13.2.15

Obama għamel il-punt.



1.      Ma nistax ngħid li jien inżomm mal-Partit Demokratiku amerikan u anqas dak Repubblikan f’dak il-pajjiż.  Hemm punti li naqbel magħhom fiż-żewġ partiti u hemm diversi oħra li assolutament magħhom ma naqbilx.  Allura nikteb mhux min-naħa tal-parti iżda minn dak li qed nara jew, għall-iskop ta’ dan l-artikolu, ta’ dak li rajt għaddej tul din l-aħħar ġimgħa.  Ngħid dan għax it-Tlieta li għadda, Barack Obama, il-President tal-Istati Uniti għamel id-diskors ta’ kull sena magħruf aħjar bħala “State of the Union Address”.  Diskors verament interessanti, mimli b’informazzjoni u direzzjoni.

2.      Fil-verità kont ilni ma nisma’, nara u wara nerġa’ naqra diskors ta’ din il-kwalità minn żmien il-Prim Ministru Ingliż Tony Blair.  Ma nafx jekk kienux dawni l-mexxejja li kitbu diskorshom, bħal ma naf diversi li jħobbu jagħmlu, biss żgur mhux forsi, approvaw kitba u messaġġi tajba ħafna.  Fi kliem dirett stajt nara President li ried jagħmel numru ta’ punti ċari u diretti.  Kien interessanti ħafna dan meta tikkonsidra li fl-aħħar elezzjonijiet għall-kungress u l-kamra tad-deputati, l-Partit Demokratiku, dak ta’ Obama, tilef il-maġġoranza fit-tnejn.  Kien hemm linja kontinwa ta’ botti politiċi b’saħħithom li permezz tagħhom id-demokratiċi riedu jerġgħu jġibu l-affarijiet lura fil-perspettiva li hemm.  Il-kmamar huma repubblikani, iżda l-President huwa demokratiku.

3.      Is-sustanza tad-diskors kien maqsum f’żewġ partijiet prinċipali.  Waħda fuq l-affarijiet barranin u l-oħra fuq is-settur intern.  Smajtu jgħid tant tajjeb li l-Istati Uniti ma jistgħux “separate our work at home from the challenges beyond our shores”.  Ta’ kif dan il-pajjiż irid jieħu ħsieb li jkollu “military power with strong diplomacy”.  Il-verità hija li għalkemm attakkat diversi drabi, irnexxielu jġib ‘il quddiem fil-plitika barranija punti li presidenti ta’ qablu ma għamlux.  Il-fatt li l-pajjiż fetaħ bibien ġodda lejn pajjiż bħal Cuba, li ilhom mill-1961 bihom magħluqa, huwa żgur pass kbir ‘il quddiem.  Biż-żewġ naħat diġà involuti f’diskussjonijiet sabiex jinfetħu ambaxxati u mhux biss, bil-kuraġġ li jirrikonoxxi li dak li qiegħed iwettaq għandu id fiha l-Papa Franġisku.  Papa li diġà għamel il-marka tiegħu u jikkwotah bil-kliem veritieri “diplomacy is the work of small steps”.

4.      L-istess meta jsemmi l-fatt li l-pajjiż naqqas drastikament il-preżenza tiegħu fl-Iraq u fl-Afganistan minn 180,000 suldat għal 15,000.  Jew l-importanza li l-klima hija fermament fl-aġenda amerikana bil-ftehim storiku li wasal għalih maċ-Ċina.  Din ukoll deċiżjoni kuraġġuża u li fetħet bibien ġodda fix-xenarji.  Deċiżjoni li qed tkompli tissoda bil-fatt li dan il-Ħadd ser ikun fl-Indja, preżenti f’pajjiż li qiegħed joħroġ bħala t-tielet wieħed.  Wieħed li wara dawn iż-żewġ pajjiżi l-kbar qed jieħu post ir-Russja li tidher dejjem iktar li qegħda tiżola lilha nfisha.  F’pożizzjonijiet fil-Paċifiku u l-Asja fejn, kif qal tajjeb: “We are modernizing alliances while making sure that other nations play by the rules.”  Il-messaġġ ċar tiegħu kien li l-Istati Uniti importanti kienu u beħsiebhom jibqgħu, mhux biss, imma anke jekk jikkritikawh id-dar li ma kienx bħal ta’ qablu, għamel aħjar minnhom.

5.      Però ma waqafx hemm.  Seta’ jiftaħar fuq dak li għaddej fil-pajjiż fil-politika nazzjonali.  Il-figuri tad-dinja tax-xogħol huma pożittivi ħafna.  L-ekonomija hija b’saħħitha, id-defiċit nieżel, l-industrija qed taħdem u l-produzzjoni tal-enerġija qed tiġi ssudata aħjar b’inqad dipendenza fuq swieq barranin.  Fuq kollox, għoġbitni l-pożizzjoni tiegħu li jrid “an economy that generates rising incomes” u dan flimkien mal-fatt li iktar studenti ggradwaw fl-istituzzjonijiet edukattivi f’dak il-pajjiż.  Wieħed jifhem iktar li l-politika preżenti tiegħu hija dik li jgħin lil iktar bnedmin jitilgħu ‘l fuq.  Mhux biss, b’iktar xogħol imma b’salarju aqwa u b’aktar flus u investiment fl-edukazzjoni tal-ulied.  Dak li fil-verità konna qbadna tant tajjeb aħna fi żmien passat.

6.      F’dan kollu, f’dawn il-punti ta’ suċċess fejn id-daqqiet politiċi ma naqsux ħa ħsieb li ma jabbandunax il-fatt li l-politika t-tajba ssir għax ikun hemm valuri veri u mhux apparenti.  Dan iktar u iktar meta jirrimarka li għaddew diġà l-ewwel ħmistax-il sena ta’ dan is-seklu.  Lejn l-aħħar tad-diskors jassigura li qiegħed jagħti importanza lill-ġustizzja, id-dinjità umana, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-bżonn tad-difiża tal-liġi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.  Mexxej politiku ta’ sustanza jiddistingwi ruħu minn oħrajn meta jagħti piż determinanti lill-valuri li joħorġu mill-prinċipji etiċi nsara li verament għamlu dan il-pajjiż u dan il-poplu.  Għad fadal sentejn oħra ta’ din it-tmexxija.  Ma għandix dubju li ser ikompli jkun importanti mhux biss fil-politika amerikana, internazzjonali, iżda wkoll dik ta’ pajjiżna.  Aħna niddependu wkoll fl-ekonomija tagħna, fil-ħajja soċjali mill-istabilità ta’ dan il-pajjiż kbir.  Huwa importanti li l-boxxla soċjali ta’ dan il-Presidnet ma tmurx sabiex il-ġustizzja soċjali fid-dinja ma tintilifx.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...