28.4.20

Sabar fid-demokrazija.




1.     Waqt li l-mument partikolari, diffiċli u kumplikat għaddej, irridu nżidu d-dożi tas-sabar.  Ma nwettqux l-iżball li nitilfu l-paċenzja u l-ħila li nissaportu dawn il-piżijiet.  Ma nħallux in-nervożiżmu u l-inkwiet igerfxuna.  M’għandniex nitilfu sabarna biex nieħdu deċiżjonijiet żbaljati.  Irridu noqogħdu għar-regoli li qed jinħarġulna, anki jekk dawn huma verament diffiċli u iebsa.  Is-saħħa tal-poplu trid tiġi protetta b’kull mod leġittimu u neċessarju.  Kull ħajja trid tiġi protetta, hija x’inhija l-età ta’ dak li jkun.  Il-ħajja, huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi tibqa’ prezzjuża, u mill-ġuf sal-aħħar trid tibqa’ tiħi difiża.

Dixxiplina

2.     Biex dan iseħħ, hemm bżonn li aktar jiddixxiplinaw ruħhom.  Jekk ma nkunux magħquda lkoll, niżbaljaw.  Jekk ma nagħrfux li l-mod li bih inġibu ruħna ser jolqot lill-oħrajn, ma nkunux qed nifhmu.  Dan huwa mument meta għandna niġu aktar flimkien.  Mument meta nkunu iktar f’solidarjetà ma’ xulxin.  Mhux biss, imma li nifhmu u napprezzaw il-ħidma li qed issir minn dawk li qed jissugraw ħajjithom għalina.  Napprezzaw li dawk kollha li qegħdin fil-kamp mediku qed jaħdmu sigħat twal, bi pressjoni kbira.  Persuni li jippretendu mingħandna li noqogħdu għaċ-ċirkostanzi u d-dixxiplina.      

Sagrifiċċji

3.     Dawn huma sagrifiċċji għal-libertà tagħna li jagħmlu sens, sakemm ikun hemm is-saħħa fiżika involuta.  Biss, f’dan ma hemmx bżonn li nħallsu l-prezz li nnaqqsu mill-valuri tad-demokrazija tagħna.  Nafu li hemm soċjetajiet li ppermettew bnedmin fil-politika, fi żminijiet oħra, li jnaqqsu mill-kontenut tagħhom.  Anzi, għandna l-eżempju ta’ dak li kienu jaħtru ‘Dictator’, uffiċjal f’Ruma Repubblikana, f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza eċċezzjonali.  Dawk l-esperjenzi qegħdin hemm biex ma jiġux imitati.  Qegħdin hemm biex nifhmu li l-istat demokratiku jrid, huwa wkoll, jirbaħ din l-isfida mingħajr ma jitlef mill-pilastri legali fundamentali tiegħu.  Fit-Tieni Gwerra Dinjija, minkejja kull diffikultajiet, l-istati demokratiċi baqgħu hekk: ma sarux dittatorjati biex jikkumbattu d-dittaturi.

Differenza

4.     Il-vuċijiet differenti fl-istat demokratiku tagħna għandhom jibqgħu jinstemgħu.  Din hija sfida mill-iktar qawwija għal min, jum wara jum, għandu fuqu r-responsabbiltà ta’ mezz ta’ informazzjoni.  Ma hemm xejn x’jiġġustifika li dawn jitħallew jitbielu.  Wisq anqas li jinżammu nieqsa mill-finanzi biex joperaw.  Huwa neċessarju li jibqa’ jkun hemm il-ħruġ u l-operat sħiħ tagħhom, iktar minn qabel.  Anzi, ngħid li għandu jkun hemm iktar ħeġġa, minn dawk li jiktbu, biex jiktbu u ma jibqgħux lura.  Dan huwa bżonn mhux traskurabbli.

Direzzjoni

5.     Hemm bżonn iktar spazju.  Hemm bżonn li l-vuċijiet demokratiċi jinstemgħu iktar minn qabel.  Jekk sa xi żmien ilu seta’ kien hemm min ħass li għandu l-‘lussu’ li jiddeċiedi liema vuċijiet jinstemgħu fuq il-mezzi tiegħu issa, iktar minn qabel, għandu jifhem li qegħdin fi stat ta’ neċessità.  L-Oppożizzjoni baqgħet, tul dan iż-żmien, titkellem.  Baqgħet tissuġġerixxi, tipproponi u ssemmgħa leħinha.  Toħroġ l-id tal-koperazzjoni.  Kemm ġiet rappurtata u f’liema grad ta’ importanza nafu.  Sfortunatament, tħalla għaddej il-messaġġ tal-Gvern.  Nafu li dan huwa l-ewwel, li għax nitkellmu, qed immorru kontra l-“interess nazzjonali” tiegħu; u t-tieni, li dak li ngħidu jrid jiġi mqiegħed f’suspett u dell ikrah.  Il-vuċi tagħna qegħda tinħonoq doppjament.

Żmien iebes

6.     Meta l-vuċi tal-Oppożizzjoni tiġi miżmuma lura, jew imqegħda fin-negattiv f’linji ta’ populiżmu aridu, id-demokrazija tagħna titlef.  Jekk il-mezzi tax-xandir liberi u indipendenti dan ma jifhmuhx, ikunu qed jassiguraw li waqt, jew wara din l-esperjenza, id-demokrazija tagħna tiġi mċekkna.  M’għandniex bżonn xi forom strambi ta’ dittatorjati, anqas ta’ demokraziji virtwali jew artifiċjali.  Għandna bżonn nirreżistu u naħdmu lejn ġid komuni li huwa dak li stat demokratiku u Ewropew jiggarantixxi.  Din hija sfida ta’ saħħa, imma warajha hija wkoll waħda demokratika.

Għajnuna

7.     Huwa, f’dan, valur li aħna parti mill-Unjoni Ewropea.  Forsi aħna, fil-Partit Nazzjonalista, inħossuha aktar din, imma m’għandniex nippermettu li nidħlu f’negattività bla sens.  Pajjiżna għandu vantaġġi kbar li qiegħed fl-Unjoni.  Imma jrid jagħmel użu minnhom fil-mekkaniżmi legali u demokratiċi tagħna.  Meta l-ilmijiet, li għandna d-dritt li nixorbu minnhom, indardruhom, niżbaljaw.  Pajjiżna huwa f’pożizzjoni diffiċli, imma m’għandux bżonn jidher li qiegħed fi kriżi u jidħol f’tentazzjonijiet estremi f’forom ta’ tqanqil żejjed fis-sistema ta’ nervi demokratiċi.

Kalma u żmien

8.     Il-pressjoni, ċertament, titla’ ‘l fuq speċjalment meta tkun kostanti l-problema.  Imma din ma tfissirx li aħna għandna nieħdu deċiżjonijiet żbaljati.  Ma tfissirx li għandna nitilfu mis-sewwa tagħna.  Ma tiġġustifikaw li r-regoli jiġu njorati, jew jitneħħew.  Irridu nibqgħu dak li aħna, għax dak huwa l-eżami tal-irġulija tagħna.  L-eżami li, fid-doloruż, żammejna l-kolp u ma żbaljajniex.  Il-kalma hija neċessarja.  L-attenzjoni għad-dettalji tas-sewwa, iktar.  Nagħrfu li ż-żminijiet jinbidlu.  Nagħrfu iktar kif missirijietna kienu jgħidu li bis-sabar u biż-żmien, kollox jasal fi tmiem.


     

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...