25.11.13

Iddeċiedi Xi Trid.



1.         Kemm hi tajba din.  Il-Gvern għadu ma jistax iżarma lilu nnifsu mill-fosdqa li kellu fl-Oppożizzjoni.  Għadu ma jistax jifhem li fil-pożizzjoni l-ġdida jrid jiddeċiedi u jieħu pożizzjoni.  Fl-Oppożizzjoni kienu draw li jilgħabu fuq iż-żewġ naħat.  Kienu ħaduha bħala parti mis-sistema li jgħidu ”iva” lil dawk li ma jistgħux jaqblu magħhom.  Din kienet mill-iktar evidenti għax kull settur ried jisma’ “iva”, anke fejn m’għandux raġun u dan kien jiġi servut minnhom.

2.         Issa però, il-porporina bdiet taqa’ u l-kurrazza tleqq tleqq issa bdiet tittappan.  Il-Gvern għadu mhux jinduna li jrid jiddeċiedi u jgħid x’jaħseb, x’ser effettivament iwettaq u jagħżel triqtu.  Għadu mhux jara li meta tmexxi ma tistax tibqa’ tidher sabiħ ma’ kulħadd u, f’mumenti, trid bilfors tixrob il-kalċi qares.  Triq tieħu naħa u timxi fuqha.  Gvern tajjeb fuq dan jintagħżel.  Kemm ikun kapaċi jieħu deċiżjonijiet li ma tantx ikollu ċapċip fuqhom imma li fiż-żmien irendu f’suċċess.

3.         Id-deċiżjonijiet diffiċli huma dawn – dawk li tmexxi ‘l quddiem f’direzzjonijiet tajba, anke jekk taf li fil-bidu mhux ser ikollok kunsensi.  Kull gvern irid jiffaċċja dan.  Kull min irid,mhux biss il-ġid imma kapaċi li jwettqu jagġraf dan b’iktar attenzjoni u faċilità minn ħaddieħor li moħħu biss kemm huwa popolari.  Poplu jippretendi mill-mexxejja tiegħu li jeħduh ‘il quddiem u lest li jaċċetta li hemm min qiegħed ġewwa u jaf iktar, imma mhux lest li jittieħed fejn huwa ċert li dawn huma toroq żbaljati.

4.         Il-kwistjoni tal-bejgħ taċ-ċittadinanza tagħna ilha issa ġimgħat tieħu l-attenzjoni politika u pubblika.  Il-Kunsill Ġenerali tal-partit il-Ġimgħa u l-Ħadd li għaddew serva sabiex dan il-messaġġ ċar jasal iktar.  Tasal ċara l-pożizzjoni nazzjonali tagħna, li aħna li rridu verament il-ġid lil dan il-poplu qed nagħmlu ħilitna sabiex inżommu lura kemm jista’ jkun liġi żbaljata.  Liġi li hija hekk mhux għax qed ngħidu aħna li hija ta’ tal natura, imma għax hija minnha nfisha mhux f’lokha.

5.         Il-poplu nafu li m’huwiex il-ħin kollu mwaħħal mal-istazzjonijiet tax-xandir, anqas jixtri jew jaqra l-gazzetti kull ġurnata imma maż-żmien tasallu wkoll.  Walssalnihielu u fehemha tajjeb.  La żidna u lanqas naqqasna, imma għidna l-verità.  Għidna l-affarijiet kif inhuma.  Sfortunatament, il-Gvern dam biex fehem u jirreaġixxi.  Webbes rasu waħda u sew u spiċċa beda triq li fiha jrid jieħu lura parti minn dak li ma kellux jagħmel.  Ir-realtà hija li aħna diġà ġejna umiljati bħala pajjiż u din mhux faċli ġġibha lura.

6.         Mhux faċli li tħassar dak li qiegħed idur kontra l-immaġini tajba li kellna.  Iktar ma l-Gvern idum jaħsibha, iktar agħar.  Iktar ma jdum biex jiddeċiedi li għandu jgħaddi liġi malajr sabiex iħassarha, iktar agħar.  Ma jistax jippretendi li jibqa’ jidħak bina lkoll.  Jgħid li l-liġi mhux ser iġibha fis-seħħ meta nafu diġà li l-liġi, kif ġiet approvata skont il-liġi, daħlet bil-volontà tagħhom dritt dritt fil-liġijiet tagħna.  Il-Gvern qiegħed jipprova jaħrab dak li huwa inevitabbli.  Li ċeda fuq is-segretezza kien pass ‘il quddiem.  Biss, dan waħdu mhux biżżejjed.  Trid tħassarha b’liġi apposta.

7.         Minflok jaqtagħha u jiddeċiedi, il-Prim Ministru jidher li qiegħed ikompli jtawwalha u jaħrabha.  Mhux biss, imma qiegħed jonqos milli jkun ċar f’dak li sewwasew irid u minflok jibgħat messaġġi mħawda.  F’pajjiżna jgħid li lest li jiċċaqlaq issa wara tant żmien u, minflok ikun konsistenti, jerġa’ jsiefer, jonfoq flus il-poplu f’dak li huwa evdienti li ma jridux.  Kif jista’ jkun konsistenti u kredibbli jekk fuq naħa jgħid, wara li ilu xhur iwebbes rasu, li issa jrid jiftiehem mal-Oppożizzjoni meta fl-istess ħin jinsab fl-Istati Uniti jidher biex jinxtrw iktar passaporti?  Il-korrettenza kienet titlob żgur li ma jmurx.

