13.2.15

Tlifnieh



1.      L-aħbar li Michael Refalo ġie msejjaħ għal ħajja ferm aħjar minn din inxterdet f’ħakka t’għajn.  Diversi kienu saru jafuh f’dawn is-snin tiegħu għas-servizz tal-poplu.  Ħafna għalhekk stqarrew kliem ta’ tifħir dwar ħidmietu.  Bir-raġun, għax kellu karattru mill-aqwa.  Ġentili, preparat li jgħin, u fuq kollox kien difensur sod ta’ dawk li kienu jirrikorru għandu.  Ta’ tifel imrobbi f’familja fil-politika kont diġà smajt ismu ħafna snin ilu.  Fid-diffikultajiet kbar li l-Partit Nazzjonalista kellu jgħaddi minnhom fl-Oppożizzjoni bi Gvern Laburista li ma tantx kien għaddej isegwi r-regoli tad-demokrazija.  Fejn il-libertà tal-espressjoni kienet nieżla u kien hawn biża’ fil-pajjiż, f’dak li tgħid, f’dak li tagħmel, u agħar, f’dak li jgħidu dwarek kien hemm.

2.      F’din is-sitwazzjoni trabbew numru ta’ bnedmin li bil-kuraġġ u bid-determinazzjoni kienu magħquda biex iġibu lura d-demokrazija u r-renju tad-dritt.  L-Avukat Michael Refalo hemm kien ikun, ma kienx joqgħod lura milli juri li huwa parti mill-ġenerożità u l-altruwiżmu li kien qed jikber fost partit fejn ma kienx jaqbillek tkun miegħu.  Dawk li kienu nazzjonalisti kellhom jaħdmu u jgħixu fil-moħbi.  Biss Michael hemm kien ikun.  L-ewwel fost il-klijenti varji tiegħu.  Jiddefendihom il-Qorti fid-diversi bżonnijiet.  Ma kienx avukat li kellu xi sezzjoni partikolari, anzi kellu minn kollox.  Ma kienx jistħi jew joqgħod lura milli jidher fit-toga tiegħu mal-kurituri u l-awli ma’ dawk li ma kellhomx.  Mhux l-ewwel darba jew tnejn kont narah għaddej jittratta u jiddefendi, iktar u iktar meta mit-tielet sena tal-kors kont nidħol nipprova ngħin lil missieri.

3.      Mhux darba jew tnejn kont insibu ma’ missieri jieħu kafѐ bejn ħaġa u oħra.  Inkella nsibhom fil-kamra tal-avukati jiddiskutu.  Kawżi kontra xulxin kellhom ukoll.  Niftakar ċertu karattri partikolari.  Niftakru li kien bħal dawk l-avukati ġenwini u twajba li kienu jkunu dejjem konvinti li l-klijent tagħhom, ġej minn fejn ġej, f’dik il-kawża għandu raġun biex ibiegħ.  Huwa kellu uffiċċju mqabbad sew.  Kien jaf mill-esperjenza diretta l-bżonnijiet tal-poplu u kien jaf għal min qiegħed jaħdem u jagħti l-karriera u ħajtu.  Proprju din il-parti twila servietu ta’ riserva qawwija għall-artikoli li kien jikteb Ħadd wara Ħadd, u iktar tard meta ġie maħtur fl-Eżekuttiv bħala ministru.  Ma kienx maqtugħ jew xi rappreżentant ta’ xi elite.  Kien tal-poplu għall-poplu.

4.      Kull nhar ta’ Ħadd, meta iktar politiċi kienu jieħdu ħsieb jiktbu f’din il-gazzetta, Michael kien ikun hemm.  Jikteb b’attenzjoni u intelliġenza.  Daqqa naħa u daqqa oħra, jinbex u jwassal għal diskussjoni f’dak li kien għaddej.  Ma qagħadx lura milli jidhħol fejn għandu, wisq u wisq inqas li jikteb għas-sewwa.  Niftakru li mhux kulħadd kien japprezza dan u laqqat xi libell jew tnejn.  Għax, bir-raġun, kien hemm min jiddejjaq jispiċċa fil-kitba ċara tiegħu.  Il-linka ma naqsitux u kull editur kien jaf li kien jista’ jiddependi fuqu, iktar u iktar meta bejn l-1972 u l-1980 kien jokkupa huwa stess il-kariga ta’ editur ta’ ‘il-mument’.  Il-kitba kienet ta’ persuna lejali, li anke jekk ma taqbilx miegħu f’kollox, kont tapprezza li ġejja minn ideal politiku li jemmen fih.  Ma kienx fil-partit għall-interess iżda għall-prinċipju.  Kien parti sħiħa minn dak li l-partit għamel lilu nnifsu fl-1987 meta l-pajjiż inbidel lura għas-sewwa.

