9.10.13

Il-kwistjoni Sirjana

1. F’dawn l-aħħar ġimgħat, ix-xena internazzjonali kkonċentrat madwar dak li qiegħed iseħħ ġewwa l-pajjiż viċin tagħna, is-Sirja.  L-aħbarijiet ilhom dominati minn dak li huwa għaddej fil-gwerra ċivili ġewwa ħdan dak il-poplu.  Hemm diversi involuti fi ġlieda li qegħda twassal għall-imwiet ta’ ħafna.  Tfal, anzjani, nisa sfaw vittmi ta’ atroċitajiet mill-iktar gravi.  Irvell mill-poplu sabiex taqleb l-id iebsa u dittatorjali ta’ reġim li huwa kollox barra demokratiku.  Parti sħiħa mill-proċess ta’ bidla li bdiet fit-Tuneżija u kompliet f’diversi oħrajn.  Kompliet f’uħud billi pproduċiet toroq ġodda lejn id-demokrazija, lejn id-drittijiet fundamentali, lejn il-libertà u l-ġustizzja soċjali.

2. Vjolenza ġġib vjolenza oħra.  Huwa proċess li ma hemmx li jieqaf, jekk mhux bi sforzi b’saħħithom sabiex tiġi stabbilita l-paċi.  Sfortunatament, il-komunità Ewropea u internazzjonali sabet ruħha maqsuma fil-vuċi tagħha u dan ippermetta li r-reġim ta’ Assad ikompli bl-attakki fuq il-poplu.  Il-fatt li fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda baqgħet ma nstabitx pożizzjoni ta’ qbil fuq punti li jistgħu jwasslu għal kontroll ta’ dan il-kunflitt kompla wassal għal iktar libertinaġġ fl-azzjonijiet ħżiena.  Dan, flok, qiegħed iġib inqas possibilità ta’ soluzzjoni paċifika u politika.

3. Din is-sitwazzjoni kkumplikat u aggravat ruħha għax ir-reġim, fil-minoranza li għandu, għamel użu minn armi kimiċi.  Dan huwa iktar u iktar inaċċettabbli għalina lkoll.  L-użu tal-armi konvenzjonali diġà huwa mill-iktar serju, iktar u iktar f’dak li qiegħed jiżviluppa biċċa biċċa f’dak il-pajjiż.  Dan wassal għal numru ta’ pajjiżi, fosthom u fuq quddiemnett, l-Istati Uniti tal-Amerika li tressaq il-proposta li għandu jkun hemm intervent militari biex twiddeb b’mod mill-iktar dirett.  Din il-mossa ġiebet reazzjonijiet varji.  Min qabel u min le.  Rajna parlamenti jiddibattuha, oħrajn jippreparaw għaliha.  Ma hemmx x’wieħed jgħid li interventi militari m’humiex proprju s-soluzzjoni t-tajba.

4. Wara ħafna diskussjoni, missjonijiet mill-Ġnus Magħquda sabiex jiġi  stabbilit b’mod ċar li armi kimiċi ġew effettivment użati, sibna proposta Russa biex l-armi kimiċi li għandu r-reġim jiġu konsenjati u distrutti.  Din il-mossa waqqfet it-triq lejn l-użu tal-armi.  Biss, qajmet kwistjonijiet ġodda.  L-ewwel, ħarġet li dawn l-armi kienu verament jeżistu.  It-tieni, qarrbet iktar il-fatt li saru użu minnhom.  It-tielet, li ladarba sar użu, allura hemm responsabbiltà li tmur fit-triq ta’ proċeduri quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali.  Ir-raba’, li s-soluzzjoni hija, iktar minn qatt qabel politika, madwar mejda.  Il-ħames, li hemm bżonn interventi iktar qawwija f’dan il-mument partikolari sabiex il-Kumitat tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda jaqbel issa li x-xenarju nbidel.

5. Ħadd m’huwa jgħid li s-sitwazzjoni hija faċli, wisq anqas ħadd m’huwa jippretendi li fuq pajjiżna jiddependi kollox, imma hemm x’jista’ jsir.  Illum pajjiżna għandu vuċi fil-kapitolu li hija mismugħa.  Tul l-aħħar jiem ikkritikajna lill-Gvern li qagħad lura u m’attendiex kif kellu għal-laqgħa li saret tul ix-xahar li għadda apposta fuq is-sitwazzjoni fis-Sirja.  L-assenza tagħna inħasset żgur għax preżenza ta’ Ministru tal-Gvern kienet tibgħat il-messaġġ ċar li dan huwa suġġett importanti ħafna għaliha.  It-tieni, stajna nintervjenu b’suġġerimenti u proposti li bqajna m’għamilniex.

6. Tul il-ġimgħa kellna l-okkażjoni nqajmu dan is-suġġett fi ħdan il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej.  Hemm l-Oppożizzjoni ressqet żewġ punti għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern.  L-ewwel, li ladarba issa mill-iżvilupp pożittiv tad-diplomazija Russa għandna, f’ġieħ dawk li mietu, li nitkellmu sabiex il-Qorti Kriminali Internazzjonali tibda tinvestiga l-każ biex min kien responsabbli jitressaq.  It-tieni, f’isem dawk is-Sirjani li jgħixu f’pajjiżna, li nerġgħu ninsistu li għandha ssir il-konferenza f’Ġinevra għall-paċi politika fil-pajjiż.  It-tielet, li nerġgħu niċċaqilqu sabiex niġbru u nibgħatu materjal, ikel, assistenza, lid-diversi persuni li qed jaħarbu l-gwerra ċivili u qed jgħixu fit-tined fil-pajjiżi ġirien bħat-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan.

7. Bħala Oppożizzjoni nifhmu d-diffikultajiet ta’ ħidma diplomatika, però nsostnu li għandna nibqgħu vuċi favur il-poplu Sirjan.  Vuċi favur il-libertà, id-demokrazija u l-ġustizzja soċjali għalihom ilkoll.  Diġà kellna sehem determinanti fi kwistjonijiet oħra u dan bis-suċċess tiegħu.  Għalhekk m’għandniex noqogħdu lura u bil-prudenza, bl-attenzjoni, nwasslu l-pożizzjoni u l-vuċi tagħna.  Il-kwistjoni Sirjana hija, l-ewwel, ta’ dak il-pajjiż però hija tagħna wkoll.  Inħajru lill-Gvern għal iktar u fl-istess ħin ser nibqgħu nagħtu sehemna aħna bħala Oppożizzjoni soda u ffukata.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...