Showing posts with label kariga ta' Prim Imħallef. Show all posts
Showing posts with label kariga ta' Prim Imħallef. Show all posts

16.2.26

SEMPLIĊEMENT NIPPRETENDU

1. Numru ta’ drabi niddubita kemm il-klassi politika qegħda tifhem lill-poplu. Forsi, kif jiġri, min imexxi tant qed jiġi assedjat minn talbiet varji u b’immaġinazzjoni mingħand numru ta’ bnedmin fil-kostitwenza, li qed jibni l-impressjoni li dak hu li l-poplu jrid. Tant huwa b’saħħtu dan il-proċess, li jaqta’ barra lil dak li jkun mir-realtà li jgħix fiha. Jaqtgħu minn dawk li huma l-esiġenzi, in-neċessitajiet u l-aspirazzjonijiet tal-bnedmin fuq dawn il-gżejjer. Iġibu f’pożizzjoni li jsir konvint li dak li jgħodd hu kemm “taqdi” nies u tirbaħ jew titlef elezzjonijiet, jew li fuq dan il-“qadi” tiġi elett jew le. Fl-esperjenza politika ta’ oħrajn huwa ċar li dan mhuwiex il-każ.

Prijoritajiet

2. Il-bnedmin iridu, u għandhom ideat li ma jaqblux ma’ dan. Jekk mhux ukoll jiddisprezzaw din it-tip ta’ politika. Il-fatti juru li l-votant ifittex ħajja fejn l-affarijiet ikunu iktar sempliċi. Ifittex amministrazzjoni effiċjenti, ugwali, ġusta u aċċessibbli. Ifittex politiċi li jassiguraw dan u li jibnu biċċa biċċa fuq dak li għandna. Dan fi proċess loġiku li fih dak li mhuwiex jaħdem, dak li huwa manifestament żbaljat, jitneħħa ħalli jinbnew toroq ġodda. Ħafna drabi, fil-ħsieb li wieħed jiġġustifika l-eżistenza politika tiegħu jinbena l-kunċett ta’ proġetti kbar u li jimpressjonaw. Dawk diffiċli għax għandhom bżonn ħafna flus, kuntratti, ħin u kumplessitajiet varji. Xi drabi dawk li jibdew jidhru fil-bidu bħala soluzzjonijiet imma li waqt il-proġett stess isiru diġà irrelevanti.

Iktar minn dan

3. Forsi f’dan, il-punt l-iktar kruċjali jitlaq minn kemm aħna kapaċi nikkomunikaw politikament. Jista’ jkun li l-fatt li ħallejna fuq l-ixkafef tagħna l-kultura klassika nqtajna mil-lezzjonijiet passati li wieħed irid jispjega ċar ħafna dak li jkun qiegħed jipprospetta. Abbandunajna dik l-abbiltà effettiva u diretta li nkunu sempliċi u awtentiċi f’dak li ngħidu li ser nagħmlu. Forsi aktar minn hekk, qtajna qalbna minn dan u rrassenjajna ruħna fil-fallaċja li dan m’hemmx bżonnu. Niftakarni niltaqa’ u nitkellem ma’ politiċi oħra li kienu mhux biss jafdaw fil-bżonn tad-diskors politiku tagħhom, imma kienu wkoll jippreparawh tant li jimmemorizzawh. Hemm kienu effettivi u ġabru warajhom bnedmin varji sabiex bidlu fil-kunsens elettorali u mhux fl-impożizzjoni silenzjuża.

F’dan iż-żmien

4. Ngħid dan f’vesti ta’ riflessjoni u awtokritika ta’ dawk li jien parti minnhom illum. Dan għax meta titkellem mal-poplu, il-ħsieb tiegħu huwa marbut l-iktar mal-ħajja li fiha l-liġi tiġi rispettata u applikata. Ma’ grad qawwi ta’ normalità li fiha l-bnedmin, bir-responsabbiltà, jimxu sewwa. Iħaddmu tajjeb u kif għandhom l-istrumenti legali li għandhom b’responsabbiltà u piż politiku f’idejhom. M’hemmx bżonn spettakli parlamentari. Wisq inqas diskors żejjed u dispreġjattiv. Sempliċi twettiq ta’ dak li kull Stat demokratiku normali jistenna. Meta minflok jara li mekkaniżmi kostituzzjonali mill-iktar ċari u razzjonali jiġu kkumplikati, jiddejjaq. Dan għax huwa żmien differenti milli kellna qabel.

L-istorja

5. F’dan iktar meta wieħed jikkunsidra li proċess kostituzzjonali stabbilit sabiex iġib għaqda nazzjonali jispiċċa kollox barra minn dan. Fl-emendi li saru ftit ilu, hemm issa numru ta’ karigi li fihom hemm bżonn qbil qawwi ta’ żewġ terzi tad-deputati sabiex issir il-ħatra. Bħalissa weħilna fuq il-Prim Imħallef. Daqt ġejja oħra, bħal tal-Awditur Ġenerali, meta ftit ilu konna qbilna fuq il-President tar-Repubblika. Qatt mhu faċli jew tazza ilma biex tiddeċiedi dwar min jokkupa dawn il-karigi li huma, fil-fatt, garanzija tad-demokrazija tagħna. Biss, kif l-esperjenza uriet, huwa iktar sod li bniedem f’dawn il-pożizzjonijiet ikollu l-konfort ta’ tant appoġġ politiku. Mhux biss, imma hemm ukoll l-għarfien li r-responsabbiltà politika li inevitabbilment tiġi, hija maqsuma.

Kull ma jridu

6. Dak li seħħ f’dawn l-aħħar ġranet fl-għażla tal-kariga xejn faċli ta’ Prim Imħallef ma tantx qawwa qalb il-poplu fuq l-abbiltà tal-politiċi. Reazzjoni għall-fatt li dan ma nbediex qabel u ma sarx kif kellu jsir. Fis-sens loġiku li huwa għaqli li min għandu l-piż tal-Gvern jagħżel sew il-passi tiegħu biex iġib il-kunsens li għandu bżonn mingħand min ma jaqbilx. Għandu dan il-bżonn sija, l-ewwel, għall-pajjiż biex juri normalità, stabilità u maturità politika; u t-tieni, għalih innifsu, għax juri li għandu huwa nnifsu wkoll din il-kapaċità politika. Ħadd ma jitwieled b’dawn it-talenti, imma lkoll nafu li jistgħu jinbnew. Nittama li weħilna temporanjament. F’dan nittama iktar li nistgħu nimxu ’l quddiem f’kull kariga li ġejja quddiemna. F’dan proprju, sempliċement nippretendu li l-affarijiet isiru kif għandhom, u jingħalqu daqstant ieħor b’dan il-mod.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...