8.         Iktar ma jgħaddi ż-żmien, il-pożizzjoni iktar qed tikkomplika ruħha.  Ir-responsabbiltà ta’ dan l-aġir skorrett huwa kollu fuq in-naħa tal-Gvern u hu jrid iġorrha.  Aħna dmirna għamilnih u ser inkomplu nagħmluh.  Konna disposti mill-bidu biex naslu f’liġi li tagħmel il-ġid, u anzi fid-dibattitu ħadna ħsieb li niftħulu għajnejh kif tista’ ssir verament tajba, imma l-piż jibqa’ fuq il-Gvern li jagħmel l-affarijiet sewwa.  Aħna ċari konna u ċari bqajna.  Il-Gvern li tħawwad.  Jonqsu biss li joħroġ minnha billi jiddeċiedi sewwasew xi jrid.





21.11.13

Ferita Nazzjonali



1.         L-unur ma jistax jinxtara.  Jista’ jinkiseb maż-żmien.  Jinkiseb bl-imġieba tajba kostanti, onesta u retta.  Iktar ma wieħed iżomm ruħu marbut mal-prinċipji tas-sewwa, iktar jikbirlu l-unur.  Jikbirlu miegħu nnifsu li jagħraf li qiegħed jimxi b’umiltà fit-triq id-dritta; u t-tieni ma’ dawk li jżommu ruħhom mal-bnedmin ta’ rieda tajba.  Faċli titlifha.  Diffiċli żżommha.  Taf li hemm min ikun iridlek il-ġid u hemm min id-deni.  Tal-ewwel jarawk fuq dak li tkun qed tagħmel; tat-tieni jieħdu kull okkażjoni sabiex ikerrħuk.

2.         Dawk huma r-regoli naturali tal-ħajja.  Taf diġà li hemm min jgħir għalik, jew jaħseb li ser jieħu gwadann billi jkerrħek, però tkun qed tiżbalja bil-kbir meta ġġib l-għali fuqek.  Meta tkun kaġun inti stess tat-tkissir tar-reputazzjoni tiegħek, allura ma tantx tista’ titkellem.  Tagħti vantaġġ lil ħaddieħor u fl-istess ħin tinżel niżla li, tagħmel x’tagħmel, tkun diffiċli ħafna biex terġa’ ġġibha lura.  Torbot mażżra miegħek innifsek li iktar ma tissielet magħha, iktar tissikkak.  Il-ġudizzju, l-għaqal u l-prudenza jżommuk milli taqa’ f’dan il-bir, però jekk ma tagħtix każ tagħhom u tiddisprezzahom allura ma hemmx ħlief li twaħħal fik innifsek.

3.         Il-valuri taċ-ċiviltà tagħna huma ċari.  Bażati fuq prinċipji li ssawru maż-żmien u li bbażaw ruħhom manifestament fuq dawk insara.  Jekk tarmi dawn l-ankri li bihom twettaq is-sewwa u tagħmel il-ġid lill-proxxmu, tarmi lilek innifsek.  Hemm min irid jisfida sekli sħaħ ta’ esperjenzi umani u jmur il-kontra għax jimmaġina li sab triq ġdida.  Jista’, però kull ma jkun qiegħed jagħmel huwa li jidħak bih innifsu u b’dawk li fdawh.  Mhux biss, imma meta jonqos li jagħraf li dan it-tagħlim iżommok ‘il bogħod mill-iżbalji jispiċċa jħossu komdu ma’ dak li m’huwiex sewwa.  L-unur jiddependi wkoll kemm trid tħobb l-indafa u kemm tħossok paxxut ma’ dak li m’huwiex.

4.         Il-liġi dwar iċ-ċittadinanza, dik l-emenda li biha issa ser nibdew infittxu li nbiegħu ċ-ċittadinanza tagħna hija każ mill-iktar ċar ta’ dan.  Aħna fl-Oppożizzjoni qegħdin u liġi bħal din qatt ma għamilna jew qatt ma konna ser nagħmluha.  Stajna biss nopponu għaliha, u hekk għamilna billi kull membru tagħna tkellem kontra.  L-obbligu, ir-responsabbiltà qegħdin b’mod qawwi fuq il-Gvern.  Huwa hu li ħareġ b’din il-liġi u għalhekk irid iwieġeb għall-effetti ħżiena tagħha.

5.         Huma ħżiena għax ebda poplu ma jarmi unuru, ma jasal li jbiegħ dak li huwa l-iktar għażiż għalih innifsu.  B’din il-liġi, flus mhux xierqa jistgħu jidħlu imma biha d-dinjità tagħna qed tintrema.  Biha l-Gvernh fetaħ attakk għas-sens b’saħħtu ta’ nazzjonaliżmu tagħna.  Mhux dak estremista iżda dak li għalih aħna kburin, li jagħtina sens ta’ rabta u kburija.  Kien hemm żmien meta kien hemm soċjetajiet antiki u primittivi li kienu jippermettu aġir kontra n-natura umana.  Kellna dawk li kienu jippermettu familji li sforz il-faqar ibiegħu ‘l uliedhom.  Biss dan iż-żmien għadda.

