Id-Deputat Nazzjonalista
Carm Mifsud Bonnici appella lill-Gvern jagħti spjegazzjoni dwar il-lista twila
ta' miżuri li ħa fil-Baġit b'żidiet fuq il-ħlasijiet ta' diversi servizzi li
ċ-ċittadin jirrikorri għalihom regolarment, u li qed jissarrfu f'piżijiet
akbar.
Quddiem dawn il-piżijiet
ġodda, il-Gvern għandu jispjega wkoll għal xiex saru u fejn se jwasslu. Carm
Mifsud Bonnici saħaq li dawn il-piżijiet juru li l-Gvern m'għandux strateġija
politika finanzjarja tajba fid-dħul mit-taxxi u fil-finanzi.
Meta tkellem dwar l-Abbozz
ta' Liġi li jimplimenta miżuri tal-Estimi, Carm Mifsud Bonnici kkritika
lill-Gvern li żbalja meta ħa miżuri b'għaġla hekk kif saħaq li la darba
l-ekonomija sejra daqstant tajjeb kif qed jgħid il-Gvern, ma kellux jippreżenta
fil-Baġit aktar minn mitt paġna ta' taxxi u żieda fit-tariffi.
Meta s-sena l-oħra l-Gvern
insista li miċ-ċittadinanza se jġib ħafna flus u kienu se jkunu s-soluzzjoni
għad-dħul aktar lill-pajjiż, il-Gvern messu evita dan l-Abbozz li jintroduċi taxxi
ġodda biex jagħmlu tajjeb għal diversi miżuri li l-Gvern kien ippjana li kien
se jdaħħal u ma daħħalhomx.
Dan l-Abbozz ta' Liġi
fissru bħala nkwetanti wkoll quddiem dokument kbir b'miżuri li permezz tagħhom
se jagħmel bilanċ tal-baġit tiegħu mingħajr ebda linja ta' ħsieb. Spjega li
f'din il-borma ta' taxxi hemm minn kollox, inkluż tariffi redikoli u oħrajn
serji.
Semma kif deċiżjonijiet
saru mingħajr linja ċara ta' dak li jrid jagħmel u f'partijiet minnhom, daħlu
kwantità ta' miżuri li qatt ma saru f'dan id-dokument u dejjem tresqu
separatament, bħalma hu fil-każ tat-tariffi tal-Qorti.
Semma kwantità kbira ta'
tibdiliet fit-tariffi tal-Qorti u fisser li dan mhux il-mod kif il-Gvern
idaħħal tariffi ġodda.
Ikkritika wkoll il-mod kif
qed jiddaħħlu t-tariffi fil-Qorti, inkluż dawk fuq it-tribunali fil-Qorti,
b'uħud mit-tariffi diġà daħlu fis-seħħ, iżda oħrajn le. Semma wkoll kif tariffi
li ssoltu jsiru b'emendi u mingħajr il-bżonn ta' baġit, ma daħlux fis-seħħ u
sejjaħ dan bħala konfużjoni ta' tariffi li hemm fil-preżent fil-Qorti.
Id-Deputat Nazzjonalista
tkellem ukoll dwar tħassib ieħor fl-introduzzjoni ta' dawn it-tariffi u żieda
fit-taxxi, u semma kif hemm kwantità ta' emendi biex iżidu tariffi fuq
ċertifikati bħalma huma dawk ta' twelid u ta' żwiġijiet, waqt li hemm ukoll
żidiet fit-tariffi fuq it-tiġdid tal-passaporti.
Dawn huma miżuri li se jolqtu lin-nies fl-affarijiet u
fil-bżonniiet ta' kuljum.
Semma li ż-żieda fit-tiġdid
tal-passaporti hi nkwetanti għaliex mhux biss żdiedu t-tariffi, iżda daħlu kriterji
ġodda li qabel ma kinux jeżistu. Dan qed iżid il-piż fuq in-nies b'miżuri li
mhumiex neċessarji, bħalma huma wkoll iż-żidiet imħabbra fir-Reġistru Pubblikuu
u fir-Reġistru tal-Artijiet.
Semma wkoll il-kwantità
kbira ta' tibdiliet fil-liċenzji tal-Pulizija u li huma mifruxa f'kollox,
minkejja li spjega li fuq uħud minnhom it-tariffi mhux biss qatt ma kellhom
jiżdiedu iżda kellhom jitneħħew.
Bħala eżempju, Carm Mifsud
Bonnici semma l-kwistjoni tal-badges tal-kundutturi tal-karozzi
tal-linja li ilha li spiċċat żmien twil, u f'din il-lista ta' miżuri kellhom
mhux jiżdiedu iżda jitneħħew kompletament. Semma wkoll il-miżuri fuq
il-pumpieri taċ-ċinematografi.
Irrifera wkoll għall-emendi
li qed isiru biex uffiċjali tad-Dwana jkunu eżenti milli jieħdu r-responsabbiltà
tal-oġġetti fdati lilhom. Fisser ukoll li hu żball kif qed titkisser ukoll
ir-regola li dejjem tħaddmet, meta l-Gvern issa se jkun qed jgħaddi poteri
eżekuttivi tal-membri tal-korp tal-Pulizija lil uffiċjali tad-Dwana.
Ikkritika wkoll
id-deċiżjoni tal-Gvern li jdaħħal żidiet fuq il-poloz tal-assigurazzjoni fuq
il-ħajja, bil-Gvern flok jgħin biex ikabbar dan is-settur tal-assigurazzjoni
qed jagħmel miżura li jżid fil-piż fuq dawn it-tip ta' poloz li għandhom ikunu
nkoraġġuti u mhux jintefa' aktar piż fuqhom.
Irrifera wkoll għal setturi
oħrajn li huma b'saħħithom u qed jaraw żidiet, bħalma hu l-piż fuq dawk li
jieħdu ħsieb il-kmamar tan-nar. Carm Mifsud Bonnici staqsa jekk kienx hemm
konsultazzjoni dwar dawn iż-żidiet.
Semma wkoll li l-Gvern qed
jimponi aktar piżijiet fuq is-soċjetajiet tal-banda, u ż-żidiet fuq il-liċenzji
marbuta mal-annmali.