1. Il-kalma hija
indispensabbli għal ħidmet dawk fil-politika.
Sfortunatament, il-ġimgħat li għaddew neħħew dan u l-klima rridu naċċettaw
li nbidlet ta’ taħt fuq. Hawn wisq
instabilità li biddlet il-mod ta’ kif ikun jista’ jservi bl-aħjar mod
lill-poplu. Hawn wisq diskors żbaljat, aġir
mhux fil-linja tas-sewwa li qiegħed iħawwad iktar l-ilmijiet. Hawn ukoll ċaħda u ħarba minn dak li huwa
veru. Il-pajjiż, tul dawn l-aħħar tlett ġimgħat,
waqaf idur miegħu nnifsu; mhux jaċċetta dak li qiegħed jirrealizza li għaddej.
2. Huwa xenarju
li f’ċertu sens huwa “ġdid”. Differenti
għax fis-snin li għaddew l-istabilità tal-pajjiż kienet prijorità. Il-poplu kien beda t-triq li jħalli warajh
il-politika u jikkonċentra l-attenzjoni tiegħu fuq dak li jinteressah. Il-ħin dedikat għal din l-attività naqas
proprju għax diversi ħassew li ma kienx hemm dan il-bżonn u dak li kien għaddej
ma kienx qiegħed imisshom. It-trankwillità
u l-istabilità fit-tmexxija tal-poter kienu evidenti, anke jekk fl-aħħar leġislatura
kien hemm kwistjonijiet oħra.
3. Il-Partit
Nazzjonalista għadda minn ħames snin ta’ problemi oħra differenti. Kellu min minn fostu li kellu ħsieb u aġenda
differenti li wasslu għall-aġir li huwa llum magħruf u kkundannat. Sitwazzjoni xejn faċli, li ma tantx kienet
ta’ għajnuna fix-xenarji nazzjonali li kien hemm għaddejja. Xorta però, minkejja dan, fil-pajjiż baqgħet
tirrenja l-istabilità. L-ekonomija baqgħet
tikber, il-kriżi tal-gwerra ċivili libjana ma ġibitx l-effetti ħżiena li oħrajn
bassru, il-kriżi finanzjarja ma ħakmitniex bħal oħrajn u kellna prinċipalment
iż-żieda verament qawwija fil-prezz taż-żejt li għakksitna.
4. Illum
il-pożizzjoniji daret. Il-Partit
Laburista fil-Gvern huwa b’saħħtu internament u l-pożizzjoni maġġoritarja
fil-Parlament ma hix b’xi mod imċaqilqa.
Vera hemm min mhux qiegħed jaqbel, biss is-saħħa hemm għadha. L-istabilità fil-partit hemm qegħda, però dik
fil-pajjiż intilfet. Diversi persuni,
meta jitkellmu juruk li huma mħassbin ħafna.
Sija dawk li kienu jivvutaw mod u sija dawk li la jridu jew li ser
ibiddlu l-ħsieb tagħhom għandhom fuq kollox dan l-inkwiet. Mhux qed jaraw li l-affarijiet tal-pajjiż
sejrin tajjeb. Dan issa qiegħed jiekol u
jinkwieta sew iktar u iktar meta qed jifhmu li miżuri li jippretendu li jseħħu
ma humiex sejrin isiru.
5. Fortunatament
il-Parlament jinsab aġġornat. Il-Gvern għandu
issa perjodu qasir ta’ ġimgħatejn li fihom jista’ jqiegħed l-affarijiet lura
fl-ordni. L-Għid il-Kbir,
fit-tradizzjoni passata kien mument fejn ċerti deċiżjonijiet jiġu meħuda. Huwa propizju għax ħafna jkunu ġustament
okkupati bl-attivitajiet reliġjużi u allura jkun hemm dak l-ispazju neċessarju
għall-ħsieb u r-riflessjoni. Hemm tista’
tiġi ndirizzata l-għajta li hawn preżentement fit-toroq li qed titlob tmexxija
aħjar u toni politiċi ferm inqas qawwija.
6. Il-pajjiż ma
jistax jemmen li fi tlett snin wasalna f’din il-pożizzjoni. It-temperatura politika tant qabżet kull limitu
li ħafna qed jitilfu mill-fiduċja fil-politiċi u qed jiddubitaw mill-effikaċja
tal-politika nnifisha. Naħseb li aħna li
għadna nittamaw u naħdmu sabiex inġibu lura din il-fiduċja għandna dmir biex
nikkalmaw l-ambjent. Ebda poplu ma
jista’ jimxi ‘l quddiem jekk ma jkollux politiċi tajba u li dawn jagħrfu
jutilizzaw għas-sewwa dan l-istrument importanti. Dan huwa li qed jippretendi l-pajjiż u għalhekk
wieħed jifhem għala hawn xettiċiżmu u diskors kontra l-politiċi.
7. Jekk ma
jsirux numru ta’ bidliet, allura s-sitwazzjoni mhix sejra ‘l quddiem. Il-konsegwenzi ser ikunu, żgur mhux forsi ta’
iktar firda, kif ukoll ta’ iktar attakki bla sens fuq il-persuni milli fuq
l-argumenti. Illum, b’Ħadd il-Palm
nimmarkaw il-bidu tal-ġimgħa tal-Passjoni.
Nittama li l-pariri t-tajba jittieħdu.
Li dawk li għandhom esperjenza politika valida u soda, jintervjenu. Nittama serjament li fl-aħħar tagħha nagħrfu
iktar dak li għandna ndaħħlu lura ġewwa fil-politika u dak li għandna noħorġu
kompletament ‘il barra.
No comments:
Post a Comment