6.         Pajjiżna m’għandux bżonn jasal f’dan ix-xifer.  Diġà qed nieħdu reputazzjoni ħażina barra minn xtutna biha.  Diġà gazzetti barranin qed jirrappurtaw b’ebda forma ta’ tifħir għalina li aħna qegħdin inbiegħu dak li huwa l-iktar għażiż għalina.  Diġà qed tidher barra li min ser jixtri din iċ-ċittadinanza ser jagħmel hekk għax għandu bżonn, għax għandu xi ħaġa li jrid jaħbi, għax għandu storja passata xejn tajba.  U l-liġi qed tkompli ssaħħaħ din il-konvinzjoni għax qed tassigura li l-ismijiet ta’ dawn il-karattri jibqgħu mistura.  Dak li ma joħroġx għad-dawl għandu raġuni biex jibqa’ fid-dlam.

7.         Din il-liġi qegħda tmur kontra kull dekor, kull sens ta’ deċenza, kull ma huwa naturali fil-bniedem.  Hija liġi li ser tkissrilna r-reputazzjoni għolja ħafna li l-Partit Nazzjonalista, għax huwa proprju nazzjonalist, irnexxielu jwettaq.  Din hija ferita qawwija.  Biha ser nitilfu f’kull settur u ser nibdew it-triq tat-tkasbir.  Hija ferita mortali, gravissima għalina lkoll li ridna s-sewwa u ħdimna għaliha.  Ferita nazzjonali li biha ser nitilfu ħafna mid-demm tal-investiment tagħna lkoll.


12.11.13

Budget elettorali.



1.         Waqt li l-Oppożizzjoni qattgħet din il-ġimgħa tipprova twassal il-messaġġ lill-Gvern li l-emendi minnu huma żbaljati, huwa kien moħħu fil-pubbliċità, fir-reklami u l-propaganda sabiex dak li ġie mħabbar fil-Budget it-Tnejn jinżel tajjeb.  Il-Gvern kien moħħu biss biex jassigura li ħadd ma jkun jista’ jikkritikah, anzi li jkun hemm min jaqra biċċiet u jasal għal konklużjonijiet ta’ malajr.  Fir-realtà, meta wieħed jara dak li nkiteb, il-mod ta’ kif ġie preżentat, jidher mill-iktar ċar li l-forma kienet ferm iktar importanti mis-sustanza.

2.         Huwa minnu li l-preżentazzjoni hija aċċettabbli li ssir b’dan il-mod meta tkun akkumpanjata minn pakkett ta’ miżuri li jibdlu u jagħtu verament direzzjonijiet sodi fis-setturi ekonomiċi u soċjali.  Issir iktar kruċjali meta dak li jkun hemm ma jkunx fih dik id-determinazzjoni u allura trid issir b’kemm jista’ jkun karta li tleqq biex taljena minn dibattitu veru ta’ dak li qiegħed isir minn dak li hemm bżonn li effettivament isir.  Ngħidu dan għax irridu li l-pajjiż jimxi ‘l quddiem u mhux imur lura.

3.         Nhar it-Tnejn, waqt li kien qiegħed jinqara d-diskors tal-Budget għall-ewwel darba mill-Ministru tal-Finanzi, kien ċar għal diversi minna li servejna bħala ministri tal-poplu li l-pożizzjonijiet kienu qed jitressqu bi kliem inġenerali u mhux ċari.  Dan huwa ta’ inkwiet għalina għax dan id-diskors partikolari jitlob li l-fatti jingħadu u l-verità tkun hemm, mhux moħbija.  Hemm wisq miżuri li huma miktuba sabiex jagħtu impressjoni ta’ ħaġa, mentri tkun fil-fatt ħaġa oħra.  Hemm anzi ħafna riservi u kundizzjoniiet li meta wieħed jaqbad il-lenti jsib li ngħad ħafna imma ma hemmx pożizzjoni vera.

4.         Il-ħsieb tal-Gvern huwa essenzjalment immarkat minn ħaġa waħda.  Inġebbdu l-wegħdiet elettorali għal sena sħiħa sabiex l-elettorat li vvutalu jerġa’ jitħajjar jibqa’ jimmarka fl-istess sezzjoni.  Fir-realtà talab differiment twil ħafna ta’ sitt xhur skorruti.  Dak li webbel diversi biex jivvutaw għall-Partit Laburista reġa’, għal darb’oħra, tqiegħed fuq il-mejda.  Kulħadd jaf li ebda partit ma jista’ jwettaq kull ma hemm f’manifest elettorali mill-ewwel u f’daqqa għax kull punt fih prezz.  Biss, dan il-Gvern qiegħed jipprova jwettaq l-impossibbli.  Itawwal u, fl-istess ħin, iżid il-piż u l-pressjoni fuqu nnifsu.

