18.4.16

Il-Fiduċja fil-Politiċi.





1.         Fid-dinja, u b’mod partikolari f’dik Ewropea, hawn mewġa b’saħħitha li tixhed għal nuqqas ta’ fiduċja f’dawk li jiġu maħtura sabiex imexxu poplu u pajjiż.  Għal min qiegħed isegwi dak li seħħ, b’mod partikolari fl-aħħar elezzjonijiet Ewropej qiegħed jara iktar votanti jaħirbu mill-kaxxa tal-vot u oħrajn jivvutaw kontra dawk li jissejħu l-“partiti tradizzjonali”.  Hemm kurrenti ġodda li qed jitwieldu għal numru ta’ raġunijiet.  Proprju għax hawn min qiegħed jidħol fil-ħajja politika u ma jkunx preparat, kif ukoll għax min ikun ġieb fiduċja juri li fl-għażliet, fil-mumenti tal-prova, ma jweġibx kif għandu.

2.      Kull poplu, tagħna nkluż, iħares lejn dak li jkun għaddej.  Forsi ma jagħtix ġudizzju mmedjat.  Jisma’, jgħarbel u wara jiddeċiedi.  Biss, l-eventi ta’ dawn l-aħħar xhur marbuta mal-kwistjoni Panama sarrfu biex iktar bnedmin f’dawn il-gżejjer juru li dak li qed jiġri mhuwiex proprju għal qalbhom.  Il-pajjiż għandu sens qawwi ta’ dak li huwa ġust u dak li mhuwiex, ta’ dak li huwa veru u dak li mhuwiex.  Jippretendi sempliċement li min imexxi jkun onest u jimmira li jaħdem għall-ġid komuni.  Meta jkun hemm sitwazzjonijiet fejn ikun hemm qbil ġenerali minn isfel li l-affarijiet huma żbaljati, u meta min qiegħed fuq jibqa’ jiċħad, il-proċess ta’ deterjorament jikber.

3.      Dak li qiegħed iseħħ hawn, oħrajn diġà rawh jitwettaq barra minn xtutna mingħajr suċċess ta’ xejn.  Proprju għalhekk li saru sforzi differenti biex tiġi stabbilita linja differenti.  Il-partiti l-ġodda fix-xenarju ewropew bħal dawk taċ-Cinque Stelle fl-Italja, il-Podemos fi Spanja u s-Syriza fil-Greċja qabdu metodi ġodda ta’ kif iġibu lura l-fiduċja tal-elettorat u fl-istess ħin ta’ rappreżentanza ġdida.  Forsi ftit hawn li ndunaw kemm il-mewġa għall-bidla hija b’saħħitha u kemm iktar għandek sejħa biex ikun hemm politika u politiċi iktar serji, onesti, preparati u lesti li jifhmu dak li huwa sewwa minn dak li mhuwiex.

4.      Il-baħar fil-Gvern ta’ pajjiżna huwa preżentement f’dan aġitat ħafna.  Hemm min qiegħed jipprova jaħseb u hemm min irid jaħrab mill-problema.  Wieħed minn dawk li qiegħed jagħmel ħiltu biex ifiehem, u fl-istess ħin jgħarbel tajjeb, huwa l-Ministru Evarist Bartolo.  Dan deher iktar ċar fl-aħħar konferenza annwali tal-Partit Laburista fejn il-messaġġi kienu jħarsu f’direzzjonijiet bejn dawk li jridu li kollox jibqa’ kif inhuwa u dawk li ma jridux min jaċċetta s-sitwazzjoni.  Hemm, il-Ministru Bartolo ġie rappurtat li qal: “God forbid people lose faith in us, as in the continental countries, which have been swept by extremist parties.  We have to fight hard to retain people’s faith in us.  Once we lose that, it is very hard to regain it”.