5.      Huwa serva b’attenzjoni u b’umiltà fil-Parlament għal żmien twil.  Ġie elett fl-1971 u baqa’ hemm sal-2003, tnejn u tletin sena mhux ċajta.  Kelli x-xorti nkun fl-istess Grupp Parlamentari miegħu meta ġejt elett fl-1998.  Kien jitkellem bis-serjetà, biss qatt ma kien jonqos milli jitbissem u jiċċajta.  Kellu paċenzja wkoll, speċjalment bija membru ġdid li kont nippreżenta domanda parlamentari fuq oħra u ma noqgħodx għar-risposti.  Kien jaf x’inhuwa jagħmel.  Kieng ħal qalbu fis-settur tat-turiżmu, li rawwem u kabbar kemm felaħ.  Forsi mhux kulħadd fehem fejn ried jasal, biss illum ħadt pjaċir nara kemm ingħada kredtu.  Għamel diversi regoli li servew u bena tajjeb l-istrutturi legali u amministrattivi.  Ħadem b’dedikazzjoni u qatt ma smajt min ma kienx konvint minn dan.

6.      Apprezzajtu iktar meta fl-2003 sibtni rrid immexxi ‘l-quddiem is-settur kumplikat tal-Ġustizzja.  Hemm stajt narah iktar mill-viċin ta’ dak li wettaq fil-ftit żmien li kien fil-pożizzjoni.  Kellu fuq naħa jmexxi ‘l-quddiem id-diversi emendi li kienu ġew konklużi u jitqegħdu fis-seħħ wara dak li l-Ministru Joe Fenech vara fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.  Għall-ewwel darba nfetaħ staġun ta’ emendi li qabel ħadd ma kien għamel u li ppermettewli ndaħħal iktar u iktar jien.  Ma kienx mument faċli, speċjalment meta l-mentalità u l-kultura legali kienet kontra dak li sar.  Biss huwa rnexxielu jżomm il-kolp u jinsisti biex l-emendi jibdew jaħdmu u ma jiġux injorati.  Mhux biss dan, imma kellu l-kuraġġ u d-determinazzjoni li jibda l-proċess biex jitwaqqaf iċ-Ċentru tal-Arbitraġġ.  Il-bidu ta’ mekkaniżmi alternattivi għall-Qorti bdiehom hu.  Mexxa ‘l-pajjiż ‘il quddiem sew u kif kelli l-okkażjoni naqra l-files ministerjali kien ċar mill-bidu f’dak li jrid.  Ċentru li sibtu tajjeb għal dak li ridt nibdel li llum għaddej sew b’ħafna xogħol.

7.      Qalbu ma waqfitx tħabbat għal pajjiżna.  Meta spiċċa jservi fil-Kamra għażel bil-qalb li jmur l-Ingilterra bħala Kummissarju Għoli.  Kien kburi b’din il-ħidma u pożizzjoni.  Serva lill-poplu u sar jaf diversi politiċi fil-House of Commons u Lords.  Bena rabtiet personali u segwihom sa kemm seta’.  Fir-realtà baqa’ attiv sal-aħħar, isegwi dak li għaddej u miżmum għall-integrità, l-onestà, kuraġġ u determinazzjoni.  Għal diversi bħali, tlifna persuna ta’ sustanza.  Biċċa mit-tessut u mill-mużajk ħaj tal-Partit Nazzjonalista tmur miegħu.  Mill-qalb il-lunghi giorni lill-familja tiegħu.








No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...