5.         Min hemm bil-ħin f’idejh għandu l-ħin jara sewwa l-affarijiet u jinduna b’dan.  Jagħraf li l-linja finanzjarja tal-pajjiż hija miġbuda waħda żżejjed u faċli tattakkaha.  Diġà hemm il-fatt li l-Kummissjoni ta-Unjoni Ewropea mhux qegħda taqbel mal-figuri tal-Gvern dwar il-figuri tal-Gvern dwar il-figura tad-defiċit.    Il-Gvern jgħid li nieżel 2.7%, mentri l-Kummissjoni tgħid li ser tibqa’ għal sentejn 3.4% u anzi titla’ għal 3.5%.  Dawn huma figuri ta’ nkwiet mhux biss għax qegħdin jingħadu, imma l-iktar għax mhux qed jiġu ndirizzati.  Il-Kummissjoni f’din is-sena baqgħet bl-istess pożizzjoni u dan ifisser li daqt ikollna naffrontaw sejħiet għall-miżuri ta’ awsterità.

6.         Biss, bl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ġejjin, il-Gvern ried jilħaqa ħaġa waħda: dik li jipprova jżomm lil kull min wegħdu kuntent jistenna.  Jistenna mhux biss Marzu, imma anki iktar tard.  Nafu li l-miżuri tal-budget, parti sostanzjali minnhom iridu li jsiru b’liġi biex jitqegħdu fis-seħħ u din tieħu żmienha.  Il-wegħdi jibqgħu dak li huma, anki jekk miktuba, imma kulħadd jaf li hemm prezz fuq kull waħda u l-ħlas tagħha jiġi mit-taxxi tagħna.  Il-bilanċ finanzjarju lkoll nafu kemm huwa delikat.  Anzi, b’dak li sar, il-Gvern kixef iktar lilu nnifsu f’dan meta baqa’ jinsisti li jrid jinġabar bil-bejgħ taċ-ċittadinanza tagħna.  Qiegħed juri lil kulħadd li jekk ma tinbiegħx ser jitlef kull possibilità li jibbilanċja.

7.         Diskorsi ta’ budget jiġu u jmorru, biss il-poplu jippretendi li dak li jinkiteb jitwettaq mhux biex immorru lura ekonomikament u soċjalment, imma biex nimxu ‘l quddiem.  Kawtela kienet żgur tkun aħjar, iktar u iktar fl-ambjent finanzjarju tal-lum.  Il-maġġoranza elettorali u parlamentari qegħda f’idejn il-Gvern li jaf li ħadd ma jista’ jżommu f’dak li jrid jagħmel.  Biss ma tbiddilx ir-realtà.  Maġġoranza ikbar ma tagħtikx aktar flus.  Trid taħdem għalihom.  Il-propaganda hija ħaġa, l-verità oħra għax il-problemi ssolvihom billi taffrontahom u mhux taħbihom.  Tista’ ttawwal minn din ir-realtà imma għada trid tikkonfrontaha, inkella tieħdok.


5.11.13

Mhux Proprju l-Aqwa Gimgha.

                
               
                1. Il-hajja politika ta kull Gvern hija mimlija b'tlugh u nzul. Hadd ma jistgha jahrab minn din s-segwenza ta fatti. Uhud pero jigu minn eventi li ma jkollux kontroll fuqhom mentri ohra jkun giebhom fuqu. Fl-ahhar mill-ahhar jrid jara hu x'passi ghandu jiehu biex jikkoreggi u jbiddel. Jistgha minflok jghazel triq kompletament differenti dik li jkompli ghaddej , jinjora l-fatti u jaljena lill-pajjiz b'passi u direzzjoni ohra. Tkun xi tkun l-ghazla l-elettorat fil-frattemp jkun qieghed jigbed gudizzju.
               
                2. Biss din il-gimgha li ghada kif tlaqna kellha tlett ingroppi li min qieghed jmexxi ma jaghmilx tant hazin jekk jgharafhom u jibdel triqtu. F'dan il-pajjiz l-opinjoni pubblika ma tigi ffurmata bhal ta ohrajn. Tistgha tahtfu f'mument pero jhobb hafna jara l-fatti mad-diskors.  Ghal hafna l-kliem mat-toroq huwa li  f'dak li sehh hemm zgur lok ta caqliq , iktar trasparenza u akkontabilita. Nghid dan ghax nifhem li bhal ma qieghed jigri f'dawn ix-xhur l-istint tal-Gvern ser tkun li jahrab kollox.
               
                3. Fl-ahhar seba-t-ijiem rajna l-ewwel n-nuqqas ta rizultati fis-settur tal-immigrazzjoni ,t-tieni is-sistema zbaljata ta kif c-cittadinanza taghna qed tinbiegh ,t-tielet l-abbuz ta poter mill-iktar gravi fil-kaz ta impjegat tal-istat. Ghal dawn it-tlett punti ta fatt il-Gvern harab kemm setgha billi jghid il-kontra ta dak li huwa.  L-problemi jridu soluzzjoni jew almenu pjan lejn tibdil tal-istat tal-affarijiet. Meta jkun hemm l-kontra allura l-posizzjoni tkkomplika iktar u iktar ruhha.
               