5.      Dan id-diskors fih żewġ kuntesti.  Wieħed huwa mibni mill-qari u preparazzjoni politika xellugija tiegħu.  It-tieni huwa mwieled minn realtà li mhux sejra sseħħ fil-futur, imma li diġà qegħda sseħħ.  L-impatt ta’ din is-sitwazzjoni fuq id-dinja li qed tipprova tiġi analizzata huwa qawwi ħafna iktar minn qabel.  Dan għax ir-riżultat elettorali tal-2013 ġie interpretat mill-Partit Laburista fit-termini li dak kien biss eżerċizzju fit-tneħħija ta’ gvern preċedenti li huwa stess għen biex jiddemonizza.  Mentri min ivvota b’daqshekk maġġoranza qawwija kien qiegħed fil-fatt jesprimi fiduċja: waħda f’mexxej ġdid li kien qiegħed jibgħat il-messaġġ li ser jaqta’ minn metodi passati, li għandu diġà toroq differenti lesti.  Dik il-fiduċja li ġiet espressa, speċjalment minn dawk li mhumiex segwaċi tal-Partit Laburista, ġiet issa quddiem dan kollu traduta.

6.      Din hija r-realtà:  li hija gravi, għax il-ħsara li qegħda ssir fit-tessut demokratiku qegħda tinfirex.  Mhux biss għax il-verità, il-ġustizzja u l-komportament onest u trasparenti qiegħed jiġi injorat, imma għax ma hemmx min irid isegwi l-politika f’dak li qegħda tiżviluppa.  Is-suċċess ta’ partiti mhux tradizzjonali fl-Ewropa huma hekk għax biddu l-metodu tal-komunikazzjoni u kabbru b’hekk il-fiduċja fihom.  Laqatni dak li rajt xi żmien ilu dwar l-impatt tal-ex Ministru tal-Finanzi grieg Varoufakis fuq id-dinja tax-xellug meta ngħad: “No other finance minister has ever used twitter as he did, to comment on events as if he weren’t really involved in them, no finance minister has been constantly reachable at his private email address or granted interviews to all and sundry, no other finance minister has recorded euro-zone negotiations on a smart phone”.

7.      Hemm sejħa popolari sabiex il-politika taġġorna ruħha maż-żminijiet però, iktar minn hekk, li tifhem li l-poplu jibqa’ jrid dejjem nies li huma miegħu u li jkunu d-difensuri tiegħu.  Dan jgħodd iktar għax il-partit fil-Gvern huwa wieħed oriġinarjament fuq ix-xellug u parti mill-familja soċjalista.  Allura dak li għaddej illum f’dan il-pajjiż qiegħed iktar jibgħat messaġġ negattiv lill-elettorat.  Flok hemm distribuzzjoni aqwa fil-ġustizzja, hemm iktar ċara l-perċezzjoni li ta’ fuq qegħdin jgħixu f’dinja superjuri tal-allat griegi.  Sitwazzjoni li fakkritni f’dak li jiġi attribwit lil Kautsky minn Laclau: “Capitalist society advances towards an increasing concentration of property and wealth in the hands of a few enterprises; and a rapid proletarianization of the most diverse social strata and occupational categories is combined with a growing impoverishment of the working class”.

8.         Dan qiegħed iġib antagoniżmu bejn il-poplu u dak li beda jiġi identifikat bħala xi forma ta’ kasta politika li qegħda tiddomina.  L-effetti ta’ dan il-ħsieb huwa wieħed li jwelled iktar aġitazzjoni u iktar bnedmin li mhumiex ser jaċċettaw lill-klassi politika bħalissa fil-poter.  Iktar u iktar meta l-każ huwa gravi u miegħu qiegħed jiżdied id-dewmien li qiegħed iktar jaggrava.  Biss, għalkemm hemm nuqqas ta’ kjarezza, l-piż prinċipali qiegħed u jibqa’ fuq il-Gvern tal-ġurnata.  Huwa hu li jrid, għax għandu dan il-mandat, iġib lura l-fiduċja fit-tmexxija politika.  L-Oppożizzjoni f’dan m’għandhiex responsabbiltà tal-akkadut; anzi l-eventi qed juru li dmirha qegħda, bl-abbiltajiet għad-dispożizzjoni tagħha, twettqu.  Nistgħu nirreġistraw biss li l-proċess lura lejn il-fiduċja politika, li fil-mument nieżel iktar ‘l isfel, jista’ biss jinbeda lura jekk dak li għandu jsir, iseħħ malajr.


No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...