lejn dak li reġa’ għaddej minnu dan il-pajjiż. In-nuqqas ta’ trankwilita’ fil-Libja għandha twassal sabiex il-Gvern u l-Oppożizzjoni f’Malta iħarsu kif se jtejbu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi b'mod speċjali għaliex hemm diversi Maltin li qed jaħdmu fil-Libja u/jew jagħmlu l-kummerċ tagħhom ma’ dan il-pajjiż. 
​ 
--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

Għadu ħaj f’qalbna.



1.         Diġà għaddew ħames snin minn dik il-ġurnata li fiha Ġwanni Pawlu II ġie msejjaħ fid-dar ta’ missierna.  Għalkemm il-jiem skorrew xorta waħda baqa’ ħaj.  Baqa’ strument importanti li jnebbaħ u jgħin lill-bnedmin jibdlu għemilhom.  Isibu l-iskop ta’ ħajjithom u jidħlu fit-triq li jservu lill-oħrajn bl-imħabba f’qalbhom.  M’hemmx dubbju li hija l-imħabba li ċċaqlaqna 'l quddiem, li tmexxina nwettqu dak li fl-aħħar tal-ġurnata nħossu li biha għamilna l-ġid.

2.         Tul il-papat tiegħu, li fortunatament kien twil, ħalla diversi kitbiet li għadna llum nistgħu nerġgħu naqraw.  Jekk qatt bniedem kellu jiddubita mill-eżistenza u l-ħidma ta’ l-id tal-providenza, mill-fatt li hemm sens u skop f’dak kollu li jiġri, li dan ma jseħħx b’kumbinazzjoni jew serje tagħhom, fl-elezzjoni tiegħu hemm il-prova ċara.  Inqabad fl-aħjar tal-età tiegħu, meta kien għadu mimli saħħa u enerġija.  Ma ġiex magħżul fi żmien iktar tard imma fil-mument preċiż.  Daħal u daħħal forza u determinazzjoni li ftit papiet qablu ma kien irnexxilhom iwasslu.  Ġieb kunċett dinamiku ta’ pożizzjoni li kienet qabel aktar “riflettiva”, “distakkata” u ma kenitx daqshekk interattiva.

3.            Qaleb id-dinja ta’ taħt fuq, anke jekk qablu kellu l-ewwel lil Ġwanni XXIII u wara Pawlu VI (li nammetti li għadni nħobb u nammira) li kienu mimlija għerf, intelliġenza, sens komun u aġġornaw il-Knisja għaż-żminijiet.  Ma hemmx dubbju li sab il-pedamenti tal-Knisja l-ġdida diġà f’posthom u seta’ jaħdem mill-ewwel fuqhom.  Kellu f’ħafna sens “daru f’postha” u għalhekk seta’ jindirizza l-enerġija tiegħu fuq dak li kien qiegħed iżomm lill-Knisja milli tkompli tavvanza.  L-isfida prinċipali tiegħu kienet indirizzata lejn il-komuniżmu Sovjetiku.  Daħal għal konfront din id-darba mill-vantaġġ li papat jagħti fix-xenarju mondjali.

4.         Il-papiet ta’ qablu ħadu l-pariri tal-ġenju kattoliku prattikanti Marshall Mc Luhan li kien tal-opinjoni li l-kamera televiżiva hija waħda devastanti għas-sekularizzazjoni totali tas-soċjetà.  Ħaduh għax bdew mill-ewwel jagħmlu użu mill-istrumenti li s-soċjetà mass medjatika għandha.  Biddlu diversi prattiċi minn Piju XI 'l quddiem sabiex il-Papa “jidher” iktar u ma jibqax aktar dak li qiegħed imsakkar fil-Vatikan.  Jidħol huwa wkoll fid-djar tal-poplu.