                4. Il-gimgha bdiet hazin t-tlieta meta l-Prim Ministru ghazel li jaghmel stqarrija dwar dak li kien sehh fil-Kunsill tal-Ministri li kien ghadu kif attenda ghalih. Ghal min jsegwi u jaf sew l-fatti sfortunatament f'dik il-laqgha pajjizna rregistra numru ta passi lura, telfiet. Rregistra dan ghax dak kollu li kien nbena fis-snin ta qabel b'hafna diffikulta fil-kamp tal-immigrazzjoni rregolari issa spicca kwazi kompletament. Sehh dan ghax l-Prim Ministru ha linja politika li mhux ser twasslu ghal rizultati. Fl-Unjoni Ewropeja tirrenja r-raguni mhux l-irruwenza. Hemm ghodda li nistghu nuzaw li qedhin ghad-disposizzjoni taghha. Thaddimhom billi tuzhom sewwa mhux billi tkissirhom.
               
                5. Tac-cittadinanza kienet t-tieni wahda. Iktar ma taqra il-ligi, iktar ma tismgha u tara dak li jrid jaghmel il-Gvern iktar wiehed jifhem kemm dan kollu huwa verament zbaljat. Tul dawn l-ahhar hamsa u ghoxrin sena l-partit nazzjonalista ghandu l-mertu li gieb pajjiz minn wiehed xejn stmat ghal wiehed li jigbed l-ghira. Fil-process ma kull sena tellajna c-cittadinanza taghna fl-ghola livell, iktar u iktar bid-dhul taghna fl-Unjoni Ewropeja. Issa li dan il-Gvern sab dan l-investiment f'idejh flok qieghed jkabbar dak li hallejna ahna qieghed minflok jharbat. Cittadinanza li facili tinxtara titlef kull forma ta valur li ghandha. Il-poplu ghandu f'idejh kredtu li jidher mill-iktar car li daqt sejra tigi mitlufa.
               
                6. Is-sentenza tal-Qorti fil-konfront ta Norman Vella hija t-tielet wahda. Ma hemmx kliem ghal dak li gara. Kien zbaljat mill-bidu nett u baqa ghaddej hekk pass wara pass. L-incident ma kellux jsehh imma mhux talli sar talli kien hemm min kien komdu bih. L-isfortuna ta dan kien proprju li min ghandu responsabbilita ma hasx li qed issir xi haga zbaljata. Hass li dak li qieghed jsir huwa tajjeb meta kif qalet tant tajjeb l-Qorti kien assolutament zbaljat. Dan il-kaz kompla jinghaqad  ma kullana itwal ta zbalji li bihom l-fiducja tal-poplu qieghed jonqos.
               

                7. Tul dawn il-jiem ergajna rajna dak li ma nixtiequx. Hemm kuntrasti li qed johorgu kontinwament. Bejn dak li bnejna u dak li dan il-Gvern qieghed jhott. Bejn l-prudenza u l-ghaqal taghna u l-gir u nuqqas ta garbu taghhom. Bejn il-principji demokristjani taghna u t-tnehhija ta kull principju li kellhom. Huwa minnu li din il-gimgha tellghet ghad-dawl tlett komplikazzjonijiet kbar biss dawn gejjin mhux b'kumbinazzjoni imma minhabba n-nuqqasijiet li l-Gvern ghandu.

9.10.13

Il-punt huwa wieħed

1.                   Il-Parlament din il-ġimgħa reġa’ beda jiltaqa’.  Il-Gvern kien ħa d-deċiżjoni li jaġġorna għal żmien twil u ma ħax ħsieb li jżomm kuntatt mal-Oppożizzjoni fuq dak kollu li kien għaddej.  F’ħafna sens, qata’ lilu nnifsu f’dinja oħra.  Iddeċieda li jagħti każ dak li jrid u jidfen, idawwar wiċċu għal dak li ma jridx jisma’ bih.  Kif jgħidu: “Tardare si, scappare no”.  Għalhekk, dak li ilu jinħarab minnu l-Prim Ministru, din il-ġimgħa beda jilħqu u jkollu jaffrontah.

2.                   Ngħid dan kollu għax ma jistax jibqa’ jaħrab milli jagħti spjegazzjonijiet ċari li kull min imexxi pajjiż f’soċjetà demokratika huwa mistenni li jagħti.  Il-poplu għandu dritt għall-verità ladarba, fortunatament, m’għandniex sistema politika bażata fuq id-dittatorjat.  Il-pajjiż, bid-demokrazija, jirbaħ.  Mingħajr demokrazija, jitlifha.  Dik hija d-differenza li għandna dmir infakkru lil min issa qiegħed imexxi dawn il-gżejjer.

3.                   Hemm bżonn spjegazzjoni ċara fuq diversi punti, bħal kif mara ta’ Ministru tinħatar ambaxxatur, jew kif persuni fl-Armata jitneħħew u oħrajn jitilgħu malajr malajr is-sellum, jew kif deċiżjoni fuq jekk hemmx lok ta’ proċeduri kriminali tinbidel ta’ taħt fuq.  Din il-ġimgħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil mexxa din il-linja ‘l quddiem bid-determinazzjoni tipika u diretta tiegħu.  Il-Prim Ministru, flok mexa ‘l quddiem sabiex iwieġeb għal dak li l-pajjiż qiegħed jitlob minnu li jwieġeb, minflok ħarab minnu.

4.                   Ħarab billi qajjem każ ta’ ksur ta’  privileġġ meta anqas messu qajmu.  Id-difiża tiegħu, flok kienet li toħroġ u tingħad il-verità, ħarab minnha.  Il-kliem tal-Kap tal-Oppożizzjoni ma jikkostitwux ksur tar-regolamenti tal-Kamra.  Kienu korretti u ndirizzati biex il-Gvern iwieġeb fuq dak li ilu jiġi mistoqsi mill-poplu fit-toroq tagħna.  Qed tintalab spjegazzjoni ċara, trasparenti, li għandna dritt għaliha.

5.                   Għalhekk, kellha raġun l-Oppożizzjoni tkun wara l-Kap tagħha u timmarka l-punt billi toħroġ barra mill-Kamra.  Dan huwa dritt tal-membri tal-Oppożizzjoni u huwa demokratiku.  Id-deċiżjoni tas-Sedja li hemm każ ta’ ksur ta’ privileġġ kellha u għandha tiġi kontestata.  Għax il-punt m’huwiex wieħed proċedurali jew ta’ xi affront, imma ta’ sejħa sabiex tiġi stabbilita l-verità.  Ma nħawdux l-affarijiet.

6.                   Il-pajjiż ilu issa għal dawn l-aħħar xhur jistaqsi kif, għax inbidel il-Kummissarju tal-Pulizija, allura nbidlet deċiżjoni.  Ġie stabbilit fil-Qrati tagħna, bil-ġurament, li l-Kummissarju kien ser jipproċedi wara li kien hemm qbil mal-Avukat Ġenerali.  Dan waħdu reġa’ żied fis-suspetti li hawn.  Dawk li l-bidla tal-Kummissarju saret għal raġuni.  Dan jista’ jkun mhux minnu, imma l-poplu qiegħed jistaqsi: kif inhi din li l-Avukat Ġenerali ta l-istess parir lil żewġ Kummissarji b’wieħed iddeċieda li hemm każ, u l-ieħor, wara ftit jiem li nħatar, iddeċieda li ma hemmx?

7.                   Dan huwa l-punt li l-Gvern, il-Prim Ministru, għandu dmir li jwieġeb u jiċċara.  Mhix kwistjoni ta’ privileġġi jew oltraġġi jew insulti personali jew malafami.  Hija biss waħda ta’ verità.  Din il-ġimgħa kompliet tkabbar dak li qiegħed jaħrab minnha l-Gvern.  Iktar ma jaħrab minnha, iktar ħa tikber u iktar ser tixħet lura l-kredenzjali tad-dritt f’dan il-pajjiż.  L-Oppożizzjoni ser tibqa’ tagħmel dmirha, titlob spjegazzjoni ċara u tonda fuq naħa, u fuq in-naħa l-oħra tibqa’ tagħmel dmirha: titlob spjegazzjoni ċara u tonda, u fuq in-naħa l-oħra tibqa’ tuża l-istrumenti demokratiċi biex il-Prim Ministru jifhem li din irid jaffrontaha.

Il-kwistjoni Sirjana

1. F’dawn l-aħħar ġimgħat, ix-xena internazzjonali kkonċentrat madwar dak li qiegħed iseħħ ġewwa l-pajjiż viċin tagħna, is-Sirja.  L-aħbarijiet ilhom dominati minn dak li huwa għaddej fil-gwerra ċivili ġewwa ħdan dak il-poplu.  Hemm diversi involuti fi ġlieda li qegħda twassal għall-imwiet ta’ ħafna.  Tfal, anzjani, nisa sfaw vittmi ta’ atroċitajiet mill-iktar gravi.  Irvell mill-poplu sabiex taqleb l-id iebsa u dittatorjali ta’ reġim li huwa kollox barra demokratiku.  Parti sħiħa mill-proċess ta’ bidla li bdiet fit-Tuneżija u kompliet f’diversi oħrajn.  Kompliet f’uħud billi pproduċiet toroq ġodda lejn id-demokrazija, lejn id-drittijiet fundamentali, lejn il-libertà u l-ġustizzja soċjali.

2. Vjolenza ġġib vjolenza oħra.  Huwa proċess li ma hemmx li jieqaf, jekk mhux bi sforzi b’saħħithom sabiex tiġi stabbilita l-paċi.  Sfortunatament, il-komunità Ewropea u internazzjonali sabet ruħha maqsuma fil-vuċi tagħha u dan ippermetta li r-reġim ta’ Assad ikompli bl-attakki fuq il-poplu.  Il-fatt li fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda baqgħet ma nstabitx pożizzjoni ta’ qbil fuq punti li jistgħu jwasslu għal kontroll ta’ dan il-kunflitt kompla wassal għal iktar libertinaġġ fl-azzjonijiet ħżiena.  Dan, flok, qiegħed iġib inqas possibilità ta’ soluzzjoni paċifika u politika.