5.         Ġwanni Pawlu ħa ħsieb li jżid fid-doża, li kliemu jidwi sew mal-irkejjen kollha tad-dinja.  Anzi ħa lil kull min is-soltu kien imdorri jaħdem fis-settur b’sorpriża.  Baqgħu ma jistgħux jirreaġġixxu għalih, għelibhom billi ġabhom miegħu u anzi jagħtuh l-appoġġ fl-ispazju fil-gazzetti.  Il-ġlieda għall-imħuħ tal-bnedmin tas-seklu li għadda u dak li qegħdin fih ma ppruvax jasal għalihom bl-“Osservatore Romano”, il-gazzetta tal-Knisja, imma daħal f’kull waħda, hi liema hi.  Okkupa l-ispazju li s-soltu jittieħed minn dawk li m’humiex proprju segwaċi tal-Knisja.  Fehem li dik hi u tibqa’ l-ġlieda għall-bniedem, u daħal għaliha b’determinazzjoni.

6.         Kien għalhekk jassigura li hemm xi ħaġa ġdida x’tikteb dwarha.  Fatt ġdid x’tirrapporta sabiex il-ġurnalist ikollu biex jinforma lill-qarrejja tiegħu.  Ma kienx jistenna imma żamm il-mazz f’idejh, dejjem erba’ passi ‘l quddiem.  Għalhekk żamm appuntament ta’ importanza bi kważi kull jum.  Vjaġġi mad-dinja, diskorsi mimlija sens, diretti, ċari mingħajr kliem diffiċli.  Biddel l-immaġini tal-Papat u tal-Knisja fi ftit snin u l-verità hija li konna drajnieh hekk.  Kellu f’idejh it-tmexxija ta’ miljuni ta’ kattoliċi li ħassewhom immexxija minn persuna li, għalkemm żgur spiritwali, però kien marbut mal-bżonn li jagħti tweġibiet lin-nies fuq din l-art.

7.         Fetaħ it-triq għal ħidma ġdida li huwa mexxa 'l quddiem.  Anki kitbietu jibqgħu mfakkra mhux biss għax fihom x’taqra imma għax huma ndirizzati sabiex jinqraw minn kemm jista’ jkun persuni.  Kull darba kellu “best sellers”.  Riċentement, fuq dan reġa’ ġie f’idejja t-testment tiegħu.  Miktub b’sempliċità kbira, bl-ewwel sentenza fis-6 ta’ Marzu 1979 u mġedded regolarment ma’ kull irtir li kien jagħmel.  Imħabba lejn il-ħidma tiegħu u abbandun f’idejn Marija Immakulata.  Kull persuna tista’ taqrah u ġġib lilha nfisha tiktbu.  Papa, imma bniedem miftuħ u mogħti għall-oħrajn.

8.         Għaddew is-snin u kif kien qal il-Kardinal Stefan Wyszynski, il-primat tal-Polonja, kellu jkun hu li jdaħħal lill-Knisja f’dan il-millennju.  Ħalla ħafna warajh u hija iebsa għal Benedittu XVI sabiex isegwih bis-sħiħ.  Ħadd ma jista’ jippretendi dan, però nammettu li għadna kkundizzjonati u marbuta ma’ dak li kien hu.  Għalhekk wieħed ma jistax ma jammirax ħidmet Joseph Ratzinger li, minkejja l-età, xorta qiegħed jagħmel ħiltu biex ilaħħaq u jżomm ir-ritmu.  Mhux faċli żgur, u għalhekk napprezzaw aktar u aktar l-viżita tiegħu f’pajjiżna.  Kien Ġwanni Pawlu II li ġab għall-ewwel darba Papa f’pajjiżna, fortunatament din il-linja ser tibqa’ tinżamm.  Il-wirt ta’ Ġwanni Pawlu jibqa’ magħna u għandna dmir li nippriservawh.


 Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Illum tal-11 ta April 2010.