3. Din is-sitwazzjoni kkumplikat u aggravat ruħha għax ir-reġim, fil-minoranza li għandu, għamel użu minn armi kimiċi.  Dan huwa iktar u iktar inaċċettabbli għalina lkoll.  L-użu tal-armi konvenzjonali diġà huwa mill-iktar serju, iktar u iktar f’dak li qiegħed jiżviluppa biċċa biċċa f’dak il-pajjiż.  Dan wassal għal numru ta’ pajjiżi, fosthom u fuq quddiemnett, l-Istati Uniti tal-Amerika li tressaq il-proposta li għandu jkun hemm intervent militari biex twiddeb b’mod mill-iktar dirett.  Din il-mossa ġiebet reazzjonijiet varji.  Min qabel u min le.  Rajna parlamenti jiddibattuha, oħrajn jippreparaw għaliha.  Ma hemmx x’wieħed jgħid li interventi militari m’humiex proprju s-soluzzjoni t-tajba.

4. Wara ħafna diskussjoni, missjonijiet mill-Ġnus Magħquda sabiex jiġi  stabbilit b’mod ċar li armi kimiċi ġew effettivment użati, sibna proposta Russa biex l-armi kimiċi li għandu r-reġim jiġu konsenjati u distrutti.  Din il-mossa waqqfet it-triq lejn l-użu tal-armi.  Biss, qajmet kwistjonijiet ġodda.  L-ewwel, ħarġet li dawn l-armi kienu verament jeżistu.  It-tieni, qarrbet iktar il-fatt li saru użu minnhom.  It-tielet, li ladarba sar użu, allura hemm responsabbiltà li tmur fit-triq ta’ proċeduri quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali.  Ir-raba’, li s-soluzzjoni hija, iktar minn qatt qabel politika, madwar mejda.  Il-ħames, li hemm bżonn interventi iktar qawwija f’dan il-mument partikolari sabiex il-Kumitat tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda jaqbel issa li x-xenarju nbidel.

5. Ħadd m’huwa jgħid li s-sitwazzjoni hija faċli, wisq anqas ħadd m’huwa jippretendi li fuq pajjiżna jiddependi kollox, imma hemm x’jista’ jsir.  Illum pajjiżna għandu vuċi fil-kapitolu li hija mismugħa.  Tul l-aħħar jiem ikkritikajna lill-Gvern li qagħad lura u m’attendiex kif kellu għal-laqgħa li saret tul ix-xahar li għadda apposta fuq is-sitwazzjoni fis-Sirja.  L-assenza tagħna inħasset żgur għax preżenza ta’ Ministru tal-Gvern kienet tibgħat il-messaġġ ċar li dan huwa suġġett importanti ħafna għaliha.  It-tieni, stajna nintervjenu b’suġġerimenti u proposti li bqajna m’għamilniex.

6. Tul il-ġimgħa kellna l-okkażjoni nqajmu dan is-suġġett fi ħdan il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej.  Hemm l-Oppożizzjoni ressqet żewġ punti għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern.  L-ewwel, li ladarba issa mill-iżvilupp pożittiv tad-diplomazija Russa għandna, f’ġieħ dawk li mietu, li nitkellmu sabiex il-Qorti Kriminali Internazzjonali tibda tinvestiga l-każ biex min kien responsabbli jitressaq.  It-tieni, f’isem dawk is-Sirjani li jgħixu f’pajjiżna, li nerġgħu ninsistu li għandha ssir il-konferenza f’Ġinevra għall-paċi politika fil-pajjiż.  It-tielet, li nerġgħu niċċaqilqu sabiex niġbru u nibgħatu materjal, ikel, assistenza, lid-diversi persuni li qed jaħarbu l-gwerra ċivili u qed jgħixu fit-tined fil-pajjiżi ġirien bħat-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan.

7. Bħala Oppożizzjoni nifhmu d-diffikultajiet ta’ ħidma diplomatika, però nsostnu li għandna nibqgħu vuċi favur il-poplu Sirjan.  Vuċi favur il-libertà, id-demokrazija u l-ġustizzja soċjali għalihom ilkoll.  Diġà kellna sehem determinanti fi kwistjonijiet oħra u dan bis-suċċess tiegħu.  Għalhekk m’għandniex noqogħdu lura u bil-prudenza, bl-attenzjoni, nwasslu l-pożizzjoni u l-vuċi tagħna.  Il-kwistjoni Sirjana hija, l-ewwel, ta’ dak il-pajjiż però hija tagħna wkoll.  Inħajru lill-Gvern għal iktar u fl-istess ħin ser nibqgħu nagħtu sehemna aħna bħala Oppożizzjoni soda u ffukata.

29.9.13

Pożizzjoni ċara



1.         Tul dawn l-aħħar erbgħin sena, pajjiżna żamm rabta speċjali mal-pajjiż ħabib tagħna ċ-Ċina.  Minn dawn il-ħamsa u għoxrin sena, kien il-Partit Nazzjonalista fit-tmexxija tal-poplu Malti kollu li ħa ħsieb li jissoda din il-ħbiberija.  F’ebda mument ma abbandunajna lil xulxin iżda assigurajna, bi ftehim bilaterali u koperazzjoni sħiħa, li mmorru lejn tkattir ta’ pediment.  Toroq fid-dinja kulturali, soċjali, edukattiva, ta’ sigurtà, ekonomika, fejn imxejna sew ‘il quddiem.  Hemm sensiela twila ta’ ftehim ta’ koperazzjoni li ġew iffirmati minn numru ta’ ministri Nazzjonalisti, jien inkluż.

2.         Iċ-Ċina hija art kbira u ġeneruża.  Waħda li hija miftuħa għall-koperazzjoni u żvilupp.  Dan aħna ilna li fhimnih u ma qagħdniex lura milli naħdmu biex inkattru dak li jista’ jikber għall-benefiċċju taż-żewġ popli.  Irridu lkoll nammettu li r-rabtiet bejn iż-żewġ popli kibru sew.  Iktar Maltin marru ċ-Ċina u iktar bnedmin fin-negozju daħlu f’rabtiet li minnhom kibru s-swieq tat-tnejn.  Fl-istess ħin, iċ-Ċina appoġġjat u apprezzat ferm iktar il-pożizzjoni tagħna fl-Unjoni Ewropea.

3.         It-twaqqif ta’ Ċentru Kulturali fil-Belt kien u jibqa’ sinjal mill-iktar evidenti ta’ dan kollu.  Post mill-isbaħ li fih hemm, għad-dispożizzjoni tagħna, l-opportunità li nifhmu iktar dan il-pajjiż kbir, b’kultura mill-isbaħ, x’jista’ joffrilna.  Tul dawn l-aħħar snin sar fil-fatt żvilupp ekonomiku u soċjali verament impressjonanti.  Aktar ma wieħed jaqra, aktar ma jsegwi, iktar jinduna li dan huwa poplu li l-ħin kollu qiegħed jissupera lilu nnifsu.  Poplu li huwa bieżel u determinat li jimxi sew ’il quddiem.

4.         Irid jingħad b’mod mill-iktar ċar li l-Partit Nazzjonalista żamm, tul dan il-perjodu, rabta diretta u speċjali mal-poplu Ċiniż.  Mill-ewwel viżta tal-partit fiċ-Ċina sal-lum ma naqset b’ebda mod.  Żammejna kuntatt dirett magħhom u huma magħna mingħajr diffikultà.  Fiż-żmien qasir li qiegħed inkopri d-dekasteru tal-Affarijiet Barranin, dan nista’ nixhdu personalment.  Kelli x-xorti niltaqa’ mal-Ambaxxatur preżenti, kif ukoll li nkun flimkien mal-Kap tal-Partit Simon Busuttil nhar it-Tlieta filgħodu f’laqgħa miegħu.  Fiż-żewġ okkażjonijiet, nista’ nixhed għar-rabtiet ta’ ħbiberija li għandna.

5.         Aħna determinati li nibqgħu fuq din il-linja u ma nippermettux, bla ebda mod, li xi ħadd jipprova jittrasforma lil dan il-pajjiż li huwa ħabib tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, f’ballun politiku Malti.  Ngħid dan għax l-aġir tal-Gvern f’dawn l-aħħar ġimgħat kien mill-iktar żbaljat u kundannabbli.  Kien hekk, l-ewwel, għax il-Prim Ministru pprova jagħti l-impressjoni li huwa qiegħed jagħti aktar attenzjoni lir-rabtiet li għandna ma’ dan il-pajjiż milli konna qed nagħtu aħna.  It-tieni, bil-mod żbaljat ta’ kif mexa biex jiffirma ftehim għal koperazzjoni futura.

6.         Il-Gvern preżenti qiegħed jibni fuq dak li ħallejnilu.  Sab sodda mifruxa waħda u tajjeb.  Sab għad-dispożizzjoni tiegħu l-fatt li ċ-Ċina kienet u baqgħet rikonoxxenti lejna li rnexxielna nassistu lil madwar ħamest’elef ċittadin tagħha joħorġu mill-gwerra ċivili Libjana.  Naf x’kienet tfisser għax kont involut direttament fiha u ma kenitx ċajta.  L-Ingliżi jgħidu: “A friend in need is a friend in deed” u għandhom raġun.  Ħallejna ċertament għal din l-amministrazzjoni l-ogħla livell ta’ ħbiberija possibbli.

7.         F’din il-pożizzjoni għalhekk, kien mill-iktar żbaljat li l-Gvern jipprova juri li għamel xi akkwist ikbar milli fil-fatt huwa.  Fir-realtà, beża’ fix-xejn milli jgħid x’attwalment fih il-ftehim li għad irridu nkunu nafu pubblikament id-dettalji tiegħu.  Dan fih innifsu huwa kundannabbli għal żewġ raġunijiet.  L-ewwel, fil-konfront tal-poplu Malti li għandu dritt li jkun jaf; u t-tieni, lejn l-istess Gvern Ċiniż li ddejjaq żgur li jiddaħħal f’din il-linja ta’ politika mill-iktar immatura.  F’ċirkostanzi simili, gvern serju kien jieħu ħsieb: l-ewwel, jinforma ‘l-Oppożizzjoni b’dak li ser iwettaq; u t-tieni, iħabbar pubblikament id-dettalji.

8.         F’dan kollu, il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hija ċara u diretta lejn it-trasparenza.  Trasparenza li fuqha tista’ tibni, għax il-verità u s-sewwa huma l-pedamenti ta’ kull pass progressiv.  Biss, f’ebda mument ma aħna ser innaqqsu jew inbiddlu fir-rabta speċjali li aħna għandna mal-poplu Ċiniż.


ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...