Jiem importanti għalina



1.       Fl-istorja twila ta’ dan il-poplu u tar-rabta qawwija tiegħu mar-reliġjon Kattolika, minn ftit żmien 'l hawn infetaħ kapitolu ġdid.  Għax għalkemm ilna nsostnu l-identità tagħna ta’ nsara, qatt ma kellna l-opportunità li naraw Papa jirfes l-art tagħna.  Kien Ġwanni Pawlu II li fetaħ din it-triq b’żewġ żjarat li baqgħu impressi fil-memorji ta’ dawk li rawh.  Rajnieh bniedem b’saħħtu, mimli enerġija u erġajna rajnieh fl-aħħar ta’ żmienu, meta kien sejjer lura ftit ftit.

2.       Għalkemm għandna f’rasna xeni ta’ esperjenzi li diffiċli li jiġu ripetuti, xorta nafu li kellu diffikultajiet fuq spallejh.  Ebda Papa, la f’dawn l-aħħar sekli u anqas qabel ma kien nieqes minnhom.  Il-Knisja Kattolika rat u affrontat diversi sitwazzjonijiet li dehru tant ikkumplikati li ftit setgħu jaħsbu li kienu ser jintrebħu, però l-istorja turi biċ-ċar li hekk ġara.  Baqgħet għaddejja.  Għadha xxandar messaġġ li jagħmel il-ġid u jagħti skop, sens lil ħajjet il-bniedem.

3.       Il-Papa Benedittu XVI m’għandu xejn differenti minn ta’ qablu.  Għandu x’jaffronta u ser jibqagħlu quddiemu, ma hemmx dubju.  Anki jekk l-irwiefen tad-dinja jidhru li qamu kontrih, xorta waħda nafu li qiegħed fuq it-triq it-tajba.  Is-segwaċi ta’ Sidna Ġesù Kristu jafu li jekk huma denji ta’ l-isem “insara” jridu jgħaddu mid-diffikultajiet li għadda minnhom Hu u li qalilna li ser ngħaddu minnhom.  Għalhekk kull Papa jaf li hemm mumenti iebsa għalih, bħal ma Piju XII kellu t-Tieni Gwerra Dinjija, Ġwanni XXIII l-kwistjoni Kubana, Pawlu VI l-martirju ta’ Aldo Moro, Ġwanni Pawlu II li kellu jaffronta l-marda serja tiegħu u dan għandu problemi oħra x’jaffronta.

4.       Aktar ma jidhru kbar l-intoppi, aktar nifhmu l-kobor ta’ min irid jaffrontahom.  L-għażla hemm qegħda – jekk taħrab il-kalċi ta’ l-imrar, inkella tidħol għalih.  Ebda deċiżjoni ma hija faċli, però dan il-Papa qiegħed jaffronta sidru b’kuraġġ u determinazzjoni, mingħajr ma b’xi mod jonqos lill-proxxmu, anki lil dawk li qed jakkużawh bl-iktar mod inġust.  Meta taqra partijiet minn kitbietu tifhem li huwa persuna preparata li jaffronta d-diffikultajiet, anke jekk żgur li fihom ser ibati.

5.       F’dawn il-jiem qrajt il-parti tar-rakkont ta’ Suor Lucia, li kienet waħda  mit-tlett itfal li dehritilhom il-Madonna ġewwa l-villaġġ Portugiż ta’ Fatima, fejn issir referenza għall-Papa.  Fih, iż-żgħira Ġjaċinta ddeskriviet lill-Papa mingħajr anqas kienet tafu, li qiegħed ibati ħafna u hemm diversi nies barra jixħtulu l-ġebel u jgħajruh kemm jifilħu.  Meta tirrifletti fuq dan il-passaġġ, mingħajr ma trid terġa’ tara lil kull Papa jgħaddi minn dan il-martirju ta’ denigrazzjoni.

6.       Il-pajjiż tagħna, kif ta, għandu jkompli jagħti dan is-sostenn qawwi lil din il-vuċi għas-sewwa.  Kliem ta’ fidi huma dawk li jispjegaw, ifehmu, iġibu għal-loġika dak li kollha rridu ngħaddu minnu, anke jekk nippruvaw naħirbuh.  Dan il-Papa huwa bniedem impenjat għal bnedmin oħra.  Ħajtu ddedikaha għall-proxxmu.  Magħna għandu rabtiet kbar ukoll għax kien hu li ddikjara Malti bħalna qaddis.  M’għandix dubju li ħidmietu fil-Vatikan u f’pajjiżna ser jibqgħu mmarkati.  Għaddejjin minn jiem importati.  Nibqgħu ffukati u attenti sabiex ma nintilfux, imma nżommu l-messaġġ ta’ paċi, ġustizza u s-sewwa li jwassal u li għandna l-għażla li nsegwu.


 Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Mument tat-18 ta April 2010.

Zaragoza, kapitali ta’ Aragona.



1.         Lejn nofs ix-xahar sibtni ġewwa l-belt Spanjola ta’ Zaragoza.  L-appuntament kien marbut ma’ laqgħa tal-ministri ta’ l-Unjoni Ewropea taħt il-Presidenza Spanjola, bit-tema l-proċessi, eżempji, esperjenzi ta’ integrazzjoni varji.  It-tema kienet interessanti, minnha kelli l-opportunità nifhem aktar dak li dħalna għaliha illum ġewwa din l-għaqda speċjali ta’ Stati.  Numru ta’ problemi li qed tiffaċċja l-Unjoni ġejjin proprju minħabba l-fatt li l-integrazzjoni ġiet traskurata u mwarrba fil-ġenb.  Tisma’ l-vuċijiet ta’ diversi ministri tifhem dejjem iktar il-varjetà tal-ħidma u s-suċċess, o meno, tagħha.  Dan għalija sarraf aktar sabiex nipprova nifhem kif aħna stess qed inħarsu lejn dak li għandna, bħala soċjetà preżenti u kif għandna naffrontawh.  Il-pożizzjoni hi ferm differenti u kkumplikata minn ta’ oħrajn, fejn min qiegħed jgħix hawn iħares lejna bħala tarġa biex jitla’ ‘l fuq u mhux biex jibqa’ hawn.  Ifittex mal-ewwel opportunità li jitlaq il-gżejjer tagħna u jitlaq lejn partijiet oħra tal-Ewropa fejn isib komunitajiet oħra bħal tiegħu.

2.         Mhux faċli, però dak li għandu jiġi konfrontat ħa jiġi ndirizzat, b’kemm jista’ jkun intelliġenza u għaqal, però mingħajr ħafna ħolm żejjed li fl-aħħar tal-jum jissoda dak li m’għandux jiġi ssudat.  Il-bnedmin li jsibu ruħhom hawn ġew minn esperjenzi varji tal-ħajja.  Waslu hawn kontra qalbhom u ma jifhmux dejjem dak li daħlu għalih.  Problemi xejn faċli sabiex tħollhom.  Però, hu x’inhu, ser nibqgħu nfittxu soluzzjonijiet, billi nimpenjaw ruħna favur id-dinjità tal-bnedmin u, fl-istess ħin, attenzjoni għas-sigurtà sħiħa fil-pajjiż u għas-soċjetà.  Hawn hawn lok ta’ impenn nisrani, ta’ spirtu ta’ karità, altruwiżmu u tixrid ta’ ideat li ħafna minn dawn il-persuni ma ġewx esposti għalihom.  Din hija waħda mill-isfidi l-ġodda li qegħda tbaqbaq lis-soċjetà tagħna, li m’aħniex nifhmu biżżejjed fil-fond is-sejħa li qegħda titlob minna.  M’hemmx apprezzament tajjeb tal-polz u s-sinjali taż-żminijiet li però rridu nagħmlu ħilitna sabiex nagħmlu.

3.         Il-laqgħa sabet ruħha maqsuma f’nofsha għax l-iżbroff tal-vulkan Iżlandiż qabad triqtu fuq il-parti ta’ fuq ta’ l-Ewropa u diversi ministri, speċjalment dawk li għandhom it-trasport ta’ l-Istat mal-lejl jew kmieni filgħodu, telqu lura.  Fortunatament bidlu l-vjaġġ lili wkoll.  B’xorti tajba għalija, minn Frankfurt sibtni ngħaddi minn Ruma u laħħaqt li nkun hawn f’pajjiżna għall-vjaġġ u l-viżja tal-Q.T. l-Papa Benedittu XVI.  Jiem verament sbieħ, li fihom stajna naraw id-demm ibaqbaq tagħna quddiem bniedem tant tajjeb, umli u mimli intelliġenza.  Dik forma oħra ta’ integrazzjoni.

4.         Fit-tfassil tal-vjaġġ, sibtni jum qabel f’din il-belt u fil-ftit siegħat li kelli għad-disposizzjoni tiegħi, tlabt li jeħduni nara żewġ monumenti importanti f’din il-belt Spanjola minn fejn diversi kavallieri ġew u raqdu fil-Berġa ta’ Aragona.  Fil-pjazza prinċipali msejħa “Plaza del Pilar” hemm żewġ knejjes verament sbieħ.  Fuq naħa dik tal-Madonna tal-Pilar u fl-aħħar il-katidral magħruf bħala “La Seo”.  L-ewwel waħda timpressjonak bid-devozzjoni li hemm, nies deħlin u knisja ħajja.  Hemm wirja sabiħa, b’numru ta’ oġġetti sagri ġejjin is-sekli.  Il-katidral, mill-banda l-oħra,  huwa mużew ħaj.  Kull kappella mimlija b’arti u storja, b’mużew eċċellenti ta’ arazzi antiki restawrati li jsaħħruk.  Mingħajr ma trid tidħol lura f’sekli ta’ storja u tagħraf aktar il-karattru tal-kavallieri li ġew għandna.

5.         Il-fatt li mort u dħalt f’dawn il-postijiet, mingħajr ma ridt ħaduni sabiex napprezza ferm iktar il-karattri, il-kultura tad-diversi kavallieri u bnedmin li ġew minn dawn l-inħawi sekli ilu.  Ir-rabta bejn Spanja u pajjiżna ftit napprezzawha, però hemm qegħda.  Kien interessanti nifhem dan, aktar u aktar bil-knisja tal-Madonna tal-Pilar li preżentement qegħda f’idejn il-Heritage Malta, però li fil-passat kienet parti sħiħa mill-Berġa.  Knisja mill-isbaħ li għalkemm tinfetaħ okkażjonalment għandha patrimonju kbir għad-dispożizzjoni tagħna lkoll.  Komplejt napprezza aktar Zaragoza u l-klima aragoniża għax lejn l-aħħar tal-jum, ħaduna nżuru l-“Aljaferia”.  Dan huwa palazz Għarbi oriġinarjament li, biċċa biċċa, ttrasforma ruħu f’wieħed għar-rejiet Kattoliċi, li mingħajr ma ridt fehemt ferm iktar li minn ġie f’Malta kellu miegħu storja u esperjenza ta’ konvivenza.  Bnedmin insara, Għarab, Lhud li għexu flimkien.

6.         Għalkemm smajt u rajt ħafna, fhimt li l-proċess sħiħ ta’ integrazzjoni jiddependi minn diversi elementi.  Prinċiparjament ngħid tnejn.  L-ewwel kemm dak li jkun huwa preparat li jadegwa ruħu, jobdi r-regoli tas-soċjetà, jirrispetta lil min jgħix fiha u li finalment irid isir jaf il-lingwa u jġib ruħu kif għandu; u t-tieni, b’kemm hemm spazju soċjali, kulturali u ekonomiku fis-soċjetà sabiex dan ikun jista’ jsir.  L-esperjenza aragoniża ġewwa Zaragoza hekk tindika, b’mod mill-iktar ċar.  Ħadd ma għandu s-soluzzjoni perfetta, però kull soċjetà għandha fi ħdanha esperjenzi li ġejjin minn seklu għall-ieħor jew ta’ intolleranza jew ta’ integrazzjoni.  Fuq dawn ser inkomplu naħdmu mingħajr ma nilludu ruħna jew nipperikolaw dak li għandna.


 Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Illum fit-2 ta Mejju 2